VELJA FIL-LEJL QADDIS TAL-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Sibt il-Għid, 16 ta’ April 2022

 

Ħafna kittieba evokaw il-ġmiel tal-iljieli mdawla mill-kwiekeb. Imma l-iljieli ta’ gwerra huma mmarkati minn dwal tal-mewt. F’dan il-lejl, ħuti, ejjew inħallu lin-nisa tal-Vanġelu jaqbdulna jdejna, biex magħhom niskopru s-sebħ tad-dawl ta’ Alla li jilma fid-dlamijiet tad-dinja. Dawk in-nisa, waqt li l-lejl kien qed imut u bdew ifiġġu ħiemda l-ewwel raġġi taż-żerniq, marru ħdejn il-qabar biex jidilku l-ġisem ta’ Ġesù. U hemmhekk iġarrbu esperjenza li tifxilhom: l-ewwel jiskopru li l-qabar hu vojt; imbagħad jaraw żewġ figuri bi lbies jiddi, li jgħidulhom li Ġesù qam; u minnufih imorru jiġru biex jagħtu l-aħbar lid-dixxipli l-oħra (ara Lq 24:1-10). Jaraw, jisimgħu, iħabbru: b’dawn it-tliet azzjonijiet ejjew nidħlu aħna wkoll fl-Għid tal-Mulej.

 

In-nisa jaraw. L-ewwel tħabbira tal-Qawmien mhijiex fdata lil xi formula li jeħtieġ nifhmu, imma lil sinjal li rridu nikkontemplaw. F’ċimiterju, ħdejn qabar, fejn kollox suppost huwa fl-ordni u trankwill, in-nisa “sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm” (vv. 2-3). Għalhekk l-Għid jibda jaqleb ta’ taħt fuq l-iskemi tagħna. Jaslilna d-don ta’ tama tal-għaġeb. Imma mhuwiex faċli nilqgħuha. Xi drabi – irridu nammettu – fil-qalb tagħna din it-tama ma ssibx wisa’. Bħan-nisa tal-Vanġelu, anki fina hemm mistoqsijiet u dubji, u l-ewwel reazzjoni quddiem is-sinjal mhux mistenni hija l-biża’, “għajnejna baxxuti lejn l-art” (ara vv. 4-5).

 

Wisq drabi nħarsu lejn il-ħajja u r-realtà b’għajnejna baxxuti lejn l-art; niffissaw ħarsitna biss fuq il-ġurnata tal-lum li tgħaddi, inħossuna qalbna maqtugħa mill-futur, ningħalqu fil-ħtiġijiet tagħna, inħossuna komdi fil-ħabs tal-apatija, waqt li nibqgħu ngergru u naħsbu li l-ħwejjeġ qatt mhuma ħa jinbidlu. U hekk nibqgħu ma niċċaqilqux quddiem il-qabar tar-rassenjazzjoni u tal-fataliżmu, u nidfnu l-ferħ tal-ħajja. Imma l-Mulej, f’dan il-lejl, irid jagħtina għajnejn differenti, mixgħula mit-tama li l-biża’, it-tbatija u l-mewt mhux sa jkollhom l-aħħar kelma fuqna. Grazzi għall-Għid ta’ Ġesù nistgħu nagħmlu l-qabża mix-xejn għall-ħajja, “u l-mewt issa ma tistax tisirqilna iżjed il-ħajja tagħna” (K. Rahner, Xi jfisser l-Għid, Brescia 2021, 28): hija ġiet imħaddna kollha u għal dejjem mill-imħabba bla qies ta’ Alla. Huwa minnu, tista’ tbeżżagħna u tipparalizzana. Imma l-Mulej qam! Ejjew ngħollu ħarsitna, inneħħu l-velu tal-imrar u tad-diqa minn għajnejna, niftħu qalbna għat-tama ta’ Alla!

 

It-tieni nett, in-nisa jisimgħu. Wara li raw il-qabar vojt, żewġt irġiel bi lbies jiddi qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam” (vv. 5-6). Nagħmlu sew nisimgħu u ntennu dawn il-kelmiet: mhuwiex hawn! Kull darba li nippretendu li fhimna kollox dwar Alla, li nistgħu naqfluh fl-iskemi tagħna, ħa ntennu lilna nfusna: mhuwiex hawn! Kull darba li nfittxuh biss fl-emozzjoni, li tant drabi tgħaddi malajr, jew fil-ħin tal-ħtieġa, biex imbagħad inwarrbuh u ninsewh fis-sitwazzjonijiet u fl-għażliet konkreti ta’ kuljum, ejjew intennu: mhuwiex hawn! U meta naħsbu li nistgħu nżommuh magħluq fil-kliem tagħna, fil-formuli tagħna, fid-drawwiet tagħna, imma ninsew infittxuh fl-irkejjen l-iżjed mudlama tal-ħajja, fejn hemm min qed jibki, jitqbad, ibati u jittama, ejjew intennu: mhuwiex hawn!

 

Ejjew nisimgħu aħna wkoll il-mistoqsija li saret lin-nisa: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?”. Ma nistgħux ngħixu l-Għid jekk ħa nibqgħu fil-mewt; jekk ħa nibqgħu lsiera tal-imgħoddi; jekk fil-ħajja ma għandniex il-kuraġġ li nħallu lil Alla jaħfrilna, li jaħfer kollox, il-kuraġġ li ninbidlu, li nqaċċtu l-għemejjel tal-ħażen, li niddeċiedu favur Ġesù u mħabbtu; jekk ħa nibqgħu nirriduċu l-fidi għal amulet, u nagħmlu minn Alla tifkira ħelwa taż-żminijiet passati, flok ma niltaqgħu miegħu llum bħala Alla ħaj li jrid jibdel lilna u lid-dinja. Kristjaneżmu li jfittex lill-Mulej fost it-tifrik tal-passat u jagħlqu fil-qabar tad-drawwiet huwa Kristjaneżmu mingħajr Għid. Imma l-Mulej qam! Ejjew ma noqogħdux nitlajjaw mal-oqbra, imma mmorru niskopru mill-ġdid lilu, il-Ħaj! U ma nibżgħux infittxuh ukoll fil-wiċċ ta’ ħutna, fl-istorja ta’ min jittama u min joħlom, fl-uġigħ ta’ min jibki u jbati: Alla jinsab hemm!

 

Fl-aħħar nett, in-nisa jħabbru. Xi jħabbru? Il-ferħ tal-Qawmien. L-Għid ma jseħħx biex ifarraġ intimament lil min qed jibki l-mewt ta’ Ġesù, imma biex jiftaħ beraħ il-qlub għall-aħbar tal-għaġeb tar-rebħa ta’ Alla fuq il-ħażen u fuq il-mewt. Allura d-dawl tal-Qawmien ma jridx iżomm lin-nisa fl-estasi ta’ tgawdija personali, ma jittollerax atteġġjamenti ta’ telqa, imma jnissel dixxipli missjunarji li “jerġgħu lura mill-qabar” (ara v. 9) u jwasslu lil kulħadd il-Vanġelu tal-Irxoxt. Dan hu għaliex, wara li raw u semgħu, in-nisa ġrew biex iħabbru l-ferħ tal-Qawmien lid-dixxipli. Kienu jafu li setgħu jgħadduhom bi mġienen, tant li l-Vanġelu jgħid li l-kliem tagħhom stħajluh “thewdin” (v. 11), imma ma tawx kas tar-reputazzjoni tagħhom, kif sa jiddefendu l-immaġni tagħhom; ma qagħdux ikejlu s-sentimenti jew iqisu l-kliem. Kellhom biss nar imkebbes f’qalbhom biex iwasslu l-bxara, it-tħabbira: “Il-Mulej qam!”.

 

U kemm hi sabiħa Knisja li tiġri b’dan il-mod mat-toroq tad-dinja! Bla biża’, bla ħafna manuvri u opportuniżmi; bix-xewqa biss li twassal lil kulħadd il-ferħ tal-Vanġelu. Għal dan aħna msejħin: biex nagħmlu esperjenza tal-Irxoxt u naqsmuha mal-oħrajn; biex ingerbu dik il-blata tal-qabar, li fih spiss qfilna lill-Mulej, biex inxerrdu l-ferħ tiegħu fid-dinja. Ejjew inqajmu lil Ġesù, il-Ħaj, mill-oqbra li fihom għalaqnieh; neħilsuh mill-formalitajiet li fihom spiss qfilnieh; nistenbħu mir-raqda tal-ħajja kwieta li fiha xi kultant poġġejnieh, biex ma jdejjaqniex u ma jiskomodaniex iżjed. Ejjew inġorruh fil-ħajja ta’ kuljum: b’ġesti ta’ paċi f’dan iż-żmien immarkat mill-orruri tal-gwerra; b’opri ta’ rikonċiljazzjoni fir-relazzjonijiet imċarrta u ta’ ħniena lejn min hu fil-bżonn; b’għemejjel ta’ ġustizzja qalb id-diżugwaljanzi u ta’ verità qalb il-gideb. U, fuq kollox, b’opri ta’ mħabba u ta’ fraternità.

 

Ħuti, it-tama tagħna jisimha Ġesù. Hu daħal fil-qabar tad-dnub tagħna, wasal sal-punt l-aktar imbiegħed li fih konna ntlifna, mexa qalb it-taħbil tal-biżgħat tagħna, ġarr it-toqol tal-oppressjonijiet tagħna u, mill-aktar abbissi mudlama tal-mewt tagħna, qajjimna għall-ħajja u bidel fi żfin l-għali tagħna. Ejjew niċċelebraw l-Għid ma’ Kristu! Hu ħaj u llum ukoll jerġa’ jgħaddi, jibdel, jeħles. Miegħu l-ħażen ma għandux iżjed setgħa, il-falliment ma jistax iżommna milli nerġgħu nibdew, il-mewt issir passaġġ għall-bidu ta’ ħajja ġdida. Għax ma’ Ġesù, l-Irxoxt, ebda lejl ma hu għal dejjem; u mqar fl-eħxen dalma, f’dik id-dalma tilma l-kewkba ta’ filgħodu.

 

F’din id-dalma li qed tgħixu, Sur Sindku, Sinjuri Parlamentari, id-dalma mudlama tal-gwerra, tal-kefrija, ilkoll kemm aħna nitolbu, nitolbu magħkom u għalikom, illejla. Nitolbu għal tant tbatijiet. Aħna nistgħu nagħtukom biss il-kumpanija tagħna, it-talb tagħna u ngħidulkom: “Kuraġġ! Aħna magħkom!”. U llissnulkom ukoll l-aqwa ħaġa li llum qed niċċelebraw: Christòs voskrés! [Kristu qam mill-mewt!]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard