VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

TALBA TAR-RUŻARJU MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MORDA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Kappella tad-dehriet fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima (Fatima)
Il-Ħamis, 5 ta’ Awwissu, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Grazzi Mons Ornelas għal kliemek u grazzi lilkom ilkoll tal-preżenza tagħkom u tat-talb.  Għadna kif irreċitajna r-Rużarju, talba mill-isbaħ, u vitali, għax tqegħedna f’kuntatt mal-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Marija.  U mmeditajna l-misteri tal-ferħ, li jfakkruna illi l-Knisja ma tista’ tkun xejn aktar ħlief id-dar tal-ferħ.  Il-kappella ċkejkna fejn ninsabu hi xbieha sabiħa tal-Knisja: akkoljenti, mingħajr bibien. Il-Knisja m’għandhiex bibien, sabiex ikun jista’ jidħol kulħadd.  U hawn nistgħu ukoll ninsistu fuq il-fatt li kulħadd jista’ jidħol, għax din hi d-dar tal-Omm, u l-omm dejjem qalbha miftuħa għal uliedha kollha, kollha, kollha, kollha, bla ebda esklużjoni.

Ninsabu hawn taħt il-ħarsa materna ta’ Marija, ninsabu hawn bħala Knisja, Knisja Omm.  Il-pellegrinaġġ hu propju karatteristika marjana, għax l-ewwel li għamlet pellegrinaġġ wara t-tħabbira ta’ Ġesù, kienet Marija.  Malli saret taf li kuġintha kienet tqila – kienet imdaħħla fiż-żmien il-kuġina – telqet bil-ġirja.  Hi traduzzjoni ftit jew wisq libera, l-Evanġelju jgħid: “marret tħaffef”, aħna ngħidu “marret tiġri” telqet tiġri b’dik ix-xewqa li tgħin, li tkun preżenti.

Marija għandha ħafna titoli, imma meta naħsbu ftit hemm wieħed li nistgħu ngħidu li hu dan: il-Verġni “li tmur b’ġirja” kull darba li jkun hemm xi problema; kull darba li ninvokawha, ma titlajjax, tiġi, mimlija premura.  Il-Madonna mimlija premura, togħġobkom?  Ngħiduha lkoll flimkien: il-Madonna mimlija premura!  Tħaffef biex tkun qrib tagħna, tħaffef għax hi Omm.  Bil-portugiz tgħidu apressada, qalli Mons Ornelas.  Il-Madonna apressada.  U hekk takkumpanja l-ħajja ta’ Ġesù; u wara l-Qawmien ma tinħebhiex, takkumpanja d-dixxipli huma u jistennew lill-Ispirtu s-Santu; u takkumpanja l-Knisja li tibda toktor wara l-Pentekoste.  Madonna ta’ premura u Madonna li takkumpanja.  Takkumpanja dejjem.  Qatt ma hi protagonista.  Il-ġest ta’ Marija li tilqa’ hu doppju: l-ewwel tilqa’ u mbagħad turi lil Ġesù.  Matul ħajjitna Marija ma tagħmel xejn aktar ħlief turi lil Ġesù.  “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”.  Imxu wara Ġesù.

Dawn huma ż-żewġ ġesti ta’ Marija, nasbu ftit sew: tilqagħna lkoll u turina lil Ġesù.  U dan tagħmlu bil-premura, apressada.  Madonna mimlija premura li tilqagħna lkoll u turina lil Ġesù.  U kull darba li niġu hawnhekk niftakruh dan.  Hawnhekk Marija wriet ruħha b’mod speċjali, sabiex in-nuqqas ta’ twemmin ta’ tant qlub jinfetaħ għal Ġesù.   Bil-preżenza tagħha turina lil Ġesù, dejjem turina lil Ġesù.  U llum tinsab hawn fostna, Hi dejjem fostna, iżda llum inħossuha aktar qrib.  Marija mimlija premura.

Ħbieb, Ġesù jħobbna tant li jidentifika ruħu magħna u jitlobna nikkollaboraw miegħu.  U Marija turina dak li jitlob minna Ġesù: nimxu fil-ħajja bil-kollaborazzjoni miegħu.  Nixtieq li llum inħarsu lejn ix-xbieha ta’ Marija u kull wieħed u waħda minn naħsbu: x’qed tgħidli Marija bħala Omm?  X’qed turini?  Qed turina lil Ġesù; kultant turina wkoll xi ħaġa żgħira li ma tkunx qed taħdem sewwa f’qalbna, imma turi dejjem.  “Omm tiegħi x’qed turini?”  Nagħmlu waqt żgħir ta’ skiet u kulħadd f’qalbu jgħid: “Omm tiegħi, x’qed turini?”  X’hemm f’ħajti li qed jinkwetak?  X’hemm f’ħajti li qed iqanqlek?  X’hemm f’ħajti ta’ interess għalik?  U inti turiehomli.  U hemmhekk turina l-qalb, sabiex jiġi Ġesù.  U kif lilna turina lil Ġesù, lil Ġesù turih il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.

Għeżież ħuti, ejjew inġarrbu llum il-preżenza ta’ Marija Omm, l-Omm li dejjem tgħid: “Agħmlu dak li jgħidilkom Hu”; turina lil Ġesù.  Imma nħossu wkoll lill-Omm li lil Ġesù tgħidlu: “Agħmel dak li dawn qed jitolbuk”.  Din hi Marija.  Din hi Ommna, il-Madonna mimlija premura biex tkun qrib tagħna.  Jalla tberikna lkoll.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber