VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU FIL-PORTUGALL
[2 - 6
TA’ AWWISSU, 2023]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Ċentru Kulturali Belém (Lisbona)
L-Erbgħa, 2 ta’ Awwissu, 2023

 

 

Sur President tar-Repubblika,

Sur President tal-Assemblea tar-Repubblika,

Sur Prim Ministru,

Membri tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,

Awtoritajiet, Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tad-dinja tal-kultura,

Sinjuri!

 

Insellmilkom minn qalbi u rrodd ħajr lis-Sur President għall-akkoljenza u għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzali – akkoljenti ħafna l-President, grazzi!  Jien hieni li ninsab f’Lisbona, belt ta’ laqgħa li tħaddan popli varji u kulturi li f’dal-ġranet issir aktar universali; f’ċertu sens issir, il-kapitali tad-dinja, il-kapitali tal-ġejjieni, għax iż-żgħażagħ huma l-futur.  Dan jaqbel ħafna mal-karattru multietniku u multikulturali – qed niftakar fil-kwartiet Mouraria, fejn jgħixu f’armonija nies ġejjin minn aktar minn sittin pajjiz – u jikxef l-inklinazzjoni kosmopolita tal-Portugall, li għandu għeruqu mħawlin fix-xewqa li jinfetaħ għad-dinja, jisploraha, u jbaħħar lejn ixqfa ġodda u aktar mifruxa.

Mhux bogħod minn hawn, f’Cabo da Roca, hemm imnaqqxa frażi ta’ poeta kbir ta’ dil-belt: «Aqui… onde a terra se acaba e o mar começa» (Minn hawn... fejn l-art tispiċċa u jibda l-baħar) (L. Vaz de Camões, Os Lusíadas, VIII).  Għal sekli sħaħ kienu jemmnu li hemhekk hemm it-tarf tad-dinja, u f’ċertu sens huwa veru: ningħaqad ma’ dak li jħobbu jkantaw il-portugiżi: «Lisboa tem cheiro de flores e de mar» (Lisbona fiha l-fwieħa tal-fjuri u tal-baħar) (A. Rodrigues, Cheira bem, cheira a Lisboa, 1972).  Baħar li hu aktar minn sempliċi element ta’ pajsaġġ, hu sejħa ttimbrata fl-ispirtu ta’ kull portugiz: “mar sonoro, mar sem fundo, mar sem fin (baħar soniku, baħar bla qiegħ, baħar bla tarf) sejħitlu poetessa tal-post (S. de Mello Breyner Andresen, Mar sonoro).  Quddiem l-oċean il-portugiżi jirriflettu fuq l-ispazji immensi tar-ruħ u fuq is-sens tal-ħajja fid-dinja.  U jien ukoll, imkaxkar minn din it-tixbiha tal-oċean, nixtieq naqsam magħkom xi ftit ħsibijiet.

Skont il-mitoloġija klassika, Oċean hu bin is-sema (Uranu): il-firxa bla qies tiegħu, lill-bnedmin mortali ġġagħalhom iħarsu ‘l fuq u jerfgħu ħsiebhom lejn l-infinit.  Imma, fl-istess ħin, Oċean hu bin id-dinja (Gea) li tħaddan, u b’hekk hi stedina biex id-dinja abitata ssir tħaddina waħda ta’ tenerezza.  Infatti, l-oċean ma jgħaqqadx flimkien biss popli u pajjiżi, imma artijiet u kontinenti; għalhekk Lisbona, belt tal-oċean, tfakkarna fl-importanza tal-assjem, biex il-konfini narawhom bħala żoni ta’ kuntatt mhux bħala fruntieri li jifirdu.  Nafu li llum il-kwistjonijiet il-kbar huma globali, madankollu spiss inġarrbu kemm hi ineffikaċi t-tweġiba għalihom għaliex quddiem il-problemi komuni, id-dinja hi maqsuma, jew tal-anqas mhux magħquda biżżejjed, bla ħila li f’għaqda sħiħa taffronta dak li qed iqiegħed lil kulħadd fi kriżi.  Donnu li l-inġustizzji planetarji, il-gwerer, il-kriżijiet tal-klima u tal-migrazzjoni qed jiġru aktar mill-ħila, u spiss aktar mir-rieda, li lkoll flimkien naffaċċjaw dawn il-kriżijiet.

Lisbona tista’ tissuġġerixxi bidla fil-pass.  Hawnhekk fl-2007 kien ġie ffirmat it-Trattat tar-Riforma tal-Unjoni Ewropea.  Dan jafferma li “L-Unjoni twiegħed li tmexxi ‘l quddiem il-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha” (Trattat ta’ Lisbona li bidel it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea, art. 1,4/2.1); imma jmur aktar ‘l hinn, u jasserixxi li “fir-relazzjonijiet mal-bqija tad-dinja (...) jikkontribwixxi għall-paċi, għall-iżvilupp sostenibbli tal-Art, għas-solidarjetà u għar-rispett reċiproku bejn il-popli, għall-kummerċ ħieles u ekwu, għall-eliminazzjoni tal-faqar u l-ħarsien tad-drittijiet umani” (art. 1,4/2.5).  Dan mhux biss kliem, iżda ġrajja importanti għall-mixja tal-komunità ewropea, minquxin fil-memorja ta’ dil-belt.   Dan hu l-ispirtu tal-assjem, animat mill-ħolma ewropea ta’ multilateraliżmu aktar wiesa mill-kuntest tal-punent biss.

Skont etimoloġija dibattibbli, l-isem Ewropa ġej propju minn kelma li tindika d-direzzjoni lejn il-punent.  Żgur, però li Lisbona hi l-kapitali l-aktar fil-punent tal-Ewropa kontinentali.  Għalhekk hi sejħa għall-ħtieġa li jinfetħu toroq ta’ laqgħa aktar wesgħin, kif diġà qed jagmħel il-Portugall, l-aktar ma’ pajjiżi ta’ kontinenti oħra marbutin flimkien mill-istess lingwa.  Nawgura li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ għall-“kontinent il-qadim” – nistgħu ngħidu “il-kontinent anzjan -, ikun impuls għal ftuħ universali, jiġifieri imbuttatura ta’ ftuħ li jagħmlu żgħażugħ mill-ġdid.  Għax id-dinja għandha bżonn l-Ewropa, il-vera Ewropa; għandha bżonnha fl-irwol tagħha  ta’ pont u medjatur fin-naħa orjentali tagħha, fil-Mediterran, fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani.  B’hekk fil-qafas tax-xenarju internazzjonali, l-Ewropa tkun kontribut, permezz tal-oriġinalità speċifika tagħha, li jġib fis-seħħ il-ħolma li jinbena għada flimken mal-għadu tal-bieraħ, li tibni toroq ta’ djalogu, mogħdijiet ta’ inklużjoni, tiżviluppa diplomazija ta’ paċi li titfi l-kunflitti u tnaqqas it-tensjonijiet, bil-ħila li tagħraf liema huma s-sinjali l-aktar moħbija tad-distensjoni u l-ħila li taqra bejn il-linji l-aktar mgħawġin.

Fl-oċean tal-istorja, aħna qed inbaħħru fi żmien ta’ tempesta u qed jinħass in-nuqqas ta’ rotot kuraġġużi ta’ paċi.  Meta nħarsu b’appell mill-qalb u ta’ għożża lejn l-Ewropa, fl-ispirtu ta’ djalogu karatteristiku tagħha, jiġina li nistaqsu: ‘il fejn qed tbaħħar jekk mhix qed toffri toroq ta’ paċi, toroq kreattivi biex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna u biex jintemmu l-bosta kunflitti li qed idemmu d-dinja?”  U aktar, jekk niftħu l-firxa ta’ ħarsitna: Punent, liema rotta miexi fiha?  It-teknoloġija tiegħek, li mmarkat il-progress u gglobalizzat id-dinja, waħedha mhix biżżejjed, anqas u anqas mhuma biżżejjed l-armi l-aktar sofistikati li ma jirrappreżentawx investiment fil-futur, imma ftaqir tal-kapital uman veru, dak tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-istat soċjali.  Hu ta’ tħassib meta naqraw li f’tant postijiet, mingħajr heda, qed ikunu investiti fondi fl-armamenti minflok fil-futur tal-ulied. U dan hu veru.  Ftit tal-jiem ilu, it-teżorier kien qed jgħidli li l-aħjar investiment hu fil-fabbrikazzjoni tal-armi.  Isir investiment aktar fl-armi milli fil-ġejjieni tal-ulied.  Jiena noħlom b’Ewropa, il-qalb tal-Punent, li tuża t-talenti tagħha biex tifti l-fuklari tal-gwerra u tixgħel id-dwal tat-tama; Ewropa li tagħraf issib mill-ġdid l-ispirtu żgħażugħ tagħha, hi u toħlom bil-kobor tal-assjem u tmur ‘l hinn mill-ħtieġa tal-immedjat; Ewropa li tinkludi lill-popli u l-persuni bil-kultura propja tagħhom, bla ma ddur lejn teoriji u kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi.  U dan jgħinna niftakru fil-ħolm tal-missirijiet fundaturi tal-Unjoni Ewropea: dawn kienu joħolmu kbir!

L-oċean, firxa immensa ta’ ilma, jeħodna lejn il-bidu tal-ħajja.  Fid-dinja evoluta tal-lum, paradossalment, saret prijorità d-difiża tal-ħajja umana, mqiegħeda f’riskju minħabba l-kurrenti utilitarji, li jużawha u jarmuha: il-kultura li tqis il-ħajja skart.  Qed naħseb f’tant tfal mhux imwielda u anzjani abbandunati għal riħhom, fit-tkaxkir biex nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw li min jiġi mill-bogħod u jħabbat fuq biebna, fis-solitudni ta’ bosta familji li jsibuha diffiċli jkollhom l-ulied u jrabbuhom.  Anki hawn jiġi li ngħidu: ‘il fejn qed tbaħħru, Ewropa, Punent, bl-iskart tax-xjuħ, bil-ħitan tal-barbed wire, bl-istraġi fil-baħar, bil-bennieni vojta?  ‘Il fejn qed tbaħħru?  Fejn se tmorru jekk, quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja toffru rimedji ta’ malajr u żbaljati, bħalma hu l-aċċettazzjoni ta’ mewt faċli, soluzzjoni komda li tidher ħelwa, imma li fil-fatt hi aktar morra mill-ilma tal-baħar?  U qed naħseb f’tant liġijiet sofistikati dwar l-ewtanasja.

Però, Lisbona, imħaddna mill-oċean, ittina raġuni biex nittamaw, hija belt tat-tama.  Oċean ta’ żgħażagħ inġabar f’dil-belt akkoljenti; u rrid irrodd ħajr għax-xogħol kbir u l-impenn ġeneruz li kien hawn fil-Portugall biex jospita dan l-avveniment tant kumplikat biex tmexxih, imma tant għammiel bit-tama.  Kif jingħad f’dawn l-inħawi: “Qrib iż-żgħażagħ bniedem qatt ma jixjieħ”.  Żagħżagħ ġejjin mid-dinja kollha, li jikkultivaw xewqat ta’ għaqda, paċi u fraternità, żgħażagħ li joħolmu u jipprovokawna biex inwettqu l-ħolma tat-tajjeb li huma għandhom.  Mhumiex fit-toroq biex jesprimu r-rabja imma biex jaqsmu bejniethom it-tama tal-Evanġelju, it-tama tal-ħajja.  U jekk f’ħafna postijiet illum hemm klima ta’ protesta u nuqqas ta’ sodisfazzjon, art tajba għall-populiżmi u l-kumplotti, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ hu okkażjoni biex nibnu flimkien.  Jerġa’ jagħti l-ħajja lix-xewqa li nikkrejaw in-novità, naqilgħu ‘l barra u flimkien inbaħħru lejn il-ġejjieni.  Jiġini f’moħħi kliem kuraġġuz ta’ Pessoa: It-tbaħħir hu neċessarju, l-għixien mhux neċessarju (...); li hemm bżonn hu li tikkrea” (Navegar è preciso)  Ejjew għalhekk nibdew naħdmu bil-kreattività biex nibnu flimkien!  Qed nimmaġina tliet lantijiet ta’ tama li fihom nistgħu naħdmu lkoll magħqudin flimkien: l-ambjent, il-futur, il-fraternità.

L-ambjent.  Il-Portugall jixxerja mal-Ewropa tant sforzi eżemplari għall-ħarsien tal-maħluq.  Iżda l-problema globali tibqa’ serja b’mod estrem; l-oċeani qed jisħnu u l-qiegħan tagħhom qed itellgħu fil-wiċċ il-kruha li biha aħna niġġisna d-dar komuni tagħna.  L-imħażen il-kbar tal-ħajja qed nibdluhom f’miżbliet ta’ plastik.  L-oċean ifakkarna li l-ħajja tal-bniedem għandha s-sejħa li tarmonizza ma’ ambjent ferm akbar minna, li għandu jkun imħares, imħares b’attenzjoni, aħna u naħsbu fil-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.  Kif nistgħu ngħidu li nemmnu fiż-żgħażagħ jekk ma nħallulhomx spazju sân biex jibnu l-futur?

Il-futur hu t-tieni lant.  U l-futur huwa ż-żgħażagħ.  Imma hemm ħafna fatturi li jaqtgħulhom qalbhom, bħalma hu n-nuqqas ta’ xogħol, ir-ritmi tal-ġenn li huma mgħaddsin fihom, iż-żjieda fl-għoli tal-ħajja, id-diffikultà biex isibu dar fejn joqgħodu u, ta’ tħassib akbar, il-biżà li jiffurmaw familja u jkollhom it-tfal.  Fl-Ewropa, u b’mod aktar ġenerali fil-punent, qed nassistu għal fażi tal-ark demoġrafiku b’rasu ‘l isfel: il-progress donnu jidher bħala ħaġa li tolqot biss l-iżvilupp tat-teknika u l-kumditajiet tal-individwi, filwaqt li l-ġejjieni jitlob minna li niġġieldu d-denatalità u l-għabex tal-‘will to live’.  Politika tajba tista’ tagħmel ħafna rigward dan, tista’ tiġġenera t-tama.  Infatti s-sejħa tagħha mhix li żżomm f’idejha s-setgħa, imma li lin-nies ittihom is-setgħa li jittamaw.  Il-politika għandha sejħa daqs qatt qabel biex tikkoreġi l-iżbilanċ ekonomiku ta’ suq li jipproduċi r-rikkezza, imma ma jqassamhiex, u b’hekk lin-nies ifaqqarhom mir-riżorsi u ċ-ċertezzi.  Għandha sejħa li tiskopri lilha nfisha mill-ġdid bħala ġenitriċi tal-ħajja u tal-kura, tinvesti b’ħarsa fit-tul lejn il-ġejjieni fil-familji u fl-ulied, tippromwovi allejanzi inter-ġenerazzjonali, fejn mhux b’daqqa ta’ sponża tħassar l-imgħoddi, imma tiffaċilita r-rabta bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani.  Dan irridu nerġgħu nibdewh: id-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani.  Dan ifakkarna fis-saudade (ix-xenqa) portugiz, li jesprimi nostalġija, xewqa tat-tajjeb li hu nieqes, li jitwieled mill-ġdid biss, mill-kuntatt mal-għeruq.   Iż-żgħażagħ għandhom isibu l-għeruq tagħhom fl-anzjani.  F’das-sens importanti l-edukazzjoni li m’għandhiex twassal biss nozzjonijiet tekniċi għall-progress ekonomiku imma għandha d-destin li lil dak li jkun twaħħdu mal-istorja, twassal tradizzjoni, tivvalorizza l-ħtieġa reliġjuża tal-bniedem u tiffavorixxi l-ħbiberija soċjali.

L-aħħar lant tat-tama hu dak tal-fraternità li aħna l-insara nitgħallmu mill-Mulej Ġesù Kristu.  F’bosta nħawi tal-Portugall, is-sens tal-qrubija u s-solidarjetà hu ħaj ħafna.  Però, fil-kuntest ġenerali ta’ globalizzazzjoni li riesqa lejna, iżda li ma ttiniex il-qrubija fraterna, ilkoll imsejħin biex nikkultivaw is-sens tal-komunità, ibda mit-tfittxija ta’ min jgħix maġenbna.  Għaliex, kif innota Saramago, “dak li verament jagħti sens lil-laqgħa hi t-tfittxija, u hemm triq twila x’nimxu biex nilħqu dak li hu qrib tagħna” (Todos os nomes, 1997).  Kemm ikun sbaiħ niskopru mill-ġdid li aħna aħwa, naħdmu għall-ġid komuni u nitfgħu wara spallejna l-kunflitti u l-modi differenti ta’ kif naraw l-affarijiet!  Hawnhekk ukoll, iż-żgħażagħ huma ta’ eżempju għax bl-għajta tagħhom għall-paċi u x-xenqa li għandhom għall-ħajja, iwassluna biex inwaqqgħu l-ħitan riġidi tal-appartenenza mibnijin f’isem id-diversi opinjonijiet u twemmin.   Sirt naf b’tant żgħażagħ li hawnhekk jikkultivaw ix-xewqa li jkunu proxxmu; qed naħseb fl-inizjattiva Missão País, li lil bosta żgħażagħ twassalhom biex fl-ispirtu tal-Evanġelju, jgħixu esperjenzi ta’ solidarjetà missjunarja fl-inħawi tal-periferija, speċjalment fil-villaġġi tan-naħa ta’ ġewwa tal-pajjiz, billi jmorru jżuru lil bosta anzjani waħedhom, u din hi “unzjoni” (dilka) għaż-żgħażagħ.  Irrid irrodd ħajr u nagħmel kuraġġ lil ħafna li fis-soċjetà portugiża jieħdu ħsieb l-oħrajn, il-Knisja lokali, li tagħmel ħafna ġid bogħod mid-dawl tar-rifletturi.

Ħuti, ejjew ilkoll flimkien inħossuna, fraternament, imsejħin biex nagħtu tama lid-dinja li ngħixu fiha u lil dal-pajjiz meraviljuz.  Deus abençoe Portugal! (Alla jbierek il-Portugall).

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber