VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL

FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-iSCHOLAS OCCURRENTES

TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Sede tal-iScholas Occurentes ta’ Cascais
Il-Ħamis, 3 ta’ Awwissu, 2023

 

Mistoqsija n. 1 (POR)

Il-Jum it-tajjeb. Scholas! Scholas! Scholas!

Meta qaluli biha ma kelli ebda dubju li naċċetta u nintrabat ma’ dal-proġett għax hu spazju li fih kulħadd jaqsam flimkien emozzjonijiet u sentimenti.  Hu spajzu li fih kulħadd jikkontribwixxi b’dak li għandu, bil-valuri etiċi u morali, għall-ġid tal-komunità,  indipendentement mir-reliġjon u l-oriġini.  Jien ġej mill-Guinea Bissau u jien musulman, imma nħossni sehem sħiħ minn dan l-ispazju.  U bħala musulman, inħoss l-obbligu u d-dmir li ningħaqad u nsir parti minn dal-moviment.  Għaliex din hi l-eżortazzjoni li jagħmlilna l-Iżlam: dak li għandna nagħmlu hu li nieħdu ħsieb il-proxxmu, u għal dir-raġuni nixtieq nistaqsi għaliex l-iScholas hu spazju li fih kulħadd isib l-identità tiegħu u għaliex tant diversità biex tinkiseb opra tal-arti.

 

Il-Papa:

Scholas dan kollu tagħmlu possibbli, kulħadd iħoss li qed jagħti sehemu.  Bir-rispett kollu, imma mhux b’rispett statiku, iżda dinamiku, li lil dak li jkun tmexxih biex jesprimi ruħu u jara li, kif turi dit-tpinġija, li kif int għidt dwar il-Corral, hu Cappella Sistina mpinġija minnkom.  (Applawsi).  Scholas tgħinek tibda miexi, Scholas iġġagħalek tirrispetta lill-ieħor, u tisma’ lill-ieħor, tmexxik ‘il quddiem.  Scholas hi laqgħa f’mixja, bejn kulħadd, minn kwalunkwe pajjiz, kwalunkwe reliġjon, imma biss b’ħarsa ‘l quddiem u flimkien.  Dan hu kostruttiv bħalma huma t-tliet kilometri tal-mural li pinġejtu biex wasaltu hawn.

 

Mistoqsija n. 2 (POR)

Nxtieq inkompli xi ftit dwar id-direzzjoni tad-diversità biex nidħol fit-tema li kien is-sies ta’ dawn ix-xahrejn ta’ ħidma tagħna: il-kaos.  Aħna, bħala grupp u individwalment ukoll, kellna opportunità nżuru komunitajiet diversi, persuni diversi, reliġjonijiet diversi, kulturi diversi u dan tana opportunità grandjuża biex nidħlu aktar fil-fond mhux biss tagħna nfusna, imma wkoll tal-komunità kollha kemm hi, sirna nafu xi jfisser tiskopri s-sentiment veru li jġarrbu huma, is-sofferenzi veri li jħossu u b’hekk, intuhom l-opportunità li jesprimu dan kollu b’daqqa ta’ pinzell, b’linja fuq il-mural.  Tajniehom l-opportunità li jesprimu ruħhom.  Dawn is-sofferenzi huma tagħna wkoll, huma parti mill-konvivenza ta’ bejnietna?  Allura nixtieq insaqsi: x’kien jiġri mill-eżistenza tagħna mingħajr il-kaos oriġinali?  Grazzi.

 

Il-Papa:

Int qed tgħid kaos, tajjeb.  Hija -lkriżi.  Tafu mnejn ġejja l-kelma “kriżi”?  Meta kien ikun jinġabar il-qamħ, kienu jgħarblu (bl-ispanjol cribar: osservaw il-qrubija tal-kema “kriżi” ma’ “cribar”).  U l-kriżijiet fil-bniedem huma sitwazzjonijiet tal-ħajja, ġrajjiet, problemi organiċi, gdiedem jew kuntentizza.  Dan iġagħalek tagħrbel, u jkollok tagħżel.  Ħajja mingħajr kriżijiet hi ħajja sterili.  Inti tħobb tixrob l-ilma?  Jogħġbok?  Jekk intik ilma distillat, idardrek!  L-ilma distillat hu ilma mingħajr kriżijiet.  Ħajja mingħajr kriżijiet tixbaħ l-ilma distillat, togħma ta’ xejn.  Ma jiswa għal xejn.  Jiswa biss biex tħallih fl-armarju u tagħlaq il-biebien.  Il-kriżijiet irridu naċċettawhom, jeħtieġ naċċettawhom u nsolvuhom.  Il-kriżijiet huma traġitt li irridu ngħaddu minnu, trid taċċettahom.  U rari jirnexxilek waħdek.  Dan ukoll hu importanti fil-grupp tal-iScholas.  Timxu flimkien biex tiffaċċjaw il-kriżijiet, issolvu s-sitwazzjonijiet.  L-importanti hu li tibqgħu mexjin u tikbru flimkien.  Allura ibqgħu mexjin imqar biex tieklu feijoada flimkien.

 

Mistoqsija n. 3 (POR)

Dawn l-aħħar xahrejn ħdima ħafna biex lestejna l-mural li inti rajt hemm barra.  Imma dan il-mural jirrappreżenta l-kaos verament.  Il-kaos li, spiss ħafna, meta nġarrbuh, u meta nġarrbuh mill-qrib, ma nifhmuhx u din hi konfużjoni kbira.  Donnhom linji każwali.  Iżda l-verità hi li jasal waqt li aħna nitbiegħdu minnu.  Minn dak il-bogħod aħna jirnexxielna naraw forom, kuluri; jibda jirnexxielna nsibu sens ta’ dal-kaos u jibda jirnexxeilna nagħtu kas aktar ta’ dak li bilkemm naraw jew li bilkemm inħossu, imma iva, jirnexxilna nesprimu ruħna.  Għalija, per eżempju, kienet esperjenza importanti ħafna għax jien ukoll għext mumenti ta’ kaos kbir f’ħajti – nemmen li kulħadd jgħaddi minnhom – u l-verità hi illi, int u tisma’ l-istorja ta’ ħaddieħor, tinfetaħ verament biex tagħti widen, biex taqsam u tilqa’ lill-persuni kollha li ħadu sehem (fit-tpinġjia) ta’ dal mural, għalina kien privileġġ, forsi aktar milli għalihom, għalina li ninsabu hawn u ħallejna l-libertà biex dan iseħħ.  U dan kollu għaliex qed infittxu dan is-sens, ilkoll qed infittxu das-sens profond li nġarrbu li hi ħaġa akbar mis-sempliċi preżenza tagħna hawnhekk.  U allura nixtiequ nistaqsuk: meta għaddejt minn ħdejn il-mural, x’ħassejt, x’ġagħlitek iġġarrab il-qalb ta’ dal-mural tul it-traġitt sa ma wasalt hawn, dan li għalina hu sempliċiment il-bidu jew it- tmiem.  Ma nafux.  U qabel ma twieġeb nixtiequ wkoll, f’isem kulħadd, noffrulek pinzell, dan il-pinzell li jirrappreżenta lilna lkoll.

 

Il-Papa:

Sabiħ dak li għidt dwar il-kaos.  Kien hemm xi ħadd li kien jgħid li l-ħajja tal-bniedem, il-ħajja umana tagħna, hi li mill-kaos nagħmlu kożmu, jew, li minn dak li ma jagħmilx sens, jinsab f’diżordni, hu kaotiku, nagħmlu kożmu, bis-sens, miftuħ, li jistiednek, kumplessiv.  Hawnhekk ma rridx inkun katekista, imma jekk naraw l-istruttura tar-rakkont tal-Ħolqien, li hu rakkont mitiku, fil-veru sens tal-kelma “mit”, għax il-mit hu għamla ta’ għarfa.  Allura dak li kiteb ir-rakkont tal-Ħolqien uża din l-istorja.  Biex ngħiduha, dan inkiteb ħafna żmien wara li l-poplu għebrew għadda mill-esperjenza tal-ħelsien tiegħu.  Jiġifieri l-ewwel hemm l-esperjenza tal-ħruġ tal-poplu għebrajk u mbagħad hemm ħarsa lura.  U kif bdiet l-istorja?  Il-kaos kif ittrasforma ruħu f’kożmu?  Huwa hemm, b’lingwaġġ poetiku, li hemm ir-rakkont ta’ kif darba Alla għamel id-dawl mill-kaos, jum ieħor għamel il-bniedem u kompla jaħlaq ħwejjeġ u jittrasforma l-kaos f’kożmu.  Fil-ħajja tagħna jiġri l-istess: ikun hemm waqtiet ta’ kriżi – nerġa’ ntenni l-kelma -, li jkunu kaotiċi, li fihom ma tkunx taf fejn qiegħed, ilkoll ngħaddu minn dawn il-waqtiet ta’ dlam.  Kaos.  U hawn hu x-xogħol personali tal-persuni li jakkumpanjawna, ta’ grupp bħal dan, dak li jittrasforma l-kożmu.  Jien insibha diffiċli f’dal kaos tas-Sistina (daħqa) naħseb li wara dak kollu hemm il-kożmu, għaliex liema hu l-kożmu?  Qed tibnuh intom bil-messaġġ li qed tmexxu ‘l quddiem, bil-mixja li għandkom quddiemkom.  Tinsewh qatt dan: ittrasformaw il-kaos f’kożmu.  U din hi l-mixja ta’ kulħadd.  Ħajja li tibqa’ fil-kaos hi ħajja falluta u ħajja li qatt ma ġarrbet il-kaos hi ħajja distillata, fejn kollox hu perfett.  U l-ħajjiet distillati huma ħawlija, imutu fihom infushom.  U jekk ħajja personali u relazzjonali li għaddiet minn kriżi bħala kaos, u ftit ftit fiha nfisha, u fi ħdan il-komunità, inbidlet f’kożmu...nifirħilha.

 

Tfalja mill-iScholas Occurrentes, bl-ispanjol:

Grazzi, Papa Franġisku għal kliemek,  Grazzi!

 

Żgħażugħa, bil-portugiz:

Għalina hu ferħ li qed intemmu dil-mixja.  Imma minkejja li din l-esperjenza waslet biex tintemm, hu pjaċir tagħna li l-opra mhi se tintemm qatt.  Għalhekk illum se nispiċċaw biex nibdew.  Hekk, meta mixja tintemm, tinfetaħ mixja oħra.  Iddeċidejna li dal-proġett insemmuh: “Ħajja bejn id-Dinjiet”.  Infatti l-mural kollu huwa esperjenza, huwa impressjoni ta’ ħajja li titwieled mil-laqgħa bejn tant realtajiet differenti.  Għalhekk illum se nagħmlu qabża u se ngħaqqdu dinja fiżika ma’ dinja virtwali.

 

Żgħażugħ bl-ispanjol:

Nitolbuk, għażiż Franġisku, biex takkumpnajana sal-ħajt li hemm warajk u biex tirregalalna l-aħħar pinzellata ta’ dal-mural, iżda b’pinzell partikoalri ħafna, bil-ħila li fl-istess ħin jibda opra virtwali li jirnexxilha tgħaqqad id-diversi komunitajiet tal-iScholas fid-dinja kollha.

 

José María del Corral, President tal-iScholas Ocurrentes:

Papa Franġsiku, il-vidjow, dan il-pinzell virtwali li tkellmet dwaru Eugenia hu arma għall-paċi.  Jixbaħ pistola għax se tispara hawn, imma minflok toqtol, dil-pinzellata li se tagħmel fuq il-ħajt se ttina wkoll lid-dinja virtwali.  Dal-ħin hemm ġuvintur u xebbiet tal-iScholas fil-Mozambique, li fil-Mozambique, f’Togo, li mmuntaw apparat biex jaraw il-pinzellata li se tagħmel issa, u jsegwuha b’mod virtwali, għaliex iż-żgħażagħ jixtiequ li tkun int li tgħaqqad id-dinja fiżika ma’ dik virtwali sabiex id-dinja virtwali ma tieqaf qatt tkun konkreta u marbuta mar-realtà.  (Applawsi).  Ejjew inpinġu l-ħajt.

 

Il-Papa:

Din hi l-istorja tas-Sammaritan it-Tajjeb, u ħadd minna mhu meħlus milli jkun Sammaritan tajjeb.  Hu dmir li għandna lkoll kemm aħna.  Kull wieħed u waħda minna għandna nfittxu dan fil-ħajja għaliex kulħadd itemm ħajtu (...) ikun tilef qiesu fi gwerra.  Is-Sammaritan it-Tajjeb isibha mixħuta mal-art, iżda qabel kien għadda levita, kien għadda saċerdot, imma kienu mgħaġġlin.  Ma tawhx importanza.  Iżda minbarra l-għaġla ma setgħux imissuh għax kien hemm id-demm (...) u skont il-lġijiet ta’ dak iż-żmien, min imiss id-demm kien jitniġġes.  Ma nafx kemm żmien kellu bżonn biex jissaffa, allura dan kien ostaklu biex hu jaqdi dmiru, ma setax imiss.  “Mut, imma jien ma mmissekx, ma nitniġġisx”.  Tinsewhx dan.  Kemm drabi jista’ jgħaddielna minn moħħna: “Mut imma jien ma nitniġġisx.  Kemm drabi nagħżlu s-safa ritwali minflok il-qrubija umana (...).  Fil-mentalità ta’ dak iż-żmien, is-sammaritani kienu “diżgrazzjati” kienu kollha diżgrazzjati u kummerċjanti, moħħhom ma kienx safi, lanqas qalbhom, kienu emarġinati, imma s-Sammaritan it-Tajjeb jarah, jieqaf u l-istorja tgħidilna li ħass għafsa ta’ qalb għalih.  “Mut, imma jien moħħni fis-safa tiegħi”.  Inħoss kumpassjoni.  Inħallilkom mistoqsija: xi jġagħalni nħoss ħniena?  Jew inkella għandek qalbek tant niexfa li ma tħossx ħniena?  Kulħadd iwieġeb għalih innifsu.  Imbagħad x’jiġri?  Jieħdu fil-lukanda u jsiblu kamra u lil sid il-lukanda jgħidlu: Ara, jien se nerġa’ niġi tlett ijiem oħra.  Sadattant ħu dan u jekk tonfoq aktar, meta nerġa’ niġi ntik il-bqija”.  Dan “id-diżgrazzjat” kien wieħed li jħallas.  B’hekk għandna l-ħallelin li joqtlu, is-Sammaritan it-Tajjeb li jimpurtah u l-levita u s-saċerdot li jibqgħu sejrin biex ma jitniġġsux.  Aħsbu ftit f’din l-istorja.  Jien fejn ninsab?  Nagħmel ħsara lil ħaddieħor?  Fejn ninsab?  Naħrab mid-diffukultajiet reali jew inħammeġ idejja?  Kultant fil-ħajja jkun hemm bżonn inħammġu jdejna biex ma nħammġux qalbna.

 

Żgħażugħa, bl-ispanjol:

Grazzi Franġisku għar-rigal tiegħek, sinjal veru biex inkomplu nimxu flimkien.

Il-Papa: Issa se ntikom il-barka tiegħi imma intom wegħduni li wara, titolbu l-barka fuqi wkoll.

Itolbu għalija, u min fostkom ma jagħmilx dan għax ma jistax jew għax ma jħossx li għandu jagħmel dan, jalla jibgħatli enerġija pożittiva.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber