SOLENNITÀ TAT-TNISSIL BLA TEBGĦA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 

ATT TA’ QIMA LILL-IMMAKULATA FI PIAZZA DI SPAGNA

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LIL MARIJA IMMAKULATA

 

Piazza di Spagna

Il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru 2023

 

Verġni Immakulata!

Aħna niġu għandek b’qalbna maqsuma bejn tama u biża’.

Għandna bżonnok, Omm tagħna!

Imma qabelxejn irridu rroddulek ħajr,

għax fis-skiet, kif inhu l-istil tiegħek, inti tindokra din il-belt,

li llum qed iddawrek bil-ward biex turik imħabbitha.

Fis-skiet, lejl u nhar, tħares fuqna:

fuq il-familji, bil-ferħ u t-tħassib – dan int tafu tajjeb –;

fuq il-postijiet tal-istudju u tax-xogħol; fuq l-istituzzjonijiet u l-uffiċċji pubbliċi;

fuq l-isptarijiet u d-djar tal-anzjani; fuq il-ħabsijiet; fuq min jgħix fit-triq;

fuq il-parroċċi u l-komunitajiet kollha tal-Knisja ta’ Ruma.

Grazzi tal-preżenza tiegħek diskreta u kostanti,

li timliena bil-faraġ u t-tama.

 

Inti taf, għandna bżonnok, Omm tagħna;

għax inti l-Immakulata Kunċizzjoni.

Il-persuna tiegħek, l-istess fatt li int teżisti

jfakkarna li l-ħażen la għandu l-ewwel u lanqas l-aħħar kelma;

li d-destin tagħna mhuwiex il-mewt imma l-ħajja,

mhuwiex il-mibegħda imma l-fraternità, mhuwiex il-kunflitt imma l-armonija,

mhux il-gwerra imma l-paċi.

Inħarsu lejk u nħossuna mwettqin f’din il-fidi

li l-ġrajjiet xi kultant iqiegħdu taħt prova iebsa.

U int, Omm tagħna, dawwar ħarstek kollha ħniena

fuq il-popli kollha magħkusin mill-inġustizzja u mill-faqar,

imġarrbin mill-gwerra: Omm tagħna, ħares lejn il-poplu mifni tal-Ukrajna,

lejn il-poplu Palestinjan u lejn il-poplu Iżraeljan,

mill-ġdid mgħaddsin fi vjolenza ma taqta’ xejn.

 

Illum, Omm qaddisa, inġibulek hawn, taħt il-ħarsa tiegħek,

tant ommijiet li, kif ġralek int, huma addolorati.

L-ommijiet li qed jibku lill-ulied maqtula mill-gwerra u mit-terroriżmu.

L-ommijiet li jarawhom jitilqu għal vjaġġi ta’ tama ddisprata.

U anki l-ommijiet li jfittxu kif sa jħolluhom mill-għoqod tad-dipendenzi,

u dawk li jarawhom għaddejjin minn marda twila u qalila.

 

Illum, Marija, għandna bżonn tiegħek bħala mara,

biex nafdawlek lin-nisa kollha li ġarrbu l-vjolenza

u dawk li għadhom sa issa vittmi tagħha,

f’din il-belt, fl-Italja u f’kull parti tad-dinja.

Inti tafhom waħda waħda, taf l-uċuħ tagħhom.

Ixxotta, nitolbuk, id-dmugħ tagħhom u dak tal-għeżież tagħhom.

U għin lilna nagħmlu mixja ta’ edukazzjoni u ta’ tisfija,

u nagħrfu u neħduha kontra l-vjolenza li bejtet

fil-qlub tagħna u fil-ħsibijiet tagħna,

waqt li nitolbu lil Alla jeħlisna minna.

 

Urina għal darb’oħra, Omm tagħna, it-triq tal-konverżjoni,

għax ma hemmx paċi mingħajr maħfra,

u ma hemmx maħfra mingħajr indiema.

Id-dinja tinbidel jekk il-qlub jinbidlu;

u kulħadd irid jgħid: ibda minn tiegħi.

Imma l-qalb tal-bniedem Alla biss jista’ jibdilha

bil-grazzja tiegħu: dik li fiha int, Marija,

għodost sa mill-ewwel waqt.

Il-grazzja ta’ Ġesù Kristu, Sidna,

li int nissilt fil-ġisem,

li għalina miet u rxoxta, u li int dejjem turina.

Huwa s-salvazzjoni, għal kull bniedem u għad-dinja.

Ejja, Mulej Ġesù!

Ħa tiġi s-saltna tiegħek ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi!

Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard