VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIL-PORTUGALL

FL-OKKAŻJONI TAS-XXXVII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

[2 - 6 TA’ AWWISSU 2023]

ĊERIMONJA TA’ MERĦBA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

“Parque Eduardo VII” (Lisbona)

Il-Ħamis 3 ta’ Awwissu 2023

 

Għeżież żgħażagħ, il-lejla t-tajba!

 

Merħba! Merħba u grazzi li tinsabu hawn, kemm qed nieħu pjaċir narakom! Nifraħ meta nisma’ l-istorbju simpatiku li tagħmlu u li jien ukoll nista’ niddakkar mill-ferħ tagħkom. Kemm hu sabiħ li qegħdin hawn flimkien f’Lisbona: intom ġejtu msejħa hawn minni, mill-Patrijarka, li rroddlu ħajr għall-kelmtejn tiegħu, mill-Isqfijiet tagħkom, saċerdoti, katekisti u animaturi. Nirringrazzjaw lil dawk kollha li sejħulkom u lil dawk kollha li ħadmu biex jagħmlu din il-laqgħa possibbli, u dan nagħmluh b’applaws kbir! Imma huwa fuq kollox Ġesù li sejħilkom: nirringrazzjaw lil Ġesù b’applaws kbir ieħor!

 

Intom ma ġejtux hawn b’kumbinazzjoni. Il-Mulej sejħilkom, mhux biss f’dawn il-jiem, imma sa mill-bidu tal-jiem ta’ ħajjitkom. Lilna lkoll sejħilna sa mill-bidu ta’ ħajjitna. Iva, hu sejħilkom b’isimkom: smajna fil-Kelma ta’ Alla li hu sejħilna b’isimna. Ippruvaw immaġinaw dawn il-kelmiet miktuba b’ittri kbar; u mbagħad aħsbu kif dawn inkitbu f’kull wieħed u waħda minnkom, fil-qlub tagħkom, qishom jiffurmaw it-titlu tal-ħajja tagħkom, is-sens ta’ dak li inti: inti msejjaħ b’ismek, int, int, int, ilkoll kemm aħna li ninsabu hawn, jiena, ilkoll ġejna msejħin b’isimna. Ma ġejniex imsejħin awtomatikament, imma ġejna msejħin b’isimna. Ejjew naħsbu f’din il-ħaġa: Ġesù sejjaħli b’ismi. Huma kelmiet minquxin fil-qalb. U mbagħad naħsbu kif dawn huma miktubin f’kull wieħed u waħda minna, fil-qlub tagħna, u jsawru speċi ta’ titlu tal-ħajja tiegħek, is-sens ta’ dak li aħna, is-sens ta’ dak li intom: int ġejt imsejjaħ b’ismek, ġejt imsejħa b’ismek, ġejt imsejjaħ b’ismek! Ħadd minna ma hu Nisrani b’kumbinazzjoni: ilkoll ġejna msejħin b’isimna. Fil-bidu tan-nisġa tal-ħajja, qabel it-talenti li għandna, qabel id-dellijiet u l-ġrieħi li nġorru ġewwa fina, aħna ġejna msejħin. Ġejna msejħin, għaliex? Għax aħna maħbubin. Ġejna msejħin għax aħna maħbubin. Kemm hi sabiħa! F’għajnejn Alla aħna wlied prezzjużi, li hu ta’ kuljum isejjaħ biex jgħannaq miegħu u jagħmlilhom il-qalb; biex jagħmel minn kull wieħed u waħda minna kapulavur uniku u oriġinali; kull wieħed u waħda minna huwa uniku, huwa oriġinali, u l-ġmiel ta’ dan kollu għandna biss ħjiel tiegħu.

 

Għeżież żgħażagħ, f’dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, ejjew ngħinu lil xulxin biex nagħrfu din ir-realtà: ħa jkunu dawn il-jiem eku vibranti ta’ din is-sejħa ta’ mħabba ta’ Alla, għax aħna prezzjużi f’għajnejn Alla, minkejja dak li xi kultant jaraw għajnejna; xi drabi għajnejna huma mċajprin min-negattività u mogħmija minn tant distrazzjonijiet. Ħa jkunu dawn jiem li fihom ismi, ismek, ismek permezz ta’ aħwa ta’ tant ilsna u nazzjonijiet – qed naraw tant bnadar! – li jlissnuh bi ħbiberija, jidwi bħala aħbar unika fl-istorja, għax unika hija t-taħbita tal-qalb ta’ Alla għalik. Ħa jkunu jiem li fihom insammru f’qalbna l-ħsieb li aħna maħbuba hekk kif aħna, mhux kif nixtiequ li nkunu: kif aħna issa. Dan huwa l-punt tat-tluq tal-JDŻ, imma fuq kollox il-punt tat-tluq tal-ħajja. Żgħażagħ: aħna ġejna maħbuba kif aħna, bla rtokk! Fhimtuh dan?

 

Imsejħin b’isimna, kull wieħed u waħda minna. Din mhix xi espressjoni, imma hija l-Kelma ta’ Alla (ara Iż 43:1; 2 Tim 1:9). Ħabib, ħabiba, jekk Alla qed isejjaħlek b’ismek, dan ifisser li għal Alla ħadd minna ma hu numru. Huwa wiċċ, huwa qalb. Nixtieq li kull wieħed u waħda minnkom jinnotaha din il-ħaġa: ħafna, illum, jafu ismek, imma ma jgħajtulekx b’ismek. Ismek fil-fatt hu magħruf, jidher fuq il-mezzi soċjali, jiġi elaborat minn algoritmi li jassoċjawlu miegħu gosti u preferenzi. Imma dan kollu ma jmissx l-uniċità tiegħek, imma l-utilità tiegħek għall-indaġni tas-suq. Kemm ilpup hemm moħbija wara t-tbissim ta’ tjieba qarrieqa, li jgħidulek li jafu min int imma ma jridulekx ġid, jinsinwaw li jemmnu fik u jwegħduk li għad issir xi ħaġa, biex imbagħad jitilquk waħdek meta ma tibqax tinteressahom. Dawn huma l-illużjonijiet tad-dinja virtwali u rridu noqogħdu attenti biex ma nħallux min iqarraq bina, għax tant realtajiet li llum jiġbduna lejhom u jwegħdu l-kuntentizza mbagħad jispiċċaw jidhru għal dak li huma: ħwejjeġ fiergħa, ragħwa tas-sapun, ħwejjeġ superfluwi, ħwejjeġ li ma jiswew għal xejn u li jħalluna vojta minn ġewwa. Ħa ngħidilkom ħaġa: Ġesù mhuwiex hekk, mhuwiex hekk! Hu għandu fiduċja fik, għandu fiduċja f’kull wieħed u waħda minnkom, f’kull wieħed u waħda minna, għax għal Ġesù kull wieħed u waħda minna hu importanti, kull wieħed u waħda minnkom hu importanti. Dan hu Ġesù.

 

U allura aħna, il-Knisja tiegħu, aħna l-komunità tal-imsejħin: ma aħniex il-komunità tal-aqwa, le, aħna lkoll midinbin, imma aħna msejħin, hekk kif aħna. Ejjew naħsbu xi ftit f’dan, fil-qalb tagħna: aħna msjeħin hekk kif aħna, bil-problemi li għandna, bil-limitazzjonijiet li għandna, bil-ferħ tal-għaġeb li għandna, bix-xewqa tagħna li nkunu aħjar, bix-xewqa tagħna li nirbħu. Aħna msejħin hekk kif aħna. Aħsbu f’dan. Ġesù jsejjaħli hekk kif jien, mhux kif nixtieqni nkun. Aħna l-komunità tal-aħwa ta’ Ġesù, ulied l-istess Missier.

 

Ħbieb tiegħi, magħkom nixtieq ngħidha kif inhi, intom li intom allerġiċi għall-falzità u għall-kliem vojt: fil-Knisja hemm post għal kulħadd, għal kulħadd! Ħadd mhu bla siwi, ħadd ma superfluwu, hemm wisa’ għal kulħadd. Hekk kif aħna, ilkoll. U dan Ġesù jgħidu ċar meta jibgħat lill-Appostli biex jistiednu għall-ikla tal-festa ta’ dak ir-raġel li kien ħejjieha, meta jgħid: “Morru u ġibu lil kulħadd, żgħażagħ u xjuħ, b’saħħithom u morda, ġusti u midinbin: kulħadd, kulħadd, kulħadd”. Fil-Knisja hemm post għal kulħadd. “Dun, imma jien diżgrazzjat…, jien diżgrazzjata, għalija wkoll hemm post?”. Hemm post għal kulħadd! Ilkoll flimkien, kull wieħed fl-ilsien tiegħu, irrepetu miegħi: “Kulħadd, kulħadd, kulħadd!”. [jirrepetu] Għadni m’iniex nisma’! “Kulħadd, kulħadd, kulħadd!”. U din hija l-Knisja, l-Omm ta’ kulħadd. Hemm post għal kulħadd. Il-Mulej ma jippuntax sebgħu, imma jiftaħ dirgħajh. Dan iġagħalna naħsbu: il-Mulej ma jafx jagħmel hekk [jipponta sebgħu], imma jaf jagħmel hekk [jgħannaq], jgħannaqna lkoll. Dan jurihulna Ġesù fuq is-salib, li tant fetaħ dirgħajh li ġie msallab u miet għalina. Ġesù qatt ma jagħlaq il-bieb, qatt, imma jistiednek tidħol ġewwa: “Idħol u ara”. Ġesù jilqgħek għandu, Ġesù jilqgħek. F’dawn il-jiem kull wieħed u waħda minna ħa jgħaddi dan il-lingwaġġ ta’ mħabba ta’ Ġesù: “Alla jħobbok, Alla jħobbok”. Xi ġmiel dan! Alla jħobbni, Alla jħobbni, irid li jiena nkun qrib tiegħu.

 

Intom illejla għamiltuli wkoll xi mistoqsijiet, tant mistoqsijiet. Qatt tieqfu tistaqsu! Li tistaqsu hi ħaġa tajba, anzi spiss aħjar milli tagħtu risposti, għax min jistaqsi jibqa’ “mħasseb” u t-tħassib hu l-aħjar rimedju kontra d-drawwa, kontra dik in-normalità ċatta li tilloppja r-ruħ. Kull wieħed u waħda minna għandu fih it-tħassib tiegħu. Ejjew inġorru magħna dan it-tħassib u nġorruh fid-djalogu bejnietna, inġorruh magħna meta nitolbu quddiem Alla. Dawn il-mistoqsijiet li bil-ħajja jsiru tweġibiet, irridu biss nistennewhom. Hemm ħaġa interessanti ħafna: Alla jħobb b’sorpriża, ma hux ipprogrammat. L-imħabba ta’ Alla hi sorpriża. Jissorprendina dejjem, dejjem iżommna mqajmin u jissorprendina.

 

Għeżież żgħażagħ, nistedinkom taħsbu f’din il-ħaġa hekk sabiħa: li Alla jħobbna, Alla jħobbna kif aħna, mhux kif nixtiequ nkunu jew kif is-soċjetà tridna nkunu: kif aħna. Iħobbna bid-difetti li għandna, bil-limitazzjonijiet li għandna u bir-rieda li għandna li nimxu ’l quddiem fil-ħajja. Alla hekk iħobbna. Afdaw, għaliex Alla hu Missier, u hu Missier li jħobbna, Missier li jridilna l-ġid. Din mhix ħaġa daqshekk faċli, u għalhekk għandna għajnuna kbira fl-Omm tal-Mulej, li hi wkoll l-Omm tagħna. Hi l-Omm tagħna. Dan biss ridt ngħidilkom. La tibżgħux, agħmlu l-qalb, imxu ’l quddiem, tafu li aħna mħarsin mill-imħabba ta’ Alla. Alla jħobbna. Ejjew ngħiduha lkoll flimkien, ilkoll: “Alla jħobbna”. Għajtu iktar, għax m’iniex nisma’! [jirrepetu] Hawn m’aħniex nisimgħu… [jirrepetu] Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard