VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL

FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

VELJA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

“Parque Tejo” (Lisbona)
Is-Sibt,5  ta’ Awwissu, 2023

 

Għeżież ħuti, il-lejla t-tajba!

Inħossni ferħan ħafna li qed narakom.  Grazzi li vvjaġġajtu, imxejtu, u grazzi talli tinsabu hawn!  U qed naħseb li l-Verġni Marija wkoll kellha tivvjaġġa biex iżżur lil Eliżabbetta: ‘Qamet u marret tħaffef” (Lq 1,39).  Jiġi li tistaqsi: għaliex Marija tqum u tmur tħaffef għand kuġintha?  Ċertament, għadha kif saret taf li l-kuġina hi tqila, imma hi, Marija, tqila wkoll; allura għalfejn tmur jekk ħadd ma talabha?  Marija taħmel ġest li la hu mitlub u lanqas dovut; Marija tur għax tħobb u “min iħobb itir, jiġri bil-ferħ” (Imitazzjoni ta’ Kristu, III,5)  Dan tagħmel l-imħabba.

Il-ferħ ta’ Marija hu doppju: kienet għadha kif ħadet l-aħbar mingħand l-anġlu li kellha tilqa’ fiha lir-Redentur, u wkoll l-aħbar li l-kuġina kienet tqila.  Għalhekk, interessanti: minflok taħseb fiha nfisha, taħseb fl-oħra.  Għaliex?  Għax il-ferħ hu missjunarju, il-ferħ mhux għal wieħed waħdu, ifisser li twassal xi ħaġa.  Nistaqsikom: intom, li tinsabu hawn, li ġejtu biex tiltaqgħu, biex issibu l-messaġġ ta’ Kristu, biex issibu s-sens sabiħ tal-ħajja, dan se żżommuh għalikom jew se twassluh lill-oħrajn?  X’taħsbu?  Minix nisma’....  Hu sabiex twassluh lill-oħrajn, għax il-ferħ hu missjunarju!  Intennuha lkoll flimkien: il-ferħ hu missjunarju!  Hekk, jien inwassal dal-ferħ lill-oħrajn.

Imma dal-ferħ li għandna, ħaddieħor ħejjiena biex nirċevuh.  Issa nħarsu lura, lejn dak kollu li rċevejna: dan lestielna qlubna għall-ferħ.  Jekk inħarsu lura, ilkoll għandna persuni li kienu raġġ ta’ dawl għal ħajjitna: ġenituri, nanniet, ħbieb, saċerdoti, reliġjużi, katekisti, animaturi, għalliema... Nistgħu ngħidu li dawn huma l-għeruq tal-ferħ tagħna.  Issa nagħmlu waqt ta’ skiet, u kull wieħed u waħda nifakru f’dawk li tawna xi ħaġa fil-ħajja, li nistgħu ngħidu li huma l-għeruq tal-ferħ.

[mument ta’ skiet]

Sibtu?  Sibtu wċuħ, stejjer?  Il-ferħ li waslilna minn dawk l-għeruq hu dak li għandna nagħtu aħna, sabiex aħna nkunu għeruq tal-ferħ għall-oħrajn.  U bl-istess mod aħna nistgħu nkunu għeruq ta’ ferħ għall-oħrajn.  Mhux il-każ li nwasslu ferħ ta’ ftit ħin, li jgħaddi, ferħ ta’ mument; huwa l-każ li nwasslu ferħ li jagħmel l-għeruq.  U jien nistaqsi: kif nistgħu nsiru għeruq tal-ferħ?

Il-ferħ ma jinstabx fil-biblijoteka, magħluqa – minkejja li l-istudju hu meħtieġ – imma jinsab x’imkien ieħor.  Mhux maqful biċ-ċavetta.  Il-ferħ irridu nfittxuh, irridu niskopruh.  Niskopruh fid-dajlogu mal-oħrajn, hemm, fejn għandna nħawlu l-għeruq tal-ferħ li rċevejna aħna.  U kultant dan jgħejjik.  Nagħmlilkom mistoqsija: kultnat intom tgħejjew?  Aħsbu ftit x’jiġri meta bniedem ikun għajjien: ma jkollu aptit jagħmel xejn, kif ngħidu bl-Ispanjol, bniedem iċedi l-armi għax ma jkollux ħeġġa jibqa’ miexi ‘l quddiem u allura jċedi, jieqaf jimxi u jaqa’.  Intom taħsbu li persuna li fil-ħajja taqa’, ikollha falliment, li wkoll tagħmel żbalji gravi, kbar, ħajjitha spiċċat?  Le!  X’hemm bżonn isir?  Tqum!  U hemm ħaġa sabiħa ħafna li llum irrid inħallihielkom bħala tifkira.  L-alpini li jħobbu jixxabbtu mal-muntanji, għandhom għanja sabiħa ħafna li tgħid hekk: “Fl-arti tat-txibit – mal-muntanja -, mhux li taqa’ jgħodd, iżda li ma tibqax mal-art”.  Sabiħa!

Min jibqa’ mal-art diġà “pensjonant” tal-ħajja, għalaq, ingħalaq għat-tama, ingħalaq għax-xewqat u jibqa’ mal-art.  U meta naraw lil xi ħadd, ħabib tagħna li għadu mal-art, x’għandna nagħmlu?  Ngħinuh iqum.  Aħsbu ftit dwar meta bniedem ikollu jerfa’ li xi ħadd jew ikun irid jgħin lil xi ħadd biex iqum, liema ġest jagħmel?  Iħares lejh minn fuq għal isfel.  L-okkażjoni waħdanija, l-uniku mument li fih jiswa li tħares lejn persuna minn fuq għal isfel, biex tgħinha tqum.  Kemm drabi, kemm drabi naraw nies li jħarsu lejna b’dal-mod, merfugħin, minn fuq għal isfel!  Hu ta’ niket. L-uniku mod, l-unika sitwazzjoni li fiha jiswa tħares lejn persuna minn fuq għal isfel hi... għiduha intom...għajtu: biex tgħinha tqum.

Sewwa, din hi xi ftit jew wisq il-mixja, il-mixja kostanti.  U fil-ħajja, biex niksbu xi ħaġa hemm bżonn nitħarrġu  fil-mixi.  Kultant ma jkollniex aptit nimxu, ma jkollniex aptit nitgħabbew bil-piz, fl-eżamijiet nikkupjaw għax ma jkollniex aptit nistudjaw u ma naslux inġibu riżultat.  Ma nafx jekk xi wħud minnkom iħobbux il-futbol...; jien inħobbu.  Meta jsir gowl x’hemm warajh?  Ħafna taħriġ.  Wara r-riżultat x’hemm?  Ħafna taħriġ.  U fil-ħajja mhux dejjem nistgħu nagħmlu dak li rridu, imma dak li tridna nagħmlu l-vokazzjoni li għandna fina – kulħadd għandu l-vokazzjoni tiegħu.  Nimxu.  U jekk naqa’, inqum jew xi ħadd jgħinni nqum; ma nibqax mal-art; u nitħarreġ, nitħarreġ fil-mixi.  U dan kolllu hu possibbli, mhux għax nagħmlu xi kors ta’ studju dwar il-mixi – ma jeżistux korsijiet biex jgħallmuna nimxu fil-ħajja -: dan nitgħallmuh mingħand il-ġenituri, nitgħallmuh mingħand in-nanniet, nitgħallmuh minn ħbiebna, billi nagħtu daqqa t’id lil xulxin.  Fil-ħajja it-tagħlim qatt ma jieqaf, u dan hu t-taħriġ biex nimxu.

Inħallilkom dawn il-ħsibijiet.  Nimxu, u jekk naqgħu, inqumu, nimxu b’għan; nitħarrġu kuljum fil-ħajja.  Fil-ħajja xejn mhu b’xejn, kollox għandu prezz.  Ħaġa waħda hi b’xejn: l-imħabba ta’ Ġesù!  Għalhekk, b’din l-imħabba b’xejn – l-imħabba ta’ Ġesù – u bir-rieda li nimxu, nimxu bit-tama, inħarsu lejn għeruqna u nibqgħu mexjin ‘il quddiem, bla biża’,  Tibżgħux.  Grazzi!, Ciao!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber