VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU FIL-PORTUGALL

FL-OKKAŻJONI TAS-XXXVII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

2 – 6 AWWISSU 2023

IT-TALBA TAL-GĦASAR MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, DJAKNI,

LAJĊI KONSAGRATI, SEMINARISTI U OPERATURI PASTORALI

OMELIJA TAL-PAPA

 “Mosteiro dos Jerónimos” (Lisbona)
L-Erbgħa, it-2 ta’ Awwissu 2023

Għeżież ħuti isqfijiet,

għeżież saċerdoti, djakni, persuni konsagrati u seminaristi,

għeżież operaturi pastorali, ħuti, il-lejla t-tajba!

Bi pjaċir ninsab magħkom, mhux biss ngħix ma’ tant żgħażagħ il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, imma wkoll biex naqsam magħkom il-mixja ekkleżjali tagħkom stess, bl-isfidi tagħkom u t-tamiet tagħkom. Nirringrazzja lill-Isqof José Ornelas Carvalho tal-kliem ġentili tiegħu. Illejla nixtieq ningħaqad magħkom fit-talb, biex kif qal l-Isqof, flimkien maż-żgħażagħ, bil-kuraġġ inħaddnu “l-ħolma ta’ Alla u li nsibu modi fejn flimkien nieħdu sehem b’mod ferrieħ u ġeneruż biex ikun hemm bidla fil-knisja u fl- umanità”. Din mhix ċajta. Dan hu programm.

Sibt ruħi f’din is-sbuħija ta’ pajjiżkom, art li hi bħal mogħdija bejn il-passat u l-ġejjieni, art ta’ tradizzjonijiet antiki u ta’ bidliet kbar, imsebbħa minn widien kollha ħdura u bajjiet dehbija li jħarsu lejn is-sbuħija bla tarf tal-oċean li jmiss mal-Portugall. Dan iġiegħlni naħseb fl-ewwel sejħa tad-dixxipli: dawk li Ġesù sejjaħ fuq x-xatt il-Baħar tal-Galilija. Nixtieq nitkellem dwar dik is-sejħa, li tfakkarna f’dak li għadna kemm smajna fil-qari qasir ta’ dan il-Għasar: il-Mulej salvana u sejħilna, mhux skont l-għemejjel tagħna imma skont il-grazzja tiegħu (ara 2 Tim. 1:9). Dan kien il-​każ fil-​ħajja taʼ dawk l-​ewwel dixxipli meta Ġesù, waqt li kien għaddej, “ra żewġ dgħajjes max-​xatt tal-​għadira. Is-sajjieda kienu ġa niżlu minnhom u kienu qed jaħslu x-xbiek tagħhom” (Lq 5:2). Ġesù mbagħad daħal fid-dgħajsa ta’ Xmun u, wara li għallem lill-folol, biddel il-ħajja ta’ dawk is-sajjieda billi stedinhom joħorġu fil-baħar  fond u jkalaw ix-xbiek tagħhom. Mill-ewwel ninnutaw dan il-kuntrast: min-naħa l-waħda hemm is-sajjieda li jinżlu mid-dgħajsa biex jaħslu x-xbiek tagħhom, jiġifieri biex jerfgħuom u mbagħad jerġgħu lura d-dar, u min-naħa l-oħra naraw lil Ġesù li jitla’ fid-dgħajsa u jistidinhom biex ikalaw ix-xbiek tagħhom għas-sajd. Naraw id-differenza: id-dixxipli jinżlu mid-dgħajsa, filwaqt li Ġesù jitla’ fid-dgħajsa; huma jridu jerfgħu x-xbiek tagħhom, filwaqt li hu jridhom jerġgħu jitfgħuhom il-baħar mill-ġdid biex jistadu.

L-ewwelnett hemm is-sajjieda li jinżlu mid-dgħajsa biex jaħslu x-xbiek.  Dan hu dak li kien qed jara Ġesù u hu jieqaf hemm. Ftit qabel, kien ta bidu għall-predikazzjoni tiegħu fis-sinagoga ta’ Nazaret, imma n-nies tal-belt tiegħu kienu ħarġuh barra mill-belt u saħansitra fittxew li joqtluh (ara Lq 4,28-30). Imbagħad hu telaq minn dak il-post qaddis (is-sinagoga) u beda jipprietka l-kelma fost in-nies, fit-toroq fejn kienu jgħixu u jaħdmu kuljum l-irġiel u n-nisa ta’ żmienu. Kristu ried juri kemm Alla hu qrib tagħna, fil-postijiet u s-sitwazzjonijiet li fihom in-nies jgħixu, jaħdmu u jittamaw, u xi kultant anke jħarsu lejn il-fallimenti u n-nuqqasijiet tagħhom tal-passat, proprju bħal dawk is-sajjieda li ħadmu matul il-lejl u ma qabdu xejn. Ġesù jħares b’simpatija lejn Xmun u sħabu li, għajjenin u diżappuntati, kienu jaħslu x-xbiek tagħhom bħas-soltu, rassenjati għall-fatt li kienu se jmorru lura d-dar b’idejhom vojta.

Ikun hemm mumenti fil-mixja tagħna bħala nsara meta nistgħu nħossu l-istess għejja, meta bħallikieku jkollna biss xbieki vojta f’idejna. Għajjenin. Xi ħadd darba qal, “L-għajja tan-nies tajbin, tbeżżagħni”. Għajjenin meta naħsbu li nkunu qed inżommu biss xbieki vojta. Dan hu sentiment aktarx mifrux f’pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija antika, illum immarkati minn bidliet soċjali u kulturali, u li huma dejjem aktar maħkuma mis-sekulariżmu, mill-bruda lejn Alla u fejn qed tiżdied dejjem iktar in-nuqqas ta’ prattika tal-fidi. U hawn jinsab il-periklu tal-mondanità, li spiss turi ruħha permezz tad-diżappunt jew tar-rabja li biha xi nies iħarsu lejn il-Knisja, xi drabi minħabba x-xhieda fqira tagħna u l-iskandli li tebbgħu l-wiċċ tal-Knisja. Dawn lilna jistednuna għal purifikazzjoni umli u kontinwa, li tibda mill-għajta tal-vittmi, li għandhom dejjem ikunu milqugħa u mismugħa. Kull meta nħossuna skuraġġiti (u hawn kull wieħed minna jista’ jaħseb fi żminijiet meta ħassejna ruħna skuraġġiti), forsi nħossu t-tentazzjoni li ninżlu mid-dgħajsa u nħallu ruħna nitħabblu fix-xbieki tar-rassenjazzjoni u tal-pessimiżmu. Minflok, ejjew nafdaw lil Ġesù li jkompli jżomm l-id u li jsostni lill-Għarusa maħbuba tiegħu. Ejjew inwasslu l-ġlidiet tagħna u d-dmugħ tagħna għand il-Mulej, sabiex imbagħad inwieġbu għall-bżonnijiet pastorali u spiritwali, flimkien, b’qalb miftuħa u nsibu modi ġodda kif nimxu warajh. Meta nħossuna skuraġġiti, konxjament jew le, aħna nirtiraw, nirtiraw mill-ħeġġa appostolika, u nibdew insiru “nies tas-sagristija”. Kemm hi ta’ diqa meta persuna li kkonsagrat ħajjitha lil Alla ssir biss “ħaddiem”, xejn aktar minn amministratur. Ħaġa ta’ dieqa kbira.

Hekk kif l-appostli jinżlu mid-dgħajsa biex jaħslu x-xbieki tagħhom, Ġesù jitla’ fid-dgħajsa u jsejħilhom biex jerġgħu ikalaw ix-xbiek tagħhom. F’mumenti ta’ skuraġġiment, meta nħossu li għandna nirtiraw, ejjew inħallu lil Ġesù jerġa’ jidħol fid-dgħajsa, b’dik it-tama li kellna fil-bidu, tama li trid terġa’ tissaħħaħ u tintrebaħ. Huwa jiġi għandna biex ifittixna, mitlufin kif aħna fis-sentimenti tagħna ta’ solitudni u fil-kriżijiet tagħna, sabiex jgħinna nibdew mill-ġdid. L-ispiritwalità li tibda mill-ġdid. La tibżgħux. Għax hekk hi l-ħajja tagħna: naqgħu u nerġgħu nqumu mill-ġdid, ngħejjew  u mbagħad nerġgħu niskopru ferħ ġdid. Inħallu jdejna f’idejn Ġesù. Illum ukoll hu jinsab fuq ix-xatt ta’ ħajjitna, biex jerġa’ jqajjem fina t-tama u jgħidilna, bħalma għamel lil Xmun u lill-oħrajn: “Aqdfu fil-fond u itfgħu x-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5: 4). U meta nitilfu t-tama, insibu elf skuża biex ma nniżżlux ix-xbiek, u b’mod partikolari qed ngħid għal dik ir-rassenjazzjoni qalila li qisha dudu li jiekol fir-ruħ. Ħuti, żgur li qed ngħixu fi żminijiet diffiċli, dan ilkoll nafuh, imma l-Mulej qed jitlob lil din il-Knisja: “Trid tinżel mid-dgħajsa u tegħreq fid-diżappunt, jew inkella tridni nidħol fid-dgħajsa u għal darba oħra tħalli l-kliem tiegħi biex tieħu f’idejha t-tmun? Qed nistaqsi lilkom, saċerdoti, irġiel u nisa kkonsagrati, isqfijiet: Tridu biss iżżommu l-passat li hemm warajkom, jew tridu għal darb’oħra tniżżlu x-xbiek b’entużjażmu għas-sajda?” Hekk qed jitlobna l-Mulej: li nqajmu fina mill-ġdid l-entużjażmu għat-tixrid tal-Evanġelju.

Meta nibdew nagħmlu kollox “għax hekk imdorrijin”, nibdew ninħakmu minn dwejjaq, u l-missjoni tagħna tispiċċa biex issir biss “impieg”.  Wasal iż-żmien li niftħu qalbna għal dik it-tieni sejħa ta’ Ġesù, għax hu qatt ma jieqaf isejħilna. Isejħilna biex nimxu ʼl quddiem, isejħilna biex jagħmilna nies ġodda. Tibżgħux minn din it-tieni sejħa ta’ Ġesù. Din mhix xi illużjoni: hu jibqa’ jħabbtilna l-bieb. U nistgħu ngħidu li hi ħaġa tajba li hu ma jħalliniex bi kwietna, meta nħalluh jiġbidna permezz ta’ din it-tieni sejħa. Dan hu inkwiet tajjeb, li joffrielkom dan l-oċean bla qies, għeżież ħbieb Portugiżi: dik il-ħerqa li ġġiegħlkom titilqu mix-xatt, mhux biex tirbħu d-dinja – u lanqas biex sempliċiment tistadu għall-bakkaljaw – imma biex tferrħu d-dinja bil-faraġ tal-Evanġelju. Hawnhekk nistgħu naħsbu fil-kliem ta’ wieħed mill-missjunarji l-kbar tagħkom, Patri António Vieira, magħruf bħala “Paiaçu”, “il-Missier il-kbir”. Darba qal li Alla tak art żgħira biex titwieled fiha, imma billi ġagħlek tħares lejn l-oċean, tak id-dinja kollha biex tagħti ħajtek għaliha: “Biex titwieled, tak art żgħira; biex tmut, tak id-dinja kollha; biex titwieled il-Portugall, biex tmut, id-dinja kollha” (A. VIEIRA, Omeliji, vol. III, t. VII, Porto, 1959, p. 69). Għal dan aħna msejħin, biex nerġgħu nniżżlu x-xbiek u nħaddnu d-dinja kollha bit-tama li jġib l-Evanġelju! Dan mhux iż-żmien li nieqfu u li nċedu, mhux biex inkaxkru d-dgħajsa lejn ix-xatt jew biex inħarsu lura. M’għandniex naħarbu minn dan iż-żmien minħabba l-biża’, jew nistkennu f’forom u prattiċi tal-imgħoddi. Issa huwa ż-żmien tal-grazzja mogħti minn Alla biex inbaħħru bil-kuraġġ kollu fil-baħar tal-evanġelizzazzjoni u tal-missjoni.

Biex nagħmlu dan, madankollu, jeħtieġ ukoll nieħdu ċerti deċiżjonijiet. Nixtieq insemmielkom tlieta minn dawn id-deċiżjonijiet, ispirati mill-Evanġelju.

L-ewwelnett, aqdef fil-fond. Il-kuraġġ. Toqgħodux lura! Aqdfu fil-fond. Biex nerġgħu nniżżlu x-xbiek, jeħtieġ inħallu warajna x-xtut tad-diżappunti tagħna u l-għażż tagħna; irridu nħallu warajna d-dwejjaq, iċ-ċiniżmu u l-ironija li spiss ifixkluna quddiem id-diffikultajiet. Dwejjaq, ċiniżmu u ironija. Ejja neżaminaw il-kuxjenza tagħna fuq dan il-punt. Biex ikollna mill-ġdid dik it-tama, issa bħallikieku tama tat-“tieni edizzjoni”, tama aktar matura li hi frott tal-fallimenti jew tal-għeja. Mhuwiex faċli li jkollok tama matura. Iżda rridu nagħmlu dan il-pass jekk irridu ngħaddu mill-falliment għall-fidi, bħal Xmun, li anke wara li kien tħabat għalxejn il-lejl kollu, seta’ jgħid: “La qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek” (Lq 5:5). Biex nafdaw lilna nfusna kuljum f’idejn il-Mulej u fil-kelma tiegħu, mhux biżżejjed il-kliem; hemm bżonn ukoll ħafna talb.

Hawnhekk nixtieq nagħmel mistoqsija, li kulħadd jista’ jwieġeb f’qalbu: Kif nitlob? It-talb tiegħi hu “bla, bla, bla”, nofsni rieqed quddiem it-tabernaklu għax ma nafx nitkellem mal-Mulej. Nitlob jien? U kif nitlob? Huwa biss fl-adorazzjoni, fil-preżenza tal-Mulej, li niskopru mill-ġdid it-togħma vera u l-ħerqa tagħna għall-evanġelizzazzjoni. B’mod stramb ħafna, tlifna t-talb ta’ adorazzjoni; u kulħadd, saċerdoti, isqfijiet, irġiel u nisa konsagrati, jeħtieġ li din nerġgħu niskopruha mill-ġdid, din il-ħila li nkunu fis-skiet fil-preżenza tal-Mulej. Madre Tereża [ta’ Kalkutta], imħabbta b’tant affarijiet fil-ħajja, qatt ma ttraskurat l-adorazzjoni, anke f’mumenti  meta l-fidi tagħha kienet mheżhża u kienet tistaqsi jekk dan kollu hux minnu jew le. Mument simili ta’ dlam esperjenzat ukoll Tereża tal-Bambin Ġesù. Fit-talb, negħilbu t-tentazzjoni li ngħixu “ministeru ta’ nostalġija u dwejjaq”. Darba, f’kunvent, kien hemm soru – dan ġara tabilħaqq – li kienet tgerger fuq kollox. Insejt x’kien jisimha, imma s-sorijiet l-oħra kienu sejħulha “Sister Gerger”. Kemm-il darba aħna nibdlu l-frustrazzjonijiet u d-diżappunti tagħna fi tgergir! Jekk nieqfu ngergru, insibu s-saħħa biex nerġgħu noħorġu fil-fond, mingħajr ideoloġiji, mingħajr mondanità: il-mondanità spiritwali li tidħol fina u minnha joħroġ il-klerikaliżmu. Klerikażmu mhux tal-qassisin biss, għax hemm lajċi li huma klerikali agħar mill-qassisin. Il-klerikaliżmu huwa r-rovina tagħna. Kif qal darba għalliem spiritwali kbir, il-mondanità spiritwali – li tipprovoka l-klerikaliżmu – hija waħda mill-agħar ħażen li jista’ jseħħ fil-Knisja. Irridu negħlbu d-diffikultajiet tagħna mingħajr ideoloġiji, mingħajr mondanità, imħeġġa minn xewqa waħda: li l-Evanġelju jiġi mħabbar lill-bnedmin kollha.

F’din il-mixja, intom stess kellkom ħafna eżempji. U billi llum hawn fostna tant żgħażagħ, nixtieq insemmi żagħżugħ minn Lisbona, San Ġwann Brito, żagħżugħ imwieled hawn, li sekli ilu, fost tbatija kbira, telaq lejn l-Indja u hemm beda jitkellem u jilbes bl-istess mod kif kienu jitkellmu u jilbsu n-nies ta’ fejn kien imur, biex ikellimhom dwar Ġesù. Aħna wkoll imsejħin inkalaw ix-xbiek tagħna f’dawn il-jiem u nitkellmu ma’ kulħadd, nipproponu l-messaġġ tal-Evanġelju, anke jekk dan jinvolvi riskju ta’ xi ftit maltempati. Bħaż-żgħażagħ li ġew hawn minn madwar id-dinja kollha biex jirkbu fuq il-mewġ il-kbir, aħna wkoll irridu nimxu bla biża’. Tabilħaqq, m’għandna qatt nibżgħu mill-baħar miftuħ, għax f’nofs il-maltempati u r-riħ li ġej bil-kontra, Ġesù stess jiġi jiltaqa’ magħna u jgħidilna: “Tibgħżux, huwa jien!” (Mt 14:27). Kemm-il darba kellna din l-esperjenza? Kull wieħed minna jistaʼ jwieġeb dik il-​mistoqsija f’qalbu. U jekk ma kellniex, dan għaliex xi ħaġa marret ħażin waqt il-maltempata.

It-tieni deċiżjoni: li lkoll flimkien immexxu ʼl quddiem il-kura pastorali. Ilkoll flimkien. Fl-Evanġelju, Ġesù jikkmanda lil Pietru biex jaqdef fil-fond, imma mbagħad, jitkellem fil-plural, u jgħid lill-oħrajn: “Kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5,4). Pietru kien qed imexxi d-dgħajsa, iżda l-oħrajn kienu wkoll fid-dgħajsa, huma lkoll imsejħin biex ikalaw ix-xbiek tagħhom. Ilkoll flimkien. U meta jaqbdu qabda kbira ta’ ħut, ma jaħsbux li din għmluha waħedhom, jew inkella jaħsbu li d-dgħajsa hija proprjetà privata tagħhom imma, kif jgħidilna l-Vanġelu, “għamlu sinjal lil sħabhom fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom” (Lq 5:7). B’hekk imlew żewġ dgħajjes, mhux waħda. “Wieħed” jiġifieri solitudni, għeluq, tippretendi li tkun awto suffiċjenti, filwaqt li "Tnejn" tfisser relazzjoni. Il-Knisja hija sinodali: hi komunjoni, ngħinu lil xulxin matul il-vjaġġ tagħna. Dan huwa l-għan tas-Sinodu ta’ bħalissa, li se jkollu l-ewwel assemblea ġenerali tiegħu f’Ottubru. Fuq id-dgħajsa tal-Knisja jrid ikun hemm post għal kulħadd: l-imgħammdin kollha huma msejħa biex jitilgħu sabiex ikalaw ix-xbiek, jinvolvu ruħhom personalment fix-xandir tal-Evanġelju. Tinsewx din il-kelma: flimkien! Hemm silta tal-Evanġelju li tmissli ħafna qalbi kull meta nitkellem dwar il-ftuħ ta’ perspettivi appostoliċi, silta fejn tissemma l-festa tat-tieġ tal-iben. Kollox huwa lest, imma l-mistednin ma jiġux għall-festa. Allura, x’jgħid il-Mulej, l-imgħallem tal-festa? “Oħorġu fit-toroq u l-mogħdijiet u ġibu lil kulħadd, lil kulħadd: il-morda, dawk b’saħħithom, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-tajbin u l-midinbin. Lil kulħadd!”  Qisu li l-Knisja ma ssirx qisha xi dipartiment tad-dwana, tagħżel hi min jidħol u min le. Kulħadd, bil-ħajja passata tagħhom, bi dnubiethom, huma kif inhuma, quddiem Alla, kif inhuma, quddiem il-ħajja. Kulħadd. Ejjew ma jkollniex dipartimenti tad-dwana fil-Knisja.

Din hija sfida kbira, speċjalment f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn is-saċerdoti u l-persuni konsagrati huma magħfusin ħafna, għax in-numru tagħhom huwa inqas u t-talbiet pastorali dejjem jiżdiedu. Minkejja dan, nistgħu nħarsu lejn dan bħala opportunità biex, b’entużjażmu fratern u kreattività pastorali soda, il-lajċi jiġu involuti. Ix-xbiek tal-ewwel dixxipli jistgħu għalhekk iservu bħala xbieha tal-Knisja, li hija “xibka ta’ relazzjonijiet”, umani, spiritwali u pastorali. Meta d-djalogu, il-ko-responsabbiltà u l-parteċipazzjoni jkunu neqsin, il-Knisja tixjieħ. Ħa ngħidha hekk: qatt m’għandu jkun hemm Isqof mingħajr il-presbiterju tiegħu u l-poplu ta’ Alla; qatt m’għandu jkun hemm saċerdot mingħajr ħutu saċerdoti; u lkoll flimkien, bħala Knisja – saċerdoti, irġiel u nisa kkonsagrati, u lajċi – qatt mingħajr xulxin, qatt mingħajr id-dinja. Mingħajr mondanità, iva, iżda mingħajr id-dinja le! Fil-Knisja, ngħinu lil xulxin, nappoġġjaw lil xulxin u nħossuna msejħin biex inxerrdu klima ta’ fraternità kostruttiva lil hinn mill-ħitan tagħna. Fil-fatt, San Pietru jgħidilna li aħna ġebel ħaj li qed jinbena f’dar spiritwali (ara 1 Pt 2:5). Nixtieq inżid li intom, l-insara  tal-Portugall, intom ukoll “calçada”; intom il-ġebel prezzjuż ta’ dik l-art sabiħa li fuqha jixxandar l-Evanġelju: lanqas ġebla waħda ma tista’ tkun nieqsa, għax in-nuqqas tagħha jiġi nnutat minnufih. Din hi l-Knisja li bl-għajnuna ta’ Alla aħna msejħin nibnu!

Fl-aħħar nett, it-tielet deċiżjoni: li nsiru sajjieda tal-bnedmin. Tibżgħux. Dan mhux biex nipprattikaw il-proselitiżmu; imma biex inxandru l-messaġġ tal-Evanġelju, li joffri sfida. Ġesù juża dik ix-​xbieha mill-​aqwa: sajjieda tal-bnedmin. Ġesù jafda lid-dixxipli tiegħu bil-missjoni li jaqdfu fil-baħar tad-dinja. Fl-​Iskrittura, il-​baħar spiss jitqies bħala l-​post taʼ setgħat mill-agħar u ħżiena, li l-​bnedmin ma jistgħux jikkontrollaw. Mela li tkun “sajjied tal-bnedmin” u li ttellagħhom mill-ilma, jfisser li tgħinhom jerġgħu lura lejn il-post minn fejn ikunu waqgħu, biex issalvahom mill-ħażen li jhedded li jaħkimhom, u biex tqajjimhom minn kull forma ta’ mewt. Imma li dan tagħmlu mingħajr proselitiżmu, dejjem bl-imħabba. Wieħed mis-sinjali ta’ ċerti movimenti fil-Knisja li jinsabu fl-inkwiet huwa l-proselitiżmu. Meta moviment tal-Knisja jew djoċesi, jew isqof, jew saċerdot, jew soru jew lajk jimpenjaw ruħhom fil-proselitiżmu, dik mhix ħaġa nisranija! In-Nisrani hu dak li jistieden, li jilqa’, li jgħin, imma mingħajr proselitiżmu. L-Evanġelju hu tħabbira ta’ ħajja fost l-abbiss tal-mewt, ta’ ħelsien fost irl-friegħi tal-jasar, ta’ dawl fil-fond tad-dlam. Fi kliem Sant Ambroġ, “il-mezzi li għandhom jintużaw fis-sajd appostoliku huma bħal xbieki: għax ix-xbiek ma joqtolx dak li jkun inqabad fihom, imma jżommhom ħajjin; u jtellagħhom mill-fond lejn id-dawl” (Esp. Luk. IV, 68-79). Hemm tant dlam fis-soċjetà tal-lum, hawn ukoll fil-Portugall, bħal kullimkien. Jidher li tlifna sens ta’ tama, il-kuraġġ li noħolmu, is-saħħa li niffaċċjaw l-isfidi u li nkunu kunfidenti dwar il-ġejjieni; u allura nbaħħru fost dubji u inċertezzi, speċjalment l-inċertezza ekonomika, il-faqar fil-ħbiberiji soċjali, u n-nuqqas ta’ tama. Bħala Knisja, aħna fdati bl-inkarigu li naqdfu fil-fond fl-ibħra ta’ dan il-baħar u nkalaw ix-xbiek tal-Evanġelju, ma nippuntawx subgħajna, ma nakkużaw lil ħadd, imma noffru lill-bnedmin ta’ żmienna l-offerta ta’ ħajja, il-ħajja ta’ Ġesù. Aħna msejħin biex inwasslulhom il-ftuħ tal-Evanġelju, biex nistiednuhom għall-festa, għal soċjetà multikulturali; li ngħidulhom kemm il-Missier hu tassew qrib kull fejn ikun hemm sitwazzjonijiet ta’ inċertezza u ta’ faqar li dejjem jiżdied, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Li nġibu l-imħabba ta’ Kristu kull fejn il-familji huma dgħajfa u fejn hemm relazzjonijiet kollha ġrieħi. Biex nittrasmettu l-ferħ tal-Ispirtu fejn isaltan l-qtigħ il-qalb u l-fataliżmu. Kif kiteb wieħed mill-kittieba  tagħkom: “Biex naslu fl-infinit, u jien nemmen li wieħed jista’ jasal hemm, għandna bżonn port sigur, wieħed biss, li minnu nitilqu lejn l-Indefinit” (F. PESSOA, Livro do Desassossego, Lisbona, 1998, 247). Ejjew noħolmu bil-Knisja fil-Portugall bħala “port sigur” għal dawk kollha li jiffaċċjaw in-nawfraġji u l-maltempati tal-ħajja!

Għeżież ħuti: intom ilkoll, lajċi, reliġjużi, saċerdoti u isqfijiet, lil kull wieħed u waħda minnkom u lil kulħadd ngħid, la tibżgħux, kalaw ix-xbiek. Tmurx toqgħod takkuża u  tgħid lin-nies, “dan hu dnub” jew “dan mhux dnub”. Ħalli lil kulħadd jiġi, nistgħu nitkellmu dwar dan aktar tard, imma l-ewwel għandhom jisimgħu l-istedina ta’ Ġesù; l-indiema tiġi wara, il-qrubija ta’ Ġesù tiġi wara. Jekk jogħġobkom, tħallux il-Knisja ssir dipartiment tad-dwana: hawnhekk jistgħu jidħlu biss it-tajbin, in-nies li ħajjithom hi ordinata, dawk miżżewġin sewwa, filwaqt li l-oħrajn kollha jibqgħu barra. Le dik mhix il-Knisja. Ġusti u midinbin, tajbin u ħżiena: kulħadd, kulħadd, kulħadd. U mbagħad, jalla l-Mulej jgħinna nirranġaw l-affarijiet... kulħadd!

Nirringrazzjakom minn qalbi, ħuti, talli smajtuni, li bilfors kienet xi ftit tedjanti! Nirringrazzjakom għal dak kollu li tagħmlu, u għall-eżempju tagħkom, fuq kollox l-eżempju moħbi tagħkom u l-perseveranza tagħkom li kuljum tqumu biex tibdew mill-ġdid jew biex tkomplu dak li tkunu bdejtu. Grazzi għal dak kollu li tagħmlu! Nafdakom f’idejn il-Madonna ta’ Fatima, taħt il-ħarsien tal-anġlu tal-Portugall u taħt il-qaddisin il-kbar tagħkom. Hawn f’Lisbona, qed naħseb b’mod speċjali f’San Antnin (li n-nies ta’ Padova serqulkom), appostlu kbir, predikatur ispirat u dixxiplu fidil tal-Evanġelju, attent għall-mard tas-soċjetà u mimli mogħdrija għall-fqar. Jalla Sant Antnin jinterċedi għalikom u jikseb għalikom dak il-ferħ ta’ “qabda mirakoluża ta’ ħut”. Imbagħad kellmuni dwarha. U nitlobkom, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.

Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes