VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL

FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

LAQGĦA MAL-VOLONTARJI TAL-JDŻ

DISKORS TAL-QDUISJA TIEGĦU

"Passeio marítimo" di Algés 
Il-Ħadd, 6 ta’ Awwissu, 2023

Għeżież ħbieb, il-jum it-tajjeb!  U grazzi!

Grazzi lill-Patrijarka ta’ Lisbona għal kliem li indirizzali, lil Mons. Aguiar u lilkom ilkoll talli ħdimtu tant u tant tajjeb: bis-saħħa tagħkom dawn il-jiem ma jintesew qatt!  Ilkom titħabtu xhur sħaħ, fil-moħbi, bla daqq ta’ trombi u dwal tal-palk, ħalli lkoll kemm aħna niltaqgħu hawn biex inkantaw flimkien: “Ġesù ħaj u ma jħalliniex waħedna: qatt aktar m’aħna se nieqfu nħobbu”.  Mhux biss: intom kontu ta’ eżempju għax kontu magħqudin bħala tim u ħdimtu flimkien!  Imma dan tagħkom aktar minn xogħol kien servizz, grazzi!

L-istess servizz li tat il-Verġni Marija li “qamet u marret tħaffef” (Lq 1,39) biex tmur tqadi lill-kuġina Eliżabbetta, għax ħasset l-urġenza li taqsam il-ferħ bil-qadi.  Xi ħaġa kienet laqtitha, riedet tiltaqa’ ma’ Ġesù u tilqgħu f’darha (cfr Lq 19,6); niftakru fin-nisa, fid-dixxipli, li nhar l-Għid kienu ġejjin u sejrin mill-qabar għaċ-ċenaklu biex iħabbru li Ġesù kien qam (cfr Ġw 20,1-8).  Min iħobb ma joqgħodx b’idejh marbutin, min iħobb jaqdi, min iħobb imur jgħaġġel biex jaqdi, iħaffef biex jimpenja ruħu fis-servizz għall-oħrajn.  U intom ħaffiftu, ħaffiftu ħafna tul dax-xhur!  Jien stajt nara biss il-mument finali, tul dal-ġranet, kont nosservakom intom u taqdu l-elf bżonn, kultant bl-għejja mnaqqxa fuq wiċċkom, drabi oħra mgħakusin minnħabba l-urġenza tal-mument, imma dejjem osservajt ħaġa: li għajnejkom dejjem kienu jleqqu bil-ferħ tas-servizz, grazzi!

Dil-laqgħa dinjija taż-żgħażgħ saret possibbli bis-saħħa tagħkom, għamiltu ħwejjeġ kbar bil-ġesti żgħar tagħkom, bħalma kien il-flixkun żgħir tal-ilma li offrejtu lil xi ħadd li ma tafuhx, u dan joħloq il-ħbiberija.  Ġrejtu ħafna, imma mhux bil-ġiri bla nifs u bla għan li kultant naraw fid-dinja tagħna, le, intom ġrejtu mod ieħor: għamiltu ġirja li wasslitkom qrib l-oħrajn biex taqduhom fl-isem ta’ Ġesù.  Intom ġejtu Lisbona biex isservu mhux biex jaqdukom, grazzi, grazzi ħafna!

U rrid insir loudspeaker f’isimkom, ħalli jidwi dak kollu li għidtu fi-testimonjanzi tagħkom, it-testimonjanza ta’ Chiara, Francisco u Filipe: it-tlieta li huma kellmuna dwar laqgħa speċjali ma’ Ġesù.  Fakkruna li l-isbaħ laqgħa, il-mutur tal-oħrajn kollha, dak li jgħinek timxi bis-serjetà, li jmexxi l-ħajja ‘l quddiem, hi flimkien ma’ Ġesù.  Hu l-aktar laqgħa importanti ta’’ ħajjitna.  Ta’ kuljum inġeddu l-laqgħa personali tagħna ma’ Ġesù: dan hu l-ispirtu tal-ħajja nisranija.  U hemm bżonn inġedduh ta’ kuljum biex inżommuh dejjem frisk, mhux biss fil-moħħ imma fil-qalb ukoll.  Ġarrabna kif sempliċi “iva” lil Ġesù tista’ tibdel il-ħajja.  Imma wkoll il-ħafna “iva” oħra li jingħadu lill-oħrajn jagħmlulna tajjeb meta jkunu servizz.  Fil-ħin tal-għejja, intom għamiltu kuraġġ lil xulxin u bqajtu għaddejjin tgħidu “iva” biex isservu lill-oħrajn.  Grazzi ta’ dan.

U int, Francisco, għidt li hawn sibt xi ħaġa li kellek bżonnha u li lanqas biss kont tfittxha.  Bil-mixi, bix-xogħol u t-talb mal-oħrajn fhimt li ma stajtx tħalli lilek innifsek tkun ilsier tad-diżordni, “tas-sodod imgerfxin” tal-imgħoddi, u lanqas tgħix bit-turment tas-sens ta’ inkompletezza f’qalbek, iżda li, ma’ Ġesù u ħutek, ingħatatlek l-okkażjoni biex iġġib l-ordni “fil-kamra ta’ ħajtek”.  Sabiħa din: dan il-Jum Dinji hu ta’ siwi, jgħin ħafna biex nerġgħu nġibu l-ordni fil-ħajja.  Imma għaliex?  Grazzi għall-Jum Dinji?  Le, grazzi għal  Ġesù, li jinsab hawn f’nofsna u jurina lilu nnifsu.  Biex norganizzaw ħajjitna mhux affarijiet hemm bżonn, m’hemmx bżonn id-distrazzjonijiet,  m’hemmx bżonn il-flus.  Hemm bżonn irrattbu l-qalb.  U jekk intkom trattbu qalbkom iġġibu l-ordni mill-ġdid f’ħajjitkom.  Tibżgħux: rattbu qalbkom!

U fl-aħħar, Filipe, fost il-ħafna affarijiet sbieħ li qsamt mal-oħrajn għidt ħaġa li nixtieq niġbed l-attenzjoni dwarha: għidt li hawn għext laqgħa doppja, laqgħa ma’ Ġesù u laqgħa mal-oħrajn.  Iltqajt ma’ Ġesù u ltqajt mal-oħrajn.  Dan importanti ħafna: il-laqgħa ma’ Ġesù hi mument personali, uniku, li wieħed jista’ jirrakkunath u jiddeskrivih sa ċertu punt, imma jasal dejjem bis-saħħa ta’ mixja flimkien ma’ oħrajn, magħmula bis-saħħa tal-interċessjoni tal-oħrajn.  Tiltaqa’ ma’ Ġesù u tiltaqa’ miegħu bis-servizz li tagħti lill-ħaddieħor.

Ħbieb, fl-aħħar irrid inħallielkom xbieha.  Kif jafu ħafna minnkom, fit-tramuntana ta’ Lisbona hemm lokalità, Nazaré,, minn fejn bniedem jista’ jammira mewġ li jaf ikun għoli anki tletin metru u dawn huma attrazzjoni mondjali, speċjalment għas-surfisti li jirkbu fuqhom.  F’dal-ġranet intom ukoll irkibtu mewġa tassew: mhux mewġa tal-ilma imma ta’ żgħażagħ, żgħażagħ bħalkom, li mlew dil-belt.  Però, bl-għajnuna t’Alla, b’tant ġeneroħità u bis-sapport ta’ xulxin, irkibtu dil-mewġa kbira.  Ikribtu dil-mewġa kbira: intom verament kuraġġużi.  Grazzi, obrigado!  Irrid ngħidilkom: komplu hekk, komplu irkbu l-mewġ tal-imħabba, il-mewġ tal-karità, intom surfisti tal-imħabba!  U din hi l-biċċa xogħol li qed intikom f’dan il-waqt: li s-servizz li tajtu f’dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ikun l-ewwel fost ħafna mewġ ta’ tajjeb ieħor; kull darba intom togħlew aktar ‘il fuq, aktar qrib Alla u dan jippermettielkom taraw viżjoni minn perspettiva aħjar milli mit-triq tagħkom.

Mill-ġdid grazzi lil kulħadd.  Il-mixja t-tajba! U nirrikmandalkom, komplu itolbu għalija.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber