VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ UNIVERSITARJI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

“Università Kattolika Portugiża” (Lisbona)
Il-Ħamis, 3 ta’ Awwissu, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Grazzi Sinjura Rettur, għal kliemek.  Obbligat!  Inti għidt li lkoll inħossuna “pellegrini”.  Kelma sabiħa, li t-tifsira tagħha jixirqilha meditazzjoni; litteralment tfisser li twarrab fil-ġenb ir-rutina tas-soltu u tibda miexi b’intenzjoni, itterraq “qalb l-għelieqi” jew “lil hinn mill-konfini tiegħek”, jiġifieri ‘l barra mill-comfort zone tiegħek, lejn xefaq li jagħmel sens.  Fit-terminu “pellegrin” naraw f’mera l-kundizzjoni umana, għax kulħadd hu msejjaħ biex jiffaċċja mistoqsijiet kbar li m’għandhomx tweġiba, tweġiba sempliċistika u minnufih, imma huma stedina biex bniedem jagħmel vjaġġ, imur ‘l hinn minnu nnifsu, u aktar ‘il bogħod.  Hu proċess li l-istudent universitarju jifhmu sewwa, għax l-għarfa hekk titwieled.  Bl-istess mod ukoll titkattar ir-riċerka spiritwali.  Li tkun pellegrin ifisser mixja lejn għan jew it-tfittxija tiegħu.  Dejjem hemm il-periklu li tispiċċa miexi f’labirint, fejn mhemmx għan.  U lanqas mnejn toħroġ.  Il-fiduċja tagħna m’għandhiex tkun fil-formuli prefabbrikati – dawk labirinti -, fi tweġibiet li jidhru faċli, dawk it-tweġibiet lesti fil-komma qieshom karti tal-logħob imbabsin; m’għandniex inpoġġu l-fiduċja tagħna f’dawk il-proposti li jidhru donnhom qed jagħtu kollox bla ma jitolbu xejn lura.   Ma nafdawhomx!  Din id-diffidenza hi arma biex tmexxina ‘l  quddiem u ma nibqgħux ngħaqdu tond.  Waħda mill-parabboli ta’ Ġesù tgħid li l-ġawhra ta’ valur kbir, min ifittixha bl-intelliġenza u b’inizjattiva, u jagħti kollox, kollox jirriskja biex jiksibha (cfr Mt 13,45-46).  It-tfittxija hi riskju: dawn huma ż-żewġ verbi tal-pellegrin.  Ifittex u jirriskja.

Pessoa qal, b’inkwiet imma korrettament, illi “li ma tkunx sodisfatt hi karatteristika tal-bnedmin” (Mensagem O Quinto Império).  M’għandniex għalfejn nibżgħu jekk inħossuna ansjużi, meta naħsbu li dak li nkunu nagħmlu mhux biżżejjed.  Li f’das-sens qatt m’għandna nħossuna sodisfatti, imma bil-qies, hu mediċina tajba kontra l-prużunzjoni u l-awtosuffiċjenza u kontra n-narċisiżmu.  Il-karatteristika tal-kundizzjoni (umana) tagħna hi li bħala pellegrini u ċerkaturi qatt ma wasalna; kif jgħid Ġesù, “ninsabu fid-dinja, iżda m’aħniex tad-dinja” (cfr Ġw 17,16).  Aħna f’mixja lejn.....  Għandna sejħa għal xi ħaġa aktar, għal tluq li mingħajru m’hemmx titjira.  Allura mhemmx għalfejn nallarmaw ruħna jekk fl-itimu tagħna nħossuna għatxana, imħassbin, mhux kompluti, xewqana li nsibu sens u futur, com saudade do futuro!  U hawn, flimkien mal-com saudade do futuro, tinsewx iżżommu ħajja l-memorja tal-futur.  M’aħnex morda, aħna ħajjin!  Pjuttost għandna nitħassbu meta nkunu lesti biex it-triq li għandna nterrqu nibdluha ma’ waqfa f’xi post komdu, basta dan itina l-illużjoni tal-kumdità; meta l-uċuħ nibdluhom mal-iskrins, dak li hu reali mal-virtwali; meta minflok il-mistoqsijiet li jkissruna, nippreferu tweġibiet faċli li jilluppjawna.  U f’kull manwal tar-relazzjonijiet soċjali nistgħu nsibu kif għandna nġibu ruħna sewwa.  It-tweġibiet faċli jilluppjawk.

Ħbieb, ippermettuli ngħidilkom: fittxu u rriskjaw.  F’dal-waqt tal-istorja l-isfidi huma kbar, tnegħid ta’ wġiegħ.  Qed nassistu għat-tielet gwerra dinjija miġġielda bil-biċċiet.  Iżda ejjew inħaddnu r-riskju li ma ninsabux f’agunija, imma fi ħlas; mhux fl-aħħar, imma fil-bidu ta’ spettaklu kbir.  Hemm bżonn il-kuraġġ biex naħsbu dan.  Kunu għalhekk protagonisti ta’ “koreografija ġdida” li fiċ-ċentru tqiegħed il-persuna umana, kunu koreografi taż-żifna tal-ħajja.  Kliem is-Sinjura Rettur kienu ta’ ispirazzjoni għalija, partikolarment meta qalet li “l-università mhix qiegħeda hemm biex tippreserva lilha nfisha bħala istituzzjoni, imma biex twieġeb bil-kuraġġ għall-isfidi ta’ issa u tal-ġejjieni”.  L-awtopreservazzjoni hi tentazzjoni, hi rifless ikkundizzjonat mill-biża’, li jġagħlek tħares lejn l-eżistenza b’mod mgħawweġ. Kieku ż-żerriegħa tippreserva lilha nfisha, kienet taħli għal kollox il-qawwa ġenerattiva tagħha u tikkundannana lkoll biex inbatu l-ġuħ; kieku x-xtiwi jippreservaw lilhom infushom, kienet tiġi nieqsa l-meravilja tar-rebbiegħa.  Għalhekk, agħmlu kuraġġ li l-biżgħat sarfuhom f’ħolm.  Ibdlu l-biżgħat mal-ħolm: tkunux amministraturi tal-biżgħat imma imprendituri tal-ħolm!

Ikun ħala naraw università impenjata biex tifforma l-ġenerazzjonijiet il-ġodda meta tipperpetwa s-sistema elitarju u diżugwali attwali tad-dinja, li fiha it-tagħlim ta’ livell għoli jibqa’ biss privileġġ tal-ftit.  Jekk l-għarfien ma jkunx milqgħuh bħala responsabbiltà, isir ħawli.  Jekk f’min irċieva tagħlim ta’ livell superjuri (li llum, fil-Portugall u fid-dinja, għadu privileġġ) ma jkunx hemm sforz biex irodd lura dak li wieħed ikun ibbenefika minnu, dan ma jkunx fehem sal-aħħar dak li kien offrut lilu.  Inħobb niftakar fil-Ktieb tal-Ġenesi; l-ewwel mistoqsijiet li Alla jagħmel lill-bniedem huma: “Fejn int?” (Ġen 3,9) u “Fejn hu ħuk?” (Ġen 4,9).  Jagħmlilna tajjeb insaqsu lilna nfusna: fejn ninsab?  Jien magħluq fil-bozza tiegħi jew qed nieħu r-riskju li nħalli s-sikurezzi tiegħi wara dahri biex insir nisrani prattikanti, artiġjan tal-ġustizzja, artiġjan tas-sbuħija?  U aktar: Fejn qiegħed ħija?  Esperjenzi ta’ servizz bħalma hi l- Missão País  u ħafna oħrajn li jinbtu f’ambitu akkademiku għandhom jitqiesu indispensabbli għal min imiss mal-università.  Iċ-ċertifikat infatti, m’għandux jitqies biss bħala liċenzja biex bniedem jibni l-benessri personali, iżda bħala mandat biex jiddedika ruħu ħalli jkun hemm soċjetà aktar ġusta, soċjetà aktar inklussiva, jiġifieri aktar progredita.  Qaluli li poetessa kbira tagħkom, Sophia de Mello Breyner Andresen, waqt intervista li hi speċi ta’ testment, għall-mistoqsija: “X’tixtieq tara jseħħ fil-Portugall f’dan is-seklu ġdid?”, wieġbet: “Irrid nara sseħħ il-ġustizzja soċjali u t-tnaqqis tad-diskrepanza bejn l-għonja u l-foqra” (Intervista ta’ Joaci Oliveira, f’Cidade Nova, nº 3/2001).  Dil-mistoqsija nagħmilha lilkom.  Intom, għeżież studenti, pellegrini tal-għarfa, x’tixtiequ taraw iseħħ fil-Portugall u fid-dinja?  Liema tibdil, liema trasformazzjonijiet?  U b’liema mod l-università, fuq kollox dik kattolika, tista’ tagħti kontribut?

Beatriz, Mahoor, Mariana, Tomás, irroddilkom ħajr għat-testimonjanzi tagħkom.  Kollha kellhom togħma ta’ tama, mimlijin entużjażmu realista, mingħajr tgemgim imma lanqas b’xi ħarba idealista lejn il-futur.    Tridu tkunu protagonisti “protagonisti tat-tibdil” kif qalet Mariana.  Jien u nismgħakom ġiet f’moħħi sentenza, li forsi intom familjari magħha, tal-kittieb José de Almada Negreiros: “Ħlomt b’pajjiz li fih kulħadd wasal biex ikun imgħallem” (A Invenção do Dia Claro).  Dan l-anzjan li qed ikellimkom ukoll – issa jien xiħ -, joħlom li l-ġenerazzjoni tagħkom issir ġenerazzjoni ta’ imgħallmin.  Imgħallmin tat-tama.  U imgħallmin li jiddefendu l-ħajja tal-pjaneta, li f’dal-mument hi mhedda minn qerda ekoloġika gravi.

Kif saħqu wħud minnkom, hemm bżonn inkunu konxji mill-urġenza drammatika li nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna.  Madankollu, dan ma jistax isir mingħajr konverżjoni tal-qlub u bidla fil-viżjoni antropoloġika li hi l-bażi tal-ekonomija u tal-politika. Ma nistgħux nikkuntentaw b’sempliċi miżuri paljattivi jew b’kompromessi ġwejdin u ambigwi.  F’dal-kas: it-toroq tan-nofs ikunu biss ftit dewmien qabel iseħħ id-diżastru (Enċ. Laudato si’, 194).  Tinsewhiex: it-toroq tan-nofs ikunu biss ftit dewmien qabel iseħħ id-diżastru.  Iżda hemm bżonn nieħdu fuq spallejna dak li sfortunatament dejjem qed jitħalla għall-għada: jiġifieri li dak li nsejħulu progress u evoluzzjoni ntuħ tifsir ġdid.  Għax f’isem il-progress, infetħet triq għal wisq rigress.  Studjaw sewwa dak li qed ngħidilkom: f’isem il-progress infetħet triq għal wisq rigress.  Intom il-ġenerazzjoni li tista’ tegħleb din l-isfida: għandkom l-għodda xjentfiċi u teknoloġiċi mill-aktar avvanzati imma, jekk jogħġobkom, taqgħux fin-nasba tal-viżjonijiet parzjali.  Tinsewx li għandna bżonn ekoloġija integrali, għandna bżonn nisimgħu is-sofferenza tal-pjaneta flimkien ma’ dik tal-foqra; għandna bżonn li d-dramm tad-deżertifikazzjoni u dak tar-rifuġjati ntuhom l-istess attenzjoni; il-kwistjoni tal-migrazzjoni flimkien ma’ dik tad-denatalità; għandna bżonn nieħdu ħsieb id-dimensjoni materjali tal-ħajja fil-qafas tad-dimensjoni spiritwali.  Toħolqux polarizzazzjoni imma viżjoni komuni.

Grazzi Tomas li għidt li “mingħajr Alla ekoloġija integrali mhix possibbli, li ma jistax ikun hemm futur f’dinja mingħajr Alla”.  Nixtieq ngħidilkom: il-fidi għamluha kredibbli bl-għażliet tagħkom.  Għax jekk il-fidi ma tiġġenerax stili ta’ ħajja konvinċenti, l-għaġna tad-dinja ma togħliex.  Mhux biżżejjed li n-nisrani jkun konvint, irid ikun konvinċenti; l-azzjonijiet tagħna huma msejħin biex ikunu mera tas-sbuħija, ferħ u fl-istess ħin tar-radikalità tal-Evanġelju.  Minbarra dan, il-kristjaneżmu ma nistgħux ngħixuh qiesna f’fortizza mdawra bis-swar li ttella’ l-ħitan fil-konfront tad-dinja.  Għalhekk laqtitni ħafna t-testimonjanza ta’ Beatriz meta qalet li propju “ibda mill-qasam tal-kultura” hemm is-sejħa biex ngħixu l-Beatitudnijiet.  F’kull epoka, wieħed mid-dmirijiet l-aktar importanti għall-insara hu li nirkupraw is-sens tal-inkarnazzjoni.  Mingħajr l-inkarnazzjoni, il-kristjaneżmu jsir ideoloġija u t-tentazzjoni tal-ideoloġiji kristjani, bejnietna, huwa attwali ħafna.  Hi l-inkarnazzjoni li tippermettielna nistgħaġbu bis-sbuħija li Kristu jirrivelalna permezz ta’ ħutna kollha, ta’ kull raġel u mara.

A propożitu, interessanti li fil-fakultà l-ġdida dedikata għall-“Ekonimija ta’ Franġsiku”, żidtu l-figura ta’ Chiara.  Il-kontribuzzjoni tal-mara hija indispensabbli.  Fl-inkonxju kollettiv kemm drabi nqisu li n-nisa huma tat-tieni kategorija, huma r-reserves u qatt ma huma fit-tim tal-bidu!  Dan jeżisiti fl-inkonxju kollettiv.  Il-kontribut tal-mara huwa indispensabbli.  Mill-bqija, fil-Bibbja naraw kif l-ekonomija tal-familja, fil-biċċa l-kbira hi f’idejn il-mara.  Hi, bl-għaqal tagħha, hija l-veru “mexxejja” tad-dar, u l-għan tagħha mhux esklussivament il-profitt, imma l-kura, il-konvivenza, il-benessri fiżiku u spiritwali ta’ kulħadd, u wkoll il-kondiviżjoni mal-foqra u l-frustieri.  Entużjażmanti li tidħlu għall studju tal-ekonomija b’dil-perspettiva: bl-għan li lill-ekonomija ttuha lura d-dinjità li jistħoqqilha, ħalli ma tisfax priża tas-suq selvaġġ u tal-ispekulazzjoni.

L-inizjattiva Patto Educativo Globale, u s-seba’ prinċipji li jiffurmaw l-arkitettura tiegħu, jinkludu ħafna minn dawn it-temi, tal-kura tad-dar komuni sal-parteċipazzjoni sħiħa ta-nisa, sal-ħtieġa li jinstabu manjieri ġodda dwar kif nifhmu l-ekonomija, il-politika, it-tkabbir u l-progress.  Nistedinkom tistudjaw il-Patt edukattiv globali u tagħmluh tagħkom bil-passjoni.  Wieħed mill-punti li jmiss hu l-edukazzjoni għall-akkoljenza u l-inklużjoni.  Ma nistgħux nagħmlu tabirruħna li ma smajniex kliem Ġesù fil-kapitlu 25 ta’ Mattew: “kont barrani u lqajtuni” (v. 35).  Segwejt b’emozzjoni t-testimonjanza ta’ Mahoor, meta fakkret xi jfisser tgħix bla heda “s-sentiment tan-nuqqas ta’ fuklar, tal-familja, tal-ħbieb (...) li tisfa bla dar, bla università, bla flus (...) għajjiena, sfinita u mkissra bin-niket u t-telf”.  Kull darba li xi ħadd jagħmel dan il-ġest ta’ ospitalità, iġib trasformazzjoni.

Ħbieb, jien hieni narakom bħala komunità edukattiva ħajja, miftuħa għar-realtà, u konxja li l-Evanġelju mhux tiżjin, iżda l-animatur tal-partijiet kollha u tal-assjem.  Naf li l-mixja tagħkom tkopri sferi diversi: studju, ħbiberija, servizz soċjali, responsabbiltà ċivili u politika, kura tad-dar komuni, espressjonijiet artistiċi... Li tkun univeristà kattolika jfisser qabel kollox dan: li kull element hu f’relazzjoni mal-bqija kollu u li l-kollox isib postu fil-partijiet.  Hekk, waqt li tkunu qed tiksbu l-kompetenzi xjentifiċi, timmaturaw bħala persuni, billi tagħrfu lilkom infuskom u tiddixxernu t-triq li kull wieħed u waħda minnkom se timxu fiha.  Triq iva, labirint le.  Allura, avanti!  Tradizzjoni medjevali tirrakkonta li meta l-pellegrini tal-Mixja ta’ Santiago kienu jiltaqgħu, kienu jsellmu lil xulxin u jgħidu “Ultreia” u l-ieħor kien iwieġeb “et Suseia”.  Huma espressjonijiet ta’ inkoraġġiment biex tkomplu tifttxu u għar-riskju tal-mixja, billi tgħidu lil xulxin: “Isa, kuraġġ, ‘il quddiem!”  Dan hu li nawgura likom ilkoll b’qalbi kollha.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber