VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BUDAPEST,

FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TAL-GĦELUQ

TAT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA

(12-15 TA’ SETTEMBRU 2021)

 

LITURĠIJA DIVINA BIŻANTINA TA’ SAN ĠWANN KRIŻOSTMU

IPPRESEDUTA MILL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Pjazza tal-Mestská športová hala (Prešov)

It-Tlieta 14 ta’ Settembru 2021

 

“Aħna”, jistqarr San Pawl, “inxandru ’l Kristu msallab, […] il-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla”. Min-naħa l-oħra, l-Appostlu ma jaħbix il-fatt li s-salib, f’għajnejn l-għorrief tad-dinja, jirrappreżenta ħaġa oħra: hu “skandlu”, “bluha” (1 Kor 1:23-24). Is-salib kien strument ta’ mewt, imma minn hemm ħarġet il-ħajja. Ħadd ma ried iħares lejh, imma wriena l-ġmiel tal-imħabba ta’ Alla. Għalhekk il-Poplu qaddis ta’ Alla jqimu u l-Liturġija tiċċelebrah fil-festa tal-lum. Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jaqbdilna jdejna u jgħinna nidħlu f’dan il-misteru. Fil-fatt, l-evanġelista kien jinsab proprju hemm, taħt is-salib. Jikkontempla lil Ġesù, diġà mejjet, imdendel mal-għuda, u jikteb: “Dan qed jagħti xhieda tiegħu min ra b’għajnejh” (Ġw 19:35). San Ġwann jara u jixhed.

 

Qabelxejn wieħed jara. Imma x’ra Ġwanni minn taħt is-salib? Ċertament dak li raw l-oħrajn: lil Ġesù, innoċenti u twajjeb, imut brutalment bejn żewġ ħallelin. Waħda mill-ħafna inġustizzji, wieħed mill-ħafna sagrifiċċji tat-tixrid tad-demm li ma jibdlux l-istorja, l-elf dimostrazzjoni li l-affarijiet tad-dinja ma jinbidlux: it-tajbin jitneħħew min-nofs u l-ħżiena jirbħu u jkomplu jgawdu. F’għajnejn id-dinja s-salib huwa falliment. U anki aħna nirriskjaw li nieqfu ma’ din l-ewwel ħarsa, superfiċjali, li ma naċċettawx il-loġika tas-salib; ma naċċettawx li Alla jsalvana billi jerfa’ fuqu l-ħażen tad-dinja kollha. Ma naċċettawx, ħlief bil-kliem, Alla dgħajjef u msallab, u noħolmu alla b’saħħtu u trijonfanti. Hija waħda mit-tentazzjonijiet il-kbar. Kemm drabi naspiraw għal Kristjaneżmu ta’ rebbieħa, Kristjaneżmu trijonfalistiku, li jkollu rilevanza u importanza, li jirċievi glorja u ġieħ. Imma Kristjaneżmu bla salib huwa mondan u jsir sterili.

 

Min-naħa l-oħra San Ġwann fis-salib lemaħ l-opra ta’ Alla. Fi Kristu msallab għaraf il-glorja ta’ Alla. Ra li hu, minkejja d-dehra ta’ barra, ma huwiex tellief, imma hu Alla li minn jeddu jingħata għal kull bniedem. Għaliex għamel dan? Seta’ jsalva ħajtu, seta’ jżomm bogħod mill-istorja tagħna l-aktar imsejkna u kiefra. Imma ried jidħol fiha, jitħallat magħha. Għalhekk għażel l-iktar triq iebsa: is-salib. Għax fid-dinja m’għandu jkun hemm ebda persuna tant qalbha maqtugħa li ma tistax tiltaqa’ miegħu, saħansitra hemm, fit-tbatija, fid-dlam, fl-abbandun, fl-iskandlu tal-miżerja tagħha u tal-iżbalji tagħha. Proprju hemm, fejn naħsbu li Alla ma jistax ikun, Alla wasal. Biex isalva lil kull min hu qalbu maqtugħa ried imiss id-disperazzjoni, biex jagħmel tiegħu l-eqqel tbatija tagħna karab minn fuq is-salib: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46; Salm 22:1). Karba li ssalva. Issalva għax Alla għamel tiegħu saħansitra l-abbandun tagħna. U aħna, issa, miegħu, m’għadniex iżjed waħidna, qatt.

 

Kif nistgħu nitgħallmu naraw il-glorja tas-salib? Xi qaddisin għallmuna li s-salib hu bħal ktieb li, biex insiru nafuh, hemm bżonn niftħuh u naqrawh. Mhux biżżejjed nakkwistaw ktieb, nagħtuh daqqa t’għajn u nixħtuh xi mkien għad-dehra fid-dar. L-istess jgħodd għas-salib: insibuh impitter jew minqux f’kull rokna tal-knejjes tagħna. Ma tgħoddhomx il-kurċifissi: imdendlin mal-għenuq, fid-dar, fil-karozza, fil-but. Imma dan xejn ma jiswa jekk ma niqfux inħarsu lejn il-Kurċifiss u ma niftħulux qalbna, jekk ma nħallux jgħaġġbuna l-pjagi tiegħu miftuħa għalina, jekk il-qalb ma titwessax kollha mqanqla u ma nibkux quddiem Alla miġruħ bl-imħabba għalina. Jekk ma nagħmlux dan, is-salib jibqa’ ktieb mhux moqri, li nafu sew it-titlu u l-awtur tiegħu, imma ma jmissilniex ħajjitna. Ejjew ma nirriduċux is-salib għal oġġett ta’ devozzjoni, wisq inqas għal simbolu politiku, għal sinjal ta’ rilevanza reliġjuża u soċjali.

 

Mill-kontemplazzjoni tal-Kurċifiss joħroġ it-tieni pass: ix-xhieda. Jekk ħarsitna nsammruha fuq Ġesù, il-wiċċ tiegħu jibda jirrifletti fuq tagħna: il-karatteristiċi tiegħu jsiru tagħna, l-imħabba ta’ Kristu tirbaħna u tibdilna. Jiġuni f’moħħi l-martri, li f’dan il-pajjiż taw xhieda tal-imħabba ta’ Kristu fi żminijiet diffiċli ħafna, meta kollox kien jgħidlek: iskot, fittex kenn xi mkien, tistqarrx il-fidi tiegħek. Imma huma ma setgħux, ma setgħux ma jagħtux xhieda. Kemm persuni ġenerużi batew u mietu hawn fis-Slovakkja minħabba l-isem ta’ Ġesù! Xhieda mogħtija għall-imħabba ta’ Dak li kienu kkontemplaw fit-tul. Tant li saru jixbhuh, anki fil-mewt.

 

Imma naħseb ukoll fi żminijietna, fejn ma jonqsux okkażjonijiet biex nagħtu xhieda. Hawn, għall-grazzja ta’ Alla, m’hawnx min jippersegwita l-Insara bħal f’wisq partijiet oħra tad-dinja. Imma x-xhieda tista’ tiġi fix-xejn minħabba l-mondanità u l-medjokrità. Is-salib min-naħa l-oħra jesiġi xhieda ċara. Għax is-salib ma jridx ikun bandiera li ngħollu ’l fuq, imma l-għajn safja ta’ mod ġdid kif ngħixu. Liema? Dak tal-Vanġelu, dak tal-Beatitudnijiet. Ix-xhud li għandu s-salib f’qalbu u mhux biss ma’ għonqu ma jara lil ħadd bħala għadu, imma f’kulħadd jara ħuh u oħtu li għalihom Ġesù ta ħajtu. Ix-xhud tas-salib ma joqgħodx ifakkar fil-ħtijiet tal-passat u lanqas igerger fuq il-preżent. Ix-xhud tas-salib ma jinqediex bit-toroq tal-qerq u tas-setgħa ta’ din id-dinja: ma jridx jimponi lilu nnifsu u dawk li huma tiegħu, imma hu jagħti ħajtu għall-oħrajn. Ma jfittixx x’jaqbillu biex imbagħad jidher devot: din tkun reliġjon ta’ wiċċ b’ieħor, mhux ix-xhieda ta’ Alla mislub. Ix-xhud tas-salib ifittex biss strateġija waħda, dik tal-Imgħallem: l-imħabba umli. Ma jistenniex trijonfi hawn isfel, għax jaf li l-imħabba ta’ Kristu hi għammiela fil-ħajja ta’ kuljum u ġġedded kollox minn ġewwa, bħal żerriegħa li taqa’ fuq l-art, li tmut u tagħmel il-frott.

 

Għeżież ħuti, intom rajtu minn dawn ix-xhieda. Għożżu t-tifkira sabiħa ta’ persuni li reddgħukom u kabbrukom fil-fidi. Persuni umli u sempliċi, li taw ħajjithom billi ħabbew sal-aħħar. Dawn huma l-eroj tagħna, l-eroj tal-ħajja ta’ kuljum, u huma l-ħajjiet tagħhom li jibdlu l-istorja. Ix-xhieda jnisslu xhieda oħra, għax huma dawk li jagħtu l-ħajja. Huwa b’dan il-mod li tixtered il-fidi: mhux bis-setgħa tad-dinja, imma bl-għerf tas-salib; mhux bl-istrutturi, imma bix-xhieda. U llum il-Mulej, mill-ħemda tas-salib tbaqbaq bil-ħajja, qed jistaqsi lilna lkoll, qed jistaqsi lilek ukoll, lilek, lilek, lili: “Trid tkun xhud tiegħi?”.

 

Ma’ Ġwanni, fuq il-Kalvarju, kien hemm l-Omm Qaddisa ta’ Alla. Ħadd daqsha ma ra miftuħ il-ktieb tas-salib u ta xhieda tiegħu bi mħabba umli. Għall-interċessjoni tagħha, nitolbu l-grazzja li ndawru l-ħarsa ta’ qalbna lejn il-Kurċifiss. Hekk il-fidi tagħna tista’ twarrad fil-milja tagħha, hekk jikber il-frott tax-xhieda tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard