VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FIL-PORTUGALL

FL-OKKAŻJONI TAS-XXXVII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

[2 - 6 TA’ AWWISSU 2023]

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

TUL IT-TITJIRA LURA

 

Titjira Papali

Il-Ħadd 6 ta’ Awwissu 2023

 

Matteo Bruni

Il-lejla t-tajba, Santità, qed nerġgħu lura bi spirtu żagħżugħ u ferħana minn dan il-JDŻ, li fih stajna naffrontaw il-mistoqsijiet u x-xewqat taż-żgħażagħ fil-konfront tal-Knisja, tal-fidi, u anki tad-dinja. U stajna nisimgħu t-tweġiba tiegħek fil-kliem tiegħek, fil-preżenza tiegħek. Issa għandna xi ftit tal-mistoqsijiet min-naħa tal-ġurnalisti, imma l-ewwel ridt tgħid kelma int…

 

Il-Papa Franġisku

Il-lejla t-tajba u grazzi ħafna ta’ din l-esperjenza. Illum għandna għeluq snin [il-ġurnalista Rita Cruz], awguri! Imbagħad jasal il-kejk.

 

Matteo Bruni

L-ewwel mistoqsija, illejla, tagħmilha Aura Maria Vistas Miguel, minn Rádio Renascença, li nafuha tajjeb.

 

Aura Maria Vistas Miguel – Rádio Renascença

Santità, qabelxejn grazzi taż-żjara tiegħek il-Portugall: diġà kulħadd qed iqisha suċċess. Kulħadd kuntent ħafna. Grazzi li ġejt. Iltqajt ma’ kap importanti tal-Pulizija li qalli li qatt ma kien ra folla hekk ubbidjenti u paċifika. U allura kienet sabiħa ħafna, grazzi. Il-mistoqsija tiegħi hi dwar Fatima. Aħna nafu li int mort hemm u tlabt fis-skiet quddiem il-Madonna, fil-Kappella ċkejkna. Imma kien hemm din l-istennija kbira, fil-post proprju fejn il-Madonna kienet għamlet sejħa biex nitolbu għat-tmiem tal-gwerra – billi aħna, b’xorti ħażina, qegħdin fi gwerra bħalissa –, li jkun hemm tiġdid min-naħa tal-Papa, pubblikament, għall-paċi. Għajnejn id-dinja kienu msammrin fuqek ilbieraħ filgħodu, f’Fatima. Għaliex ma għamiltx dan?

 

Il-Papa Franġisku

Tlabt, tlabt. Tlabt lill-Madonna u tlabt għall-paċi. Ma għamiltx pubbliċità. Imma tlabt. U rridu kontinwament intennu din it-talba għall-paċi. Hi fl-Ewwel Gwerra Dinjija dan kienet talbitu. U jien din id-darba tlabtu lill-Madonna. U tlabt. Ma għamiltx pubbliċità.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Aura. It-tieni mistoqsija mingħand João Francisco: hu mill-Observador, ġurnal ta’ kuljum Portugiż.

 

João Francisco Gonçalves Gomes – Rádio Observador

Grazzi ħafna, Santità. Ħa nitkellem bl-Ispanjol – għalija iżjed faċli; jekk tista’ twieġeb bl-Ispanjol ikun aktar faċli biex nifhmu, anki għall-Portugiżi. Nixtieq nistaqsik dwar l-abbużi fuq il-minuri fil-Knisja fil-Portugall. Fi Frar ta’ din is-sena ġie ppubblikat rapport fuq ir-realtà tal-abbużi fil-Portugall: kważi 5,000 tifel u tifla kienu vittmi fl-aħħar għexieren ta’ snin. Nistaqsik: inti qrajt, tinsab infurmat fuq dan ir-rapport mgħoddi lill-isqfijiet? U barra minn hekk, x’jidhirlek li għandu jiġri bl-isqfijiet li kienu jafu bil-każi tal-abbużi u ma għaddewhomx lill-awtoritajiet? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Kif ilkoll tafu, b’mod riservat ħafna ltqajt ma’ grupp ta’ persuni li ġew abbużati. Kif nagħmel dejjem f’każi bħal dawn, iddjalogajna fuq din il-pesta, din il-pesta terribbli. Fil-Knisja kien isir ftit jew wisq kif għadu jsir fil-familji u fil-kwartieri fejn jgħixu n-nies: jgħattu… Biżżejjed ngħidu li 42% tal-abbużi – ftit jew wisq – iseħħu fil-familji jew fil-kwartieri. Baqgħalna x’nimmaturaw biex ngħinu ħalli dawn l-affarijiet jinkixfu. Mill-iskandlu ta’ Boston il-Knisja għarfet li ma setgħetx taħrab mill-problema, imma li l-barri ried jinqabad minn qrunu. Sentejn u nofs ilu kien hemm il-laqgħa tal-presidenti tal-Konferenzi Episkopali, fejn ġew fornuti anki xi statistiċi uffiċjali dwar l-abbużi. U huwa gravi, is-sitwazzjoni hi gravi ħafna. Fil-Knisja hemm frażi li qed nużaw kontinwament: tolleranza żero, tolleranza żero. U r-Ragħajja li, b’xi mod, ma refgħux responsabbiltà, iridu jerfgħu r-responsabbiltà ta’ din l-irresponsabbiltà. Il-mod irridu narawh kull każ għalih. Id-dinja tal-abbużi hi iebsa ħafna, u għalhekk inħeġġeġ biex inkunu miftuħa ħafna fuq dan kollu.

 

F’dak li jmiss il-mistoqsija tiegħek fuq kif sejjer il-proċess fil-Knisja Portugiża: sejjer tajjeb. Sejjer tajjeb u b’serenità, qed ifittxu s-serjetà fil-każi tal-abbuż. In-numri xi drabi jispiċċaw biex jiżdiedu, xi ftit jew wisq minħabba l-kummenti li dejjem hemm min jieħu pjaċir jgħaddi, imma r-realtà hi li sejjer tajjeb u dan jagħtini ċerta trankwillità.

 

Irrid immiss punt u nixtieq nitlob lilkom il-ġurnalisti tikkollaboraw f’dan. Illum il-ġurnata… Intom għandkom mowbajl?… Għandkom? Tajjeb, fuq kull wieħed minn dawn il-mowbajls, bi ħlas jew b’password, wieħed ikollu aċċess għall-abbuż sesswali fuq minuri. Dan jidħol fid-djar tagħna u l-abbuż sesswali fuq il-minuri jista’ jiġi rrekordjat. Fejn qed jiġi ffilmjat? Min huma r-responsabbli? Din hi waħda mill-pesti l-aktar gravi, iktar minn kollox…, imma rrid nisħaq fuq dan għax, xi drabi, ma nintebħux li l-affarijiet huma hekk radikali. Meta tuża tifel biex tagħmel spettaklu ta’ abbuż, tiġbed l-attenzjoni. Bl-abbuż tkun qisek qed “tiekol” il-vittma, jew agħar minn hekk, tidrobha u tħalliha ħajja. Li nitkellem ma’ persuni abbużati hi esperjenza ta’ uġigħ il-qalb kbir, li anki lili tagħmilli l-ġid, mhux għax nieħu gost nisma’, imma għax tgħinni nitgħabba jien ukoll b’din it-traġedja.

 

Mela, lura għall-mistoqsija ngħid dak li diġà għidt: il-proċess miexi tajjeb, jiena infurmat fuq kif sejrin l-affarijiet. L-aħbarijiet jista’ jkun li kabbruha s-sitwazzjoni, imma l-affarijiet sejrin tajjeb f’dan. Imma ngħidilkom ukoll, b’xi mod, għinu, għinu biex it-tipi kollha ta’ abbuż jistgħu jinqatgħu. L-abbuż sesswali, imma mhuwiex l-uniku. Hemm tipi oħra ta’ abbuż li jgħajtu lis-sema: l-abbuż tax-xogħol tal-minuri, l-abbuż tax-xogħol bit-tfal, u jintuża; l-abbuż tan-nisa. Sal-lum, f’ħafna pajjiżi, jirrikorru għall-operazzjoni kirurġika fuq it-tfajliet: jipprattikaw it-tneħħija tal-klitoride, u dan qed jiġri llum, u jsir bix-xfafar, u daqshekk. X’kefrija! U l-abbuż tax-xogħol. Fl-abbuż sesswali, li hu gravi, u f’dan kollu, hemm kultura tal-abbuż li l-umanità għandha tirrivedi u tikkonverti.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li jmiss, it-tielet, hi ta’ Jean-Marie Guénois, ta’ Le Figaro, ħabib antik.

 

Jean-Marie Guénois – Le Figaro

Santità, kif int? Saħħtek, kif sejra l-konvalexxenza tiegħek? Ma qrajtx, jew qrajt biss partijiet żgħar, minn ħames diskorsi. Dan hu mingħajr preċedenti fil-vjaġġi: għaliex? Kellek problemi tal-qari? Għeja? Testi twali iżżejjed? Kif qed tħossok? U, jekk tippermettili, mistoqsija żgħira ħafna fuq Franza: int ġej Marsilja, u Franza hi kuntenta; imma qatt ma żżur Franza. Il-poplu ma jifhimx għala: forsi hi żgħira imma mhux żgħira biżżejjed… jew int għandek xi ħaġa kontra Franza?

 

Il-Papa Franġisku

Saħħti tajba. Il-punti neħħewhomli, għaddej b’ħajja normali, nilbes faxxa li rrid inġorr fuqi għal xahrejn tlieta biex nevita “eventrazzjoni”, sakemm il-muskoli jkunu iktar b’saħħithom. Imma nħossni tajjeb.

 

Iż-żjara: f’dik il-parroċċa qtajt mid-diskors għax kien hemm dawl ġej f’għajnejja u ma stajtx naqra, kien ġej dawl f’għajnejja u għalhekk qtajt. Xi wħud, permezz ta’ Matteo [Bruni], staqsew għaliex qassart l-omeliji [it-testi] li għandkom. Jiena meta nitkellem – mhux l-omeliji [diskorsi] “akkademiċi”, dan nipprova nagħmlu bl-aktar mod ċar… –, dejjem meta nitkellem infittex li nikkomunika. Intom rajtu li anki fl-omelija “akkademika” xi ċajta jew daħka ndaħħalha biex nikkontrolla l-komunikazzjoni. Maż-żgħażagħ, id-diskorsi twal kellhom l-essenzjal tal-messaġġ, u jien kont naqbad minn hemm skont kif kont inħoss li sejra l-komunikazzjoni. Rajtu li kont nagħmel xi mistoqsija, u dritt l-eku kien jindikali fejn sejra l-biċċa, jekk kontx sejjer żmerċ jew le. Iż-żgħażagħ ma għandhomx ħin twil ta’ attenzjoni. Tinsiex li, jekk int tagħmel diskors ċar b’idea, immaġni, ħaġa ta’ affett, jistgħu jsegwuk sa tmien minuti. Fil-parentensi, fl-Evangelii gaudium, li hi l-ewwel Eżortazzjoni li għamilt, ktibt fit-tul, kapitlu twil fuq l-omelija. Għax l-omeliji – hawnhekk hawn kappillan u dan jafu – xi drabi huma tortura, tortura: iparlaw bla, bla, u n-nies… F’xi raħal l-irġiel joħorġu jpejpu sigarett u jiġu lura. Il-Knisja jeħtieġ tikkonverti fuq dan l-aspett tal-omelija: trid tkun qasira, ċara, b’messaġġ ċar, u mimlija affett. Din hi r-raġuni għaliex jiena nikkontrolla kif sejra maż-żgħażagħ u nidħol fi djalogu. L-idea hemm kienet, imma jien qassart għax… għalija biżżejjed l-idea, maż-żgħażagħ. Dik hi l-biċċa.

 

U ngħaddu għal Franza. Mort Strasburgu, sejjer Marsilja, imma Franza le… [b’ton ċajtier] Hemm problema u din tħassibni, li hi l-problema tal-Mediterran. Għalhekk sejjer Franza. Hu att kriminali l-isfruttament tal-migranti. Hawn fl-Ewropa le, għax aħna iżjed kolti, imma fil-lager tal-Afrika ta’ Fuq… Jiena nirrakkomanda qari partikulari: hemm ktejjeb, ċkejken, li kiteb migrant, li biex jiġi mill-Guinea fi Spanja naħseb dam tliet snin għax kien ġie maħtuf, ittorturat, imjassar. Il-migranti f’dak il-lager tan-Nord: terribbli. Bħalissa – il-ġimgħa li għaddiet – l-assoċjazzjoni Mediterranja Saving Humans kienet qed taħdem biex teħles il-migranti li kienu fid-deżert bejn it-Tuneżija u l-Libja, għax kienu ħallewhom hemm, imutu. Dak il-ktieb jismu Hermanito – bit-Taljan għandu s-sottotitlu “Fratellino” – taqrah f’sagħtejn, ta’ min jaqrah. Aqrawh u taraw it-traġedja tal-migranti qabel ma jimbarkaw. L-isqfijiet tal-Mediterran se jagħmlu din il-laqgħa, anki ma’ xi politiku, biex jirriflettu serjament fuq id-dramma tal-migranti. Il-Mediterran hu ċimiterju, imma mhuwiex l-akbar ċimiterju. L-ikbar ċimiterju hi l-Afrika ta’ Fuq. Terribbli dan, aqrawh. Jiena għalhekk sejjer Marsilja. Il-ġimgħa l-oħra l-President Macron qalli li hi l-intenzjoni tiegħu jiġi Marsilja; se ngħaddu ġurnata u nofs hemm: nasal waranofsinhar u l-ġurnata ta’ wara sħiħa.

 

Jean-Marie Guénois – Le Figaro

Xejn kontra Franza?

 

Il-Papa Franġisku

Le, le. Dwar dan hi “politika”: hekk inżur il-pajjiżi żgħar Ewropej. Il-pajjiżi l-kbar – Spanja, Franza, l-Ingilterra – inħallihom għal wara, għall-aħħar. Imma b’għażla bdejt bl-Albanija u allura ż-żgħar. Ma hemm xejn. Franza: żewġt ibliet, Strasburgu u Marsilja.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija l-oħra, ir-raba’ waħda, minn Anita Hirschbeck, mill-aġenzija tal-istampa Kattolika Ġermaniża. Jekk jogħġbok, Anita.

 

Anita Hirschbeck – KNA (Katholische Nachrichten-Agentur)

Santità, f’Lisbona għidtilna li fil-Knisja hemm wisa’ għal “kulħadd, kulħadd, kulħadd”. Il-Knisja hi miftuħa għal kulħadd, imma fl-istess waqt mhux kulħadd għandu l-istess dritt u opportunità, fis-sens li, ngħidu aħna, in-nisa u l-omosesswali ma jistgħux jirċievu s-Sagramenti kollha. Santità, kif tispjegaha int din l-inkoerenza bejn “Knisja miftuħa”, u “Knisja li mhix ugwali għal kulħadd”? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Int qed tagħmilli mistoqsija fuq żewġ perspettivi differenti. Il-Knisja hi miftuħa għal kulħadd, imbagħad hemm il-liġijiet li jirregolaw il-ħajja fil-Knisja. U wieħed li jinsab ġewwa jrid joqgħod għal-liġi… Dan li qed tgħid int hu forma sempliċistika ħafna biex ngħidu: “ma tistax tirċievi s-sagramenti”. Dan ma jfissirx li hi magħluqa. Kull wieħed u waħda jiltaqa’ ma’ Alla skont il-ħajja tiegħu, fil-Knisja, u l-Knisja hija omm u tiggwida lil kulħadd fit-triq tiegħu. Għalhekk ma niħux pjaċir ngħid: ħa jiġi kulħadd, imma int agħmel hekk, u int hekk… Kulħadd. Imbagħad, kull wieħed, fit-talb, fid-djalogu interjuri, fid-djalogu pastorali mal-aġenti tal-pastorali, irid ifittex il-mod kif jimxi ’l quddiem. Għalhekk, li nistaqsu: “għaliex l-omosesswali?…”, le: kulħadd. U l-Mulej hu ċar: morda u f’saħħithom, xjuħ u żgħażagħ, koroh u sbieħ, tajbin u ħżiena… Hemm bħal ħarsa li ma tifhimx dan il-wiċċ tal-Knisja bħala omm u tħares lejha qisha “ditta”, li biex tidħol fiha int trid tagħmel hekk, tagħmlu b’dan il-mod u mhux ieħor… Ħaġa oħra hi l-ministerjalità fil-Knisja, li hija l-mod kif immexxu lill-merħla, u waħda mill-affarijiet l-aktar importanti hi, fil-ministerjalità, li nsieħbu l-persuni pass wara pass fil-ħajja tal-maturazzjoni tagħhom. Kull wieħed u waħda minna għandu din l-esperjenza: li l-Knisja omm seħbitna u sseħibna fil-ħajja tal-maturazzjoni tagħna. Jien ma nħobbx nirriduċi l-affarijiet, din mhix ħaġa ekkleżjali, din hi njostika; qisha ereżija njostika, li llum hi xi ftit jew wisq moda, ċertu njostiċiżmu li jirriduċi r-realtà ekkleżjali għal ideat, u dan ma jgħinx. Il-Knisja hia omm, tilqa’ lil kulħadd, u kulħadd jimxi t-triq tiegħu fil-Knisja, bla pubbliċità, u dan hu importanti ħafna. Grazzi tal-kuraġġ tiegħek li tagħmel din il-mistoqsija. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Ħaġa li qed jgħidli hu [Matteo Bruni]: kif għext jiena l-JDŻ. Dan hu r-raba’ wieħed li qed ngħix. L-ewwel wieħed kien f’Rio de Janeiro, li kien monumentali, stil Brażiljan, sabiħ! It-tieni fi Krakovja, it-tielet fil-Panama, u dan hu r-raba’ wieħed. Dan hu l-akbar fl-għadd. It-tagħrif konkret, veru: kienu fuq miljun. Fuqu. Anzi, fil-quddiesa, ilbieraħ, u billejl, fil-Velja, ikkalkulaw miljun u 400 jew miljun u 6,000. Dan hu t-tagħrif min-naħa tal-gvern. Impressjonanti l-kwantità. Ippreparat tajjeb! Fost dawk li rajt, dan hi l-aktar wieħed ippreparat tajjeb. U ż-żgħażagħ huma sorpriża, iż-żgħażagħ huma żgħażagħ, jagħmlu l-praspuri, il-ħajja hekk sejra, imma jfittxu li jħarsu ’l quddiem u huma l-futur. Il-kwistjoni hi kif nakkumpanjawhom, u l-problema hi li nagħrfu nakkumpanjawhom, u kif ma jinqalgħux minn mal-għeruq. Għalhekk jiena ninsisti tant fuq id-djalogu bejn xjuħ u żgħażagħ, in-nanniet man-neputijiet. Dan id-djalogu hu importanti, iżjed importanti mid-djalogu bejn ġenituri u wlied. Man-nanniet, dan irid isir, għax hemm jieħdu l-għeruq. Imbagħad iż-żgħażagħ huma reliġjużi, ifittixu fidi li mhix imqita, mhix artifiċjali, mhix legalista, imma laqgħa ma’ Ġesù Kristu. U dan mhux faċli. Hija esperjenza… Tisma’ min jgħid: “Imma ż-żgħażagħ mhux dejjem jgħixu skont il-morali…”. Min minna ma għamilx xi żball morali f’ħajtu? Kulħadd! B’xi wieħed mill-kmandamenti, kull wieħed minna għandu l-waqgħat tiegħu fl-istorja ta’ ħajtu. Il-ħajja hekk magħmula. Imma l-Mulej jistenniena dejjem għax hu ħanin u Missier, u l-ħniena tmur lil hemm minn kollox. Għalija kienet sabiħa ħafna. U llum, qabel ma tlajt fuq l-ajruplan, kont mal-voluntiera li kienu – taf kemm kienu?

 

Matteo Bruni

25 elf.

 

Il-Papa Franġisku

25 elf! “Mistika” [spirtu], engagement [impenn], li kien tassew sabiħ, sabiħ, sabiħ. Dan xtaqt ngħid fuq il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

 

Matteo Bruni

Nagħlqu hawn, Santità? Jew int…

 

Il-Papa Franġisku

Imma, waħda tal-aħħar…

 

Matteo Bruni

Allura nagħmlu forsi l-aħħar mistoqsija mingħand Justin, ta’ Cns.

 

Justin McLellan – CNS (Catholic News Service)

Dwar il-JDŻ, smajt f’dawn il-jiem xi xhieda ta’ żgħażagħ li jkollhom jiġġieldu minħabba s-saħħa mentali, mad-dipressjoni. Int qatt iġġelidt ma’ dawn? U jekk xi ħadd jiddeċiedi li jagħmel suwiċidju, x’tgħidilhom int lil tal-familja dwar din il-persuna li skont it-tagħlim Kattoliku fuq is-suwċidju jkunu jbatu għax jaħsbu li marret l-infern?

 

Il-Papa Franġisku

Illum is-suwiċidju taż-żgħażagħ hu tema importanti: importanti n-numru. Hemm ħafna. Il-midja ma tant issemmihom, għax ma jiġux infurmati tal-midja. Hawn [f’Lisbona] iddjalogajt – mhux fil-qrar – maż-żgħażagħ, għax approfittajt biex niddjaloga u wieħed żagħżugħ bravu qalli: “Nista’ nistaqsik xi ħaġa? X’jidhirlek mis-suwiċidju?”. Ma kienx jitkellem lingwa tagħna, imma fhimt tajjeb, u bdejna nitkellmu fuq is-suwiċidju. U fl-aħħar qalli: “Grazzi, għax is-sena l-oħra jiena kont indeċiż nagħmlux jew le”. Ħafna żgħażagħ imbeżżgħa, dipressi, imma mhux biss psikoloġikament… Imbagħad, f’xi pajjiżi li huma esiġenti ħafna fl-università, iż-żgħażagħ li ma jirnexxilhomx jiksbu l-lawrja jew isibu xogħol, jagħmlu suwiċidju, għax iħossu mistħija kbira wisq. M’iniex ngħid li hi ħaġa ta’ kuljum, imma hi problema. Hi problema attwali. Ħaġa li qed tiġri.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità, tat-tweġibiet tiegħek.

 

Il-Papa Franġisku

U grazzi lilkom għal dak li għamiltu. U nfakkarkom, tinsewx: Hermanito, “Fratellino”, il-ktieb tal-migrant. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard