VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL

FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

ANGELUS

“Parque Tejo” (Lisbona)
Festa
tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej

Il-Ħadd, ta’ Awwissu, 2023

Għeżież ħuti,

Kelma li dwiet bosta drabi f’dawn il-ġranet kienet: “grazzi”, jew aħjar, obrigado”.  Dak li qalilna l-Patrijarka ta’ Lisbona sabiħ ħafna, jiġifieri li obrigado ma tifssirx biss gratitudni għal dak li wieħed ikun irċieva, imma wkoll ix-xewqa li l-ġid ikun reċiprokat.  F’din il-ġrajja ta’ grazzja lkoll kemm aħna rċevejna u issa l-Mulej, aħna u sejrin lura lejn djarna, qed inissel fina l-ħtieġa li naqsmu mal-oħrajn, inkunu xhieda tal-ferħ, tal-gratwità ta’ Alla, u ta’ dak li Alla qiegħed fi qlubna.

Qabel ma nibgħatkom nixtieq ngħid obrigado jien ukoll.  Qabel kollox lil-Kardinal Clemente u miegħu l-Knisja u l-poplu portugiz kollu, obrigado Obrigado lis-Sur President li akkumpanjana fil-ġrajjiet ta’ dal-ġranet. Obrigado lill-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali għas-sostenn u l-assistenza li taw.  Obrigado lill-isqfijiet, lis-saċerdoti, lill-persuni konsagrati u lill-lajċi. U obrigado lilek, Lisbona li se tibqa’ fil-memorja ta’ dawn iż-żgħażagħ bħala “dar tal-fraternità” u “belt tal-ħolm!”  Nesprimi ħafna gratitudni lill-kardinal Farrell, li f’dawn il-Jiem reġa’ kiseb iż-żgħożija, u lil dawk kollha li ħejjew dawn il-Jiem, kif ukoll lil dawk kollha li akkumpanjawhom bit-talb.  Obrigado lill-volontieri, li ħaqqhom applaws mill-qalb għas-servizz kbir li wettqu!  Ringrazzjament speċjali lil min kien jishar fuq il-JDŻ mill-għoli, jiġifieri l-Qaddisin patruni tal-avveniment: wieħed fuq kulħadd, Ġwanni Pawlu II, li kien ta ħajja lill-Jiem Dinjin taż-Żgħażagħ.

U obrigado lilkom ilkoll, għeżież żgħażagħ!  Alla jara dak kollu li hemm tajjeb fikom.  Hu biss jaf x’żera’ fi qlubkom.  Intom se titilqu minn hawn b’dak li Alla żera’ fil-qalb: kabbruh, ħarsuh bir-reqqa.  Nixtieq nagħmlilkom rakkomandazzjoni: żommu kollox fil-memorja, stampaw f’moħħkom u f’qalbkom l-aktar mumenti sbieħ, għaliex b’hekk, meta tiltaqgħu ma’ xi waqt ta’ għejja u qtigħ il-qalb – li hu inevtiabbli -, forsi t-tentazzjoni li twaqqfu l-mixja jew li tingħalqu fikom infuskom, b’din it-tifkira terġħu tgħixu l-esperjenzi u l-grazzja ta’ dawn il-ġranet, għaliex – tinsewh qatt dan - din hi r-realtà, dan huwa intom: il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla li jimxi fil-ferħ tal-Evanġelju!  Nixtieq ukoll nibgħat tislima liż-żgħażagħ li ma setgħux ikunu hawn, imma ħadu sehem f’inizjattivi organizzati f’pajjiżhom mill-Konferenzi Episkopali, mid-Djoċesijiet; qed niftakar, per eżempju, f’ħutna subsaharjani miġburin f’Tanġier.  Grazzi lil kulħadd, grazzi!

B’għożża nakkumpanja bit-talb lil dawk li ma setgħux jiġu minħabba kunflitti u gwerer.  Fid-dinja hawn ħafna gwerer, ħafna kunflitti.  Jien u naħseb f’dal-kontinent, inħoss niket kbir għall-għażiża Ukrajna li għada qed issofri bil-kbir.  Ħbieb, ippermettu lili wkoll, issa li jien xiħ, li naqsam magħkom żgħażagħ, ħolma li nġorr fija: il-ħolma tal-paċi, il-ħolma ta’ żgħażagħ li jitolbu għall-paċi, jgħixu fil-paċi u li qed jibnu ġejjieni ta’ paċi.  Permezz tal-Angelus inqiegħdu f’idejn Marija, Reġina tal-Paċi, il-futur tal-umanità.

U hemm obrigado li nixtieq nisħaq fuqu fl-aħħar: obrigado lill-għeruq tagħna, lin-nanniet, li għaddewlna l-fidi, li għaddewlna l-ixqfa tal-ħajja.  Huma l-għeruq tagħna.  U, meta tmorru lura d-dar, komplu itolbu għall-paċi.  Intom sinjal ta’ paċi għad-dinja, xhieda li n-nazzjonalitajiet differenti, il-lingwi, l-istejjer, jistgħu jagħqqdu minflok jifirdu.  Intom tama ta’ dinja differenti.  Grazzi ta’ dan.  Ibqgħu mexjin!

U fl-aħħar wasal il-mument li kulħadd qed jistenna: it-tħabbir tal-post fejn se ssir il-laqgħa li jmiss.  Qabel ma ngħidilkom fejn se jsir l-erbgħin JDŻ se nagħmlilkom stedina.  Nagħmel appuntament maż-żgħażagħ tad-dinja kollha, f’Ruma fl-2025, biex flimkien niċċelebraw il-Ġublew taż-Żgħażagħ!  Nistennikom biex niċċelebraw flimkien il-Ġublew taż-Żgħażagħ.  U l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss se jsir fl-Asja: se jkun fil-Korea t’Isfel! Hekk fl-2027, mill-konfini tal-punent tal-Ewropa immorru fl-Orjent imbiegħed: dan hu sinjal sabiħ tal-universalità tal-Knisja u sinjal tal-għaqda li intom xhieda tagħha!

Fl-aħħar, l-aħħar obrigado  jmur lejn żewġ persuni speċjali, lill-protagonisti ta’ dil-laqgħa.  Kienu hawn magħna, imma dejjem magħna, qatt ma neħħewna minn taħt għajnejhom, iħobbu l-ħajjiet tagħna kif ebda ħaddieħor ma jagħmel: obrigado lilek, Mulej Ġesù; obrigado lilek Ommna Marija.  U issa nitolbu flimkien.

 

Wara l-Angelus:

Nixtieq niżgura t-talb tiegħi, u dan nagħmluh ukoll flimkien, għall-vittmi tad-diżgrazzja traġika li seħħet jumejn ilu fil-muntanji tar-reġjun ta’ Racha, fil-Georgia.  U nakkkumpanja bil-qrubija tiegħi  lill-familjari.  Jalla l-Verġni Mqaddsa tfarraġhom u twieżen il-ħidma tal-iskwadri tas-sokkors.  Nakkumpanja, u jien qrib ħija il-Patrijarka Elija II.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber