Laikos

 

QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MOQRIJA MILL-KARDINAL DOMENICO CALCAGNO

 

Bażilika ta’ San Pietru

Ħamis ix-Xirka, 17 ta’ April 2025

 

Għeżież Isqfijiet u saċerdoti,

għeżież ħuti!

 

“L-Alfa u l-Omega, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista’ kollox” (Apok 1:8) huwa Ġesù. Proprju Ġesù li Luqa jiddeskrivilna fis-sinagoga ta’ Nazaret, qalb dawk li jafuh sa minn ċkunitu u issa jistagħġbu bih. Ir-rivelazzjoni – “apokalissi” – tiġi offruta lilna fil-limitu taż-żmien u tal-ispazju: għandha l-ġisem bħal ċappetta li twieżen it-tama. Il-ġisem ta’ Ġesù u tagħna. L-aħħar ktieb tal-Bibbja jirrakkonta din it-tama. Dan jagħmlu b’mod oriġinali, billi jħoll il-biżgħat kollha apokalittiċi fis-sħana tax-xemx tal-imħabba misluba. F’Ġesù jinfetaħ il-ktieb tal-istorja u nistgħu naqrawh.

 

Aħna s-saċerdoti wkoll għandna storja: meta f’Ħamis ix-Xirka nġeddu l-wegħdiet tal-Ordinazzjoni, aħna nistqarru li nistgħu naqrawha biss f’Ġesù ta’ Nazaret. “Dak li ħabbna u ħallna minn dnubietna bis-saħħa ta’ demmu” (Apok 1:5) jiftaħ ukoll ir-romblu tal-ħajja tagħna u jgħallimna nsibu l-passi li juru s-sens u l-missjoni tagħha. Meta nħallu lilu jgħallimna, dan tagħna jsir ministeru ta’ tama, għax f’kull waħda mill-ġrajjiet tagħna Alla jiftaħ ġublew, jiġifieri żmien u oasi ta’ grazzja. Nistaqsu lilna nfusna: qed nitgħallem naqra l-ħajja tiegħi? Jew nibża’ nagħmel dan?

 

Huwa poplu sħiħ li jsib seraħn, meta l-ġublew jibda fil-ħajja tagħna: mhux darba kull ħamsa u għoxrin sena – nittamaw! – imma f’dik il-qrubija ta’ kuljum tas-saċerdot lejn in-nies tiegħu fejn il-profeziji ta’ ġustizzja u ta’ paċi jitwettqu. “Għamilna Saltna, Qassisin għal Alla tiegħu Missieru” (Apok 1:6): dan hu l-poplu ta’ Alla. Din is-saltna ta’ saċerdoti mhix ta’ xi kleru. L-“aħna” li Ġesù jsawwar huwa poplu li l-konfini tiegħu ma narawhomx, fejn jaqgħu l-ħitan u d-dwani kollha. Dak li jgħid: “Ara, se nġedded kollox” (Apok 21:5), ċarrat il-velu tat-Tempju u għandu mħejjija għall-umanità belt-ġnien, Ġerusalemm il-ġdida li għandha l-bibien tagħha dejjem miftuħa (Apok 21:25). Hekk, Ġesù jaqra u jgħallimna naqraw is-saċerdozju ministerjali bħala purament servizz lill-poplu saċerdotali, li għad malajr jgħammar f’belt li ma għandhiex bżonn ta’ tempju.

 

Għalhekk is-sena ġubilari tirrappreżenta, għalina s-saċerdoti, sejħa speċifika biex nerġgħu nibdew it-triq tal-konverżjoni. Pellegrini tat-tama, biex noħorġu mill-klerikaliżmu u nsiru ħabbara ta’ tama. Bla dubju, jekk Ġesù hu l-Alfa u l-Omega tal-ħajja tagħna, anki aħna nistgħu niltaqgħu mad-diżapprovazzjoni li hu ġarrab f’Nazaret. Ir-ragħaj li jħobb lill-poplu tiegħu ma jgħixx ifittex il-kunsens u l-approvazzjoni, ikun xi jkun il-prezz. Madankollu, il-fedeltà tal-imħabba twassal għall-konverżjoni, dan jagħrfuh l-ewwel il-foqra, imma ftit ftit iħasseb u jiġbed anki lill-oħrajn. “Arawh, […] l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh, u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Ammen” (Apok 1:7).

 

Ninsabu hawn miġbura, għeżież, biex nagħmlu tagħna u ntennu din l-“Iva. Amen!”. Hija l-istqarrija ta’ fidi tal-poplu ta’ Alla: “Iva, hekk hi, sħiħa bħal blata!”. Passjoni, mewt u qawmien ta’ Ġesù, li qed noqorbu biex ngħixu mill-ġdid, huma l-art li żżomm qawwija u sħiħa lill-Knisja u, fiha, il-ministeru saċerdotali tagħna. U x’art hija din? F’liema humus aħna nistgħu mhux biss inżommu weqfin, imma nwarrdu? Biex nifhmuh dan hemm bżonn nerġgħu lura Nazaret, kif intuwixxa tant tajjeb San Charles de Foucauld.

 

“U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra” (Lq 4:16). Hawnhekk evokajna tal-inqas żewġ drawwiet: dik li jiffrekwentaw is-sinagoga u dik li jaqraw. Il-ħajja tagħna hi msaħħa minn drawwiet tajbin. Dawn jistgħu jnixxfuna, imma juru fejn hi l-qalb tagħna. Dik ta’ Ġesù hi qalb innamrata mal-Kelma ta’ Alla: ta’ tnax-il sena diġà kien jidher dan, u issa li kiber, l-Iskrittura hi d-dar tiegħu. Din hi l-art, l-humus vitali li nsibu meta nsiru dixxipli tiegħu. “Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub” (Lq 4:17). Ġesù jaf x’inhu jfittex. Ir-ritwal tas-sinagoga kien jippermetti dan: wara l-qari tat-Torah kull rabbi seta’ jsib paġni mill-profeti biex jattwalizza l-messaġġ tiegħu. Imma hawnhekk għandna iżjed minn hekk: għandna l-paġna tal-ħajja tiegħu. Luqa dan irid jgħid: fost ħafna profeziji, Ġesù jagħżel liema waħda jrid iwettaq.

 

Għeżież saċerdoti, kull wieħed minna għandu Kelma xi jwettaq. Kull wieħed minna għandu relazzjoni mal-Kelma ta’ Alla li ġejja mill-bogħod. Inkunu nwettquha għas-servizz ta’ kulħadd biss meta l-Bibbja tibqa’ l-ewwel dar tagħna. Fiha, kull wieħed u waħda minna għandu paġni l-aktar għeżież. Din hi ħaġa sabiħa u importanti! Ngħinu anki oħrajn biex isibu l-paġni tal-ħajja tagħhom: forsi l-għarajjes, meta jagħżlu l-qari għat-tieġ tagħhom; jew min jinsab f’luttu u qed ifittex siltiet biex jafda l-persuna li mietet lill-ħniena ta’ Alla u lit-talb tal-komunità. Ġeneralment hemm paġna tal-vokazzjoni fil-bidu tal-mixja ta’ kull wieħed u waħda minna. Permezz tagħha, Alla jsejħilna mill-ġdid, jekk inħarsuha, biex ma tibridx l-imħabba.

 

Madankollu, għal kull wieħed minna importanti wkoll, u b’mod speċjali, il-paġna magħżula minn Ġesù. Aħna nimxu warajh u għalhekk ukoll tolqotna u tinvolvina l-missjoni tiegħu. “Fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani.

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

irrodd il-ħelsien lill-maħqurin

u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej’.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda” (Lq 4:17-20).

 

L-għajnejn kollha tagħna issa huma msammra fuqu. Għadu kemm ħabbar ġublew. Dan ma għamlux bħal wieħed li qed jitkellem fuq oħrajn. Qal: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” bħal wieħed li jaf liema Spirtu qed jitkellem fuqu. U fil-fatt iżid: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. Din hi ħaġa divina: li l-Kelma ssir realtà. Il-fatti issa qed jitkellmu, il-kliem qed iseħħ. Din hi ħaġa ġdida, hi qawwija. “Ara, se nġedded kollox”. Ma hemmx grazzja, ma hemmx Messija, jekk il-wegħdiet jibqgħu wegħdiet, jekk hawn isfel ma jsirux realtà. Kollox jinbidel.

 

Dan huwa l-Ispirtu li qed insejħu fuq is-saċerdozju tagħna: aħna ġejna mlibbsa bih u proprju l-Ispirtu ta’ Ġesù jibqa’ protagonista sieket tas-servizz tagħna. Il-poplu jħoss in-nifs tiegħu meta fina l-kliem isir realtà. Il-foqra, qabel l-oħrajn, u t-tfal, l-adolexxenti, in-nisa u anki dawk li fir-relazzjoni tagħhom mal-Knisja ġew midruba, għandhom ix-“xamma” tal-Ispirtu s-Santu: jafu jagħżluh minn spirti mondani oħra, jagħrfuh meta fina t-tħabbira taqbel mal-ħajja. Aħna nistgħu nsiru profezija li sseħħ, u din hi ħaġa sabiħa! Il-Griżma mqaddsa, li llum qed nikkonsagraw, tissiġilla dan il-misteru trasformattiv fid-diversi tappi tal-ħajja Nisranija. U attenti: qatt la taqtgħu qalbkom, għax din hi opra ta’ Alla! Nemmnu, iva! Nemmnu li Alla qatt ma jfalli! Alla qatt ma jfalli. Niftakru dik il-kelma fl-Ordinazzjoni: “Alla li beda din l-opra tajba fik, iwassalha sat-tmiem”. U hekk jagħmel.

 

Hija l-opra ta’ Alla, mhux tagħna: li nwasslu lill-foqra bxara hienja, lill-ħabsin il-ħelsien, lill-għomja d-dawl, il-ħelsien lill-maħqurin. Jekk Ġesù fir-romblu li fetaħ sab din is-silta, illum hu jkompli jaqraha fil-bijografija ta’ kull wieħed minna. Qabelxejn għax, sal-aħħar jum, hu dejjem hu li jevanġelizzana, li jeħlisna mill-ħabsijiet, li jiftħilna għajnejna, li jerfa’ l-piżijiet li jtaqqlu lil spallejna. U mbagħad għaliex, meta jsejħilna għall-missjoni tiegħu u jdaħħalna sagramentalment fil-ħajja tiegħu, hu jeħles ukoll oħrajn permezz tagħna. Ġeneralment, mingħajr ma nintebħu. Is-saċerdozju tagħna jsir misteru ġubilari, bħal tiegħu, mingħajr daqq ta’ ebda qarn jew tromba: f’għotja li ma tgħajjatx, imma hi radikali u b’xejn. Hija s-Saltna ta’ Alla, dik li jirrakkontaw il-parabboli, effikaċi u diskreta bħall-ħmira, siekta bħaż-żerriegħa. Kemm drabi ċ-ċkejknin dan għarfuh fina? U kapaċi ngħidu grazzi?

 

Alla biss jaf kemm il-ħsad hu kotran. Aħna ħaddiema ngħixu t-taħbit u l-ferħ tal-ħsad. Qed ngħixu wara Kristu, fiż-żmien messjaniku. Inħallu warajna l-qtigħ ta’ qalb. Minflok, ħa jinfdew u jinħafru d-djun; qed jerġgħu jitqassmu kif imiss ir-responsabbiltajiet u r-riżorsi: il-poplu ta’ Alla dan qed jistenna. Irid jipparteċipa u, bil-qawwa tal-Magħmudija, huwa poplu kbir saċerdotali. Iż-żjut li f’din iċ-ċelebrazzjoni solenni qed nikkonsagraw huma għall-faraġ u l-ferħ messjaniku tiegħu.

 

L-għalqa hija d-dinja. Id-dar komuni tagħna, tant midruba, hija l-fraternità umana, hekk imċaħħda, imma li ma tistax titħassar, qed isejħulna għal għażliet tal-għalqa. Il-ħsad ta’ Alla hu għal kulħadd: għalqa ħajja, fejn jikber mitt darba iżjed minn kemm jinżera’. Janimana, fil-missjoni, il-ferħ tas-Saltna, li jpatti għal kull taħbit. Kull bidwi, fil-fatt, jaf staġuni li fihom ma jara jikber xejn. Dawn ma jonqsux lanqas f’ħajjitna. Huwa Alla li jkabbar u li jidlek il-qaddejja tiegħu b’żejt il-hena.

 

Għeżież ħuti, poplu tat-tama, itolbu llum għall-ferħ tas-saċerdoti. Ħa jasal lilkom il-ħelsien imwiegħed mill-Iskrittura u msaħħaħ mis-Sagramenti. Hemm fina ħafna biżgħat u madwarna inġustizzji tremendi, imma diġà qed tidher dinja ġdida. Alla tant ħabb lid-dinja li tana lil Ibnu, Ġesù. Hu jidlek il-ġrieħi tagħna u jixxotta d-dmugħ tagħna. “Arawh, ġej fis-sħab” (Apok 1:7). Tiegħu huma s-Saltna u l-glorja għal dejjem. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard