VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

LAQGĦA MAR-RAPPREŻENTANTI TA’ XI ĊENTRI TA’ ASSISTENZA U TAL-KARITÀ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Ċentru parrokkjali Serafina” (Lisbona)
Il-Ġimgħa, 4 ta’ Awwissu, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Irrodd ħajr lill-kappillan għal kliemu u nsellmilkom ilkoll, partikolarment lill-ħbieb taċ-Ċentru Parrokkjali Serafina, lill-Casa Famiglia Ajuda de Berço u l-Assoċjazzjoni Acreditar.  U rroddilkom ħajr għal dak li rakkuntajtu biex tiddeskrivu x-xogħol li jsir, grazzi!  Sabiħ li ninsab hawn fil-qafas tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, waqt li qed inħarsu lejn il-Verġni li qed tqum biex tmur tgħin.  Infatti, il-karità hi l-bidu u l-għan tal-mixja nisranija, u l-preżenza tagħkom, realtà konkreta ta’ “mħabba fl-azzjoni”, tgħinna biex ma ninsewx ir-rotta, is-sens ta’ dak li dejjem qed nagħmlu.  Grazzi tat-testimonjanzi tagħkom, li minnhom irrid niġbed tliet aspetti: nagħmlu l-ġid flimkien, naġixxu konkretament u nkunu qrib ta’ min hu l-aktar fraġli.  Jew aħjar, nagħmlu l-ġid flimkien, naġixxu konkretament, mhux biss bl-ideat, iżda konkretament, inkunu qrib min hu l-aktar fraġli.

L-ewwel: nagħmlu l-ġid flimkien.  “Flimkien” hi ċ-ċavetta, kelma li ttenniet bosta drabi fl-interventi tagħkom.  Ngħixu, ngħinu u nħobbu flimkien: żgħażagħ u adulti, persuni f’saħħithom u morda, flimkien.  João qalilna ħaġa importanti ħafna: li m’għandniex inħallu l-marda tillimitana, imma tkun parti ħajja tas-sehem li nagħtu lill-assjem tal-komunità.  Huwa minnu: m’għandniex inħallu l-marda jew il-problemi jillimitawna, għax aħna m’aħniex marda, m’aħniex problema: kull wieħed u waħda minna aħna rigal, don, don uniku, bil-limitazjzonijiet tagħna, imma don, don prezzjuz u sagru għal Alla, għall-komunità nisranija u għall-komunità umana.  Allura, hekk, kif aħna, nsiru għana għall-assjem u aħna nistgħanu mill-assjem!

It-tieni: naġixxu konkretament.  Dan ukoll huwa importanti.  Kif fakkarna dun Francisco, meta kkwota lil San Ġwanni XXIII, il-Knisja mhix mużew tal-arkeoloġija.  Xi wħud hekk jaħsbu, imma mhux hekk.  Hi l-funtana antika tal-villaġġ li tagħti  l-ilma lill-ġenerazzjonijiet tal-lum kif ukoll lil dawk tal-ġejjieni (cfr Omelija waqt il-Liturġija bir-Rit Biżantin-Slav ad unur ta’ San Ġwann Kriżostmu, 13 ta’ Novembru, 1960).  Il-funtana sservi biex taqta’ l-għatx tan-nies li jaslu, bit-toqol tal-vjaġġ jew tal-ħajja u huma konkreti.  Konkretezza għalhekk, attenzjoni għal “hawnhekk u issa”, kif diġà qed tagħmlu, b’attenzjoni partikolari u sens prattiku, virtuwjiet sbieħ tipiċi tal-poplu portugiz.

Meta ma noqgħodux naħlu l-ħin ingergru dwar ir-realtà, imma ħsiebna jkun biex immorru niltaqgħu mal-ħtiġijiet konkreti, bil-ferħ u l-fiduċja fil-Providenza, iseħħu ħwejjeġ meraviljużi.  Xhieda ta’ dan hi l-istorja: mil-laqgħa mal-ħarsa ta’ anzjan fit-triq tinbet assoċjazzjoni li tgħin ommijiet u familji li qed jistennew, tfal, adoloxxenti u żgħażagħ f’diffikultà, għaliex, kif irrakkuntatilna Sandra, dawn isibu proġett ta’ ħajja protetta; mill-esperjenza tal-mard titwieled komunità li twieżen lill min qed jiffaċċja l-battalja kontra l-kanċer, speċjalment it-tfal, sabiex, kif qalilna João, “l-iżvilupp tal-kura u kwalità ta’ ħajja aħjar għal dawn in-nies isiru realtà”.  Grazzi għal dak li tagħmlu!  Komplu bil-ħlewwa u bil-ġentilezza ħallu r-realtà tinterrogakom, bil-faqar tagħha antik u ġdid, u komplu wieġbu b’mod konkret bil-kreattività u l-kuraġġ.

It-tielet aspett: inkunu qrib ta’ min hu l-aktar fraġli:  Ilkoll kemm aħna fraġli u fil-ħtieġa, imma l-ħarsa ta’ kumpassjoni tal-Evanġelju twassalna biex naraw x’inhuma l-bżonnijiet ta’ min l-aktar hu fil-bżonn.  U nservu lill-foqra, il-favoriti ta’ Alla, li ftaqar minħabba fina (cfr 2 Kor 8,9): l-imwarrbin, l-emarġinati, l-iskartati, iż-żgħar, dawk li jinsabu bla difiża.  Dawn huma t-teżor tal-Knisja, il-preferuti ta’ Alla!  U, bejnietna, niftakru li m’għandniex nagħmlu preferenzi.  Infatti, għan-nisrani mhemmx preferenzi quddiem min iħabbat il-bieb għax fil-bżonn: kemm jekk ikunu tal-istess nazzjon tagħna jew stranġieri, dawk li jiffurmaw parti minn xi grupp jew ieħor, żgħażagħ jew anzjani, simpatiċi jew antipatiċi...  U, a propożitu tal-karità, nixtieq nirrakkuntalkom storja, speċjalment lilkom tfal, li forsi ma tafuhiex.  Hi storja li ġrat veru, ta’ ġuvni portugiz li għex ħafna żmien ilu.  Kien jismu Giovanni Ciudad u kien joqgħod f’ Montemor-o-Novo.  Kien joħlom b’ħajja ta’ avventura u hekk, meta kien żgħir, telaq mid-dar ifittex l-hena.  Sabha wara ħafna snin u bosta avventuri, meta ltaqa’ ma’ Ġesù.  U kien tant hieni bis-sejba li ddeċieda saħansitra li jibdel anki ismu u li minn dak iż-żmien ‘l hawn ma baqax aktar Giovanni Ciudad imma Giovanni di Dio.  U għamel ħaġa ta kuraġġ kbir: mar fil-belt u ntefa’ jitlob l-elemożina fit-triq u jgħid  lin-nies: “Agħmlu l-ġid, ħuti, lilkom infuskom!”  Qed tifhmu?  Kien jitlob il-karità, imma lil dawk li kienu jagħmlu karità miegħu, li kienu jgħinuh, l-ewwel u qabel kollox kienu jkunu jgħinu lilhom infushom!  Jiġifieri kien jispjega li l-ġesti ta’ mħabba huma don qabel kollox, għal min jagħmilhom, aktar milli għal min jirċevihom; għaliex jekk dak kollu li wieħed jaħżen għalih, jintilef dak li jingħata bl-imħabba qatt mhu moħli, imma għad ikun it-teżor tagħna fis-sema.

Għalhekk kien jgħid: “Agħmlu l-ġid, ħuti, lilkom infuskom!”  Iżda l-imħabba ma tagħmilniex hienja fis-sema biss, iżda wkoll hawn fl-art, għax trattab il-qalb u tippermettielna nħaddnu s-sens tal-ħajja.  Jekk irridu nkunu verament hienja, nitgħallmu nibdlu kollox f’imħabba, noffru lill-oħrajn il-ħidma tagħna u l-ħin tagħna, ngħidu kliem u nagħmlu ġesti tajbin, anki bi tbissima, b’tgħannieqa, billi nisimgħu, b’ħarsa.  Għeżież żgħażagħ, ħuti, ejjew ngħixu hekk!  Ilkoll nistgħu nagħmlu dan u lkoll neħtieġuh, hawnhekk u kullimkien fid-dinja.

Tafu xi ġralu Giovanni?  Ma fehemuhx!  Kienu jaħsbu li tilef moħħu u sakkruh fil-manikomju.  Iżda hu ma qatax qalbu, għax l-imħabba ma ċċedix, għax min jimxi wara Ġesù ma jitlifx il-paċi u ma joqgħodx jibki xortih.  U propju hemmhekk, fil-manikomju, imtaqaqal bis-salib, waslitlu l-ispirazzjoni minn Alla.  Giovanni nduna kemm il-morda kellhom bżonn għajnuna u meta fl-aħħar wara xi xhur, ħallewh joħroġ (mill-isptar), beda jieħu ħsiebhom hu flimkien ma oħrajn sħabu, u waqqaf ordni reliġjuz: l-Aħwa Ospitalieri.  Xi wħud, però bdew isejħulhom b’isem ieħor, propju bil-kliem ta’ dak iż-żgħażugħ li kien jgħid lil kulħadd” “Agħmlu l-ġid, ħuti”!  F’Ruma aħna hekk insibuhom: “Il-Fatebenefratelli”.  X’isem sabiħ, x’tagħlim importanti!  L-għajnuna lill-oħrajn hi don għalik personali u hi ta’ ġid għal kulħadd.  Iva, l-imħabba hi don għal kulħadd”  Niftakru: o amor é um presente para todos!”.  Intennuha flimkien: o amor é um presente para todos!”.

Ejjew inħobbu lil xulxin hekk. Komplu għamlu l-ħajja rigal ta’ mħabba u ta’ ferħ.  Jien irroddilkom ħajr u nirrikmandalkom, lil kulħadd, imma speċjalment lit-tfal, ibqgħu mexjin ‘il quddiem u itolbu għalija. Obrigado!

* * * 

Diskors impromptu

Hemm ħafna affarijiet li nixtieq ngħidilkom issa, imma donnu li “r-rifletturi” mhumiex jaħdmu u ma nistax naqra sew.  Għalhekk se ntihulkom (id-diskors) biex tkunu tistgħu tippubblikawh.  Ma nistax nisforza għajnejja u nbati biex naqra.

Nixtieq nieqaf fuq xi ħaġa li mhix miktuba, imma li tagħmel parti mill-ispirtu ta’ dil-laqgħa: il-konkretezza.  L-imħabba astratta ma teżistix.  L-imħabba platonika tinsab fis-sħab, mhux fir-realtà.  L-imħabba konkreta, dik li biha tħammeġ idejk.  Kull wieħed u waħda minna nistgħu nsaqsu: l-imħabba li jien għandi lejn dawk kollha li jinsabu hawn, dik li nħoss lejn l-oħrajn, hi konkreta jew astratta?  Meta jien innewwel idi lil xi persuna fil-bżonn, lil xi marid, lil xi emarġinat, wara li nkun tajthom idi, nimsaħha ma’ ħwejġi biex ma nitniġġisx? Nitqażżes mill-faqar, mill-faqar tal-oħrajn? Infittex dejjem il-ħajja “distillata”, dik li teżisti fil-fantasija tiegħi, iżda li ma teżistix fir-realtà?  Kemm ħajjiet distillati, inutli, li jgħaddu mingħajr ma jħallu marka, għax dawk il-ħajjiet ma fihomx fejda!

U hawn għandna realtà li tħalli marka, realtà ta’ bosta snin, bosta snin, li qed tħalli marka ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn.  Ma jistax ikun Jum Dinji taż-Żgħażagħ bla ma nqisu din ir-realtà.  Għax dan ukoll huwa żgħożija, fis-sens li intom tiġġeneraw il-ħajja bla waqfien.  Bl-imġieba tagħkom, bl-impenn tagħkom, meta tħammġu jdejkom biex tmissu r-realtà tal-miżerja tal-oħrajn, intom tkunu qed tiġġeneraw ispirazzjoni, tkunu qed tiġġeneraw il-ħajja.  Grazzi ta’ dan!  Irroddilkom ħajr minn qalbi.  Ibqgħu għaddejjin hekk u taqtgħux qalbkom!  U jekk taħbtu taqtgħu qalbkom, ixorbu tazz’ilma u ibqgħu mexjin ‘il quddiem!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber