VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL

FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

QUDDIESA TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

 DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

“Parque Tejo” (Lisbona)
Festa
tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

Il-Ħadd, 6 ta’ Awwissu, 2023

 

“Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! (Mt 17,4).  Dal-kliem li qal l-appostlu Pietru lil Ġesù fuq l-għolja tat-Trasfigurazzjoni, għandna nagħmluhom tagħna aħna wkoll wara dal-jiem qawwija.  Sabiħ dak li qed inġarrbu flimkien ma’ Ġesù, dak li għexna flimkien, u sabiħ kif tlabna b’tant ferħ fi qlubna.  Allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna: x’se nieħdu lura magħna meta mmorru lura lejn il-ħajja ta’ kuljum?

Irrid inwieġeb dil-mistoqsija bi tliet verbi, imnebbaħ lill-Evanġelju li smajna.  X’se nieħdu lura magħna? Dija, smigħ, tibżgħux.  X’se nieħdu lura magħna?  Inwieġeb b’dawn it-tliet kelmiet: dija, smigħ, tibżgħux.

L-ewwel kelma: dija.  Ġesù jittrasfigura ruħu.  L-Evanġelju jgħidilna li wiċċu sar jiddi bħax-xemx” (Mt 17,2).  Ftit qabel Hu kien ħabbar il-passjoni u l-mewt fuq is-salib, u b’hekk farrak l-idea ta’ Messija setgħan, mondan, u illuda l-istennija tad-dixxipli.  Issa, biex jgħinhom jilqgħu il-proġett ta’ mħabba ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna, Ġesù jieħu tlieta minnhom, lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni, jeħodhom fuq l-għolja u jittrasfigura ruħu.  U “f’dal-baħar ta’ dawl” iħejjihom għal-lejl tal-passjoni.

Ħbieb, għeżież żgħażagħ, illum aħna wkoll għandna bżonn ftit dawl, ta’ leħħa dawl li ttina t-tama biex niffaċċjaw tant dlam li jattakkalna ħajjitna, tant telfiet ta’ kuljum, biex naffrontawhom bid-dawl tal-qawmien ta’ Ġesù.  Għaliex Hu d-dawl li qatt ma jgħib, hu d-dawl li jiddi anki billejl.  “Alla tagħna qiegħed id-dija f’għajnejna wkoll” jgħid is-saċerdot Esdra (Esd 9,8).  Alla tagħna jdawwal.  Idawwal ħarsitna, idawwal qlubna, idawwal moħħna, idawlilna x-xewqa li fil-ħajja nagħmlu xi ħaġa.  Dejjem bid-dawl tal-Mulej.

Imma nxitieq ngħidilkom li aħna ma nkunux niddu meta jkollna d-dawl tar-rifletturi fuqna, le, dan jgħammixna.  Ma nkunux niddu.  Ma nkunux niddu meta niddandnu bid-dehra perfetta, fl-ordni, rfinuta sew, le; u lanqas jekk inħossuna qawwijin u rebbieħa, qawwijin u rebbieħa, imma mhux niddu.  Inkunu mdawlin, niddu, meta wara li nkunu lqajna lil Ġesù, nitgħallmu nħobbu bħalu.  Inħobbu bħal Ġesù: dan itina d-dija, dan imexxina biex nagħmlu opri ta’ mħabba.  Titqarraqx, ħabib, ħabiba, issir dawl dakinhar li inti tibda tagħmel opri ta’ mħabba.  Iżda meta minflok twettaq opri ta’ mħabba mal-oħrajn, tieqaf tħares lejk innifsek, b’egoiżmu, hemmhekk id-dawl jintefa’.

It-tieni verb: smigħ.  Fuq l-għolja, sħaba kollha dawl għattiet id-dixxipli.  U minn ġo dis-saħba jitkellem il-Missier, x’jgħid?  “Isimgħu lilu”, “dan hu Ibni l-maħbub, isimgħu lilu” (Mt 17,5).  Kollox  jinġabar f’dan: dak  kollu li hemm x’isir fil-ħajja jinġabar f’dil-kelma “isimgħu lilu”.  Nisimgħu lil Ġesù.  Dan hu s-sigriet ta’ kollox.  Isma’ x’qed jgħidlek Ġesù.  “Jiena ma nafx x’qed jgħidli”.  Aqbad l-Evanġelju u aqra dak li jgħid Ġesù, dak li jgħid lil qalbek.  Għaliex Hu għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem għalina, Hu jirrivela li Alla hu Missier, huwa mħabba.  Hu jurina t-triq tal-imħabba.  Isma’ lil Ġesù.  Għaliex aħna, anki jekk b’rieda tajba nibdew interrqu toroq li jidhru toroq ta’ mħabba, fl-aħħar mill-aħħar ikunu egoiżmi bil-libsa tal-imħabba.  Tħarsu mill-egoiżmi bil-libsa tal-imħabba!  Isma’ lilu, għaliex Hu jgħidlek liema hi t-triq tal-imħabba. Isimgħu.

L-ewwel kelma hi dija, iddu; isimgħu biex ma titfixklux it-triq; u fl-aħħar it-tielet kelma: tibżgħux.  Tibżgħux.  Kelma li fil-Bibbja tittenna ħafna drabi, fl-Evanġelji” “la tibżgħux”.  Dan kien l-aħħar kliem li fil-ħin tat-Trasfigurazzjoni Ġesù qal lid-dixxipli: “Tibżgħux” (Mt 17,7). 

Lilkom żgħażagħ, li għextu dal-ferħ - kont se ngħid dil-glorja, u fil-fatt hi speċi ta’ glorja dil-laqgħa tagħna -; lilkom li tikkultivaw ħolm kbir li spiss jiċċajpar minħabba l-biża’ li ma tarawhx jitwettaq; lilkom li xikultant taħsbu li mhux se jirnexxilkom – kultant jaħkimna xi ftit tal-pessimiżmu -; lilkom żgħażagħ li f’dan iż-żmien għandkom it-tentazzjoni li taqtgħu qalbkom, li tiġġudikaw lilkom infuskom mhux kompetenti jew li taħbu t-tbatija bi tbissima; lilkom żgħażagħ, li tridu tibdlu d-dinja – u hi ħaġa tajba li tridu tibdlu d-dinja – u li tridu titqabdu għall-ġustizzja u l-paċi; lilkom żgħażagħ, li timpenjaw ruħkom u tużaw il-fantasija fil-ħajja, li intom l-issa u l-ġejjieni; iva, propju lilkom, żgħażagħ, Ġesù llum jgħidilkom: ‘Tibżgħux!”, “Xejn la tibżgħu!”

Għal waqt qasir fis-skiet, kull wieħed u waħda tennu lilkom infuskom, f’qalbkom, dal-kliem: “Tibżgħux”.

Għeżież żgħażagħ, nixtieq inħares f’għajnejn kull wieħed u waħda minnkom u ngħidilkom, tibżgħux.  Aktar minn hekk, ngħidilkom ħaġa sabiħa ħafna. Mhux aktar jien, huwa Ġesù li qed iħares lejkom bħalissa, qed jarakom, Hu jafkom, jaf il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom, jaf il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom, jaf il-ferħat, jaf is-swied il-qalb, is-suċċessi, il-fallimenti, jaf lil qalbkom.  U llum Hu jgħidilkom, hawn, f’Lisbona, f’dal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ: “Tibżgħux, la tibżgħux, kuraġġ, xejn la tibżgħu!”

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber