VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

IT-TRIQ TAS-SALIB FLIMKIEN MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

“Parque Eduardo VII” (Lisbona)
Il-Ġimgħa, 4 ta’ Awwissu, 2023

 

Għeżież ħuti, il-waranofsinhar it-tajjeb!

Illum se timxu ma’ Ġesù.  Ġesù hu t-triq u aħna se nimxu miegħu, għax Hu jimxi.  Meta kien fostna, Ġesù kien mexa, mexa biex ifejjaq il-morda, biex jgħin il-foqra, biex jagħmel il-ġustizzja... kien jimxi biex jipprietka, jgħallimna.  Ġesù jimxi, iżda l-mixja li hi l-aktar imnaqqxa fi qlubna hi l-mixja tal-Kalvarju, it-triq tas-Salib.  U llum intom, aħna, jien ukoll, bit-talb, se nġeddu din it-Triq tas-Salib.  U se nħarsu lejn Ġesù għaddej u nimxu miegħu.  Il-mixja ta’ Ġesù hija Alla li joħroġ minnu nnifsu, joħroġ minnu nnifsu biex jimxi magħna.  Dak li nisimgħu tant drabi fil-Quddiesa: “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna”.  Tiftakru?  U l-Verb sar bniedem u għammar fostna.  U dan jagħmlu għall-imħabba.  Jagħmel dan għall-imħabba.  U s-Salib li jakkumpanja kull Jum Dinji taż-Żgħażagħ huwa l-ikona, is-simbolu ta’ din il-mixja.  Is-Salib hu l-akbar sens tal-akbar imħabba, l-imħabba li biha Ġesù jrid iħaddan ħajjitna miegħu.  Tagħna?  Iva, tiegħek, tiegħek, tiegħek, dik ta’ kull wieħed u waħda minna.  Ġesù jimxi għalija.  Għandna ngħiduha lkoll kemm aħna.  Ġesù jitlaq għal dil-mixja għalija, biex jagħti ħajtu għalija.  U ħadd m’għandu mħabba akbar minn dak li jagħti ħajtu għal ħbiebu, minn dak li jagħti ħajtu għall-oħrajn.  Tinsewhx dan: ħadd m’għandu mħabba akbar minn min jagħti ħajtu, u dan għallimulna Ġesù.  Għalhekk, meta nħarsu lejn il-Kurċifiss, oġġett ta’ wġiegħ kbir, ħaġa tant iebsa, naraw is-sbuħija tal-imħabba li tagħti ħajjitha għal kull wieħed u waħda minna.

Persuna ta’ twemmin kbir kienet tgħid sentenza li lili laqtitni ħafna.  Kienet tgħid hekk: “Mulej, bl-agunija ineffabbli tiegħek nista’ nemmen fl-imħabba”.  Mulej, bl-agunija ineffabbli tiegħek nista’ nemmen fl-imħabba.  U Ġesù jimxi, imma jistenna xi ħaġa, jistenna l-kumpanija tagħna, jistenniena nħarsu...  Ma nafx, jistenna li tinfetaħ it-tieqa ta’ qalbi, ta’ qalbek, ta’ qalb kull wieħed u waħda minna.  Kemm huma koroħ il-qlub magħluqa, jiżirgħu ġewwa fihom u jitbissmu minn ġewwa!  Ma tagħmilx sens.  Ġesù jimxi u b’imħabbtu jistenna, jistenna bit-tenerezza tiegħu, biex itina l-faraġ, biex jixxuttalna d’dmugħ.

Illum nagħmlilkom mistoqsija, però tweġbux b’leħen għoli: kulħadd iwieġeb f’qalbu.  Jiena nibki xi kultant?  Hemm xi affarijiet fil-ħajja li jġagħluni nibki?  Ilkoll kemm aħna bkejna f’ħajjitna, u għadna nibku.  U hemmhekk ikun hemm Ġesù magħna, Hu jibki magħna, għax jakkumpanjana fid-dlam li jisiltilna d-dmugħ.

Noqgħodu ftit fis-skiet u kulħadd jgħid lil Ġesù għal liema raġuni qed jibki fil-ħajja; kull wieħed u waħda minna jgħidha lilu nnifsu, issa, fis-skiet.

[waqt ta’ skiet]

Bit-tenerezza tiegħu, Ġesù jixxotta d-dmugħ moħbi tagħna.  Bil-qrubija tiegħu, Ġesù jrid jimla s-solitudni tagħna.  Kemm huma ta’ niket il-waqtiet tas-solitudni!  U Huwa jkun hemm, Hu jrid jimla din is-solitudni.  Ġesù jrid jimla l-vojt tal-biżgħat tagħna, il-biża’ tiegħek, il-biża’ tiegħi, dawk il-biżgħat mudlama jrid jimliehomlna bil-faraġ tiegħu; u jistenna li jimbuttana biex inħaddnu r-riskju li nħobbu.  Għaliex, intom tafu, tafuh aħjar minni: li tħobb huwa riskju.  Hemm bżonn nieħdu r-riskju li nħobbu.  Huwa riskju, imma vale la pena nirriskjaw, u Hu jakkumpanjana f’dan.  Jakkumpanjana dejjem, dejjem jimxi, dejjem, tul il-ħajja, Hu qrib tagħna.

Ma rridx ngħid wisq aktar. Illum se nagħmlu l-mixja miegħu, il-mixja tat-tbatija tiegħu, il-mixja tal-ansjetajiet tagħna, il-mixja tas-solitudnijiet tagħna. 

Issa nerġgħu noqgħodu fis-skiet għat-tieni darba u kull wieħed u waħda minna niftakru f’dak li qed iġagħalna nsofru, fl-ansjetajiet tagħna, fil-miżerji tagħna.   Tibżgħux, aħsbu sewwa, u aħsbu wkoll fix-xewqa li l-qalb terġa’ tibda titbissem.

[waqt ta’ skiet]

U Ġesù jimxi bis-Salib, imut fuq is-Salib sabiex qalbna tkun tista’ terġa’ titbssem.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber