QUDDIESA MAL-KARDINALI ĠODDA U L-KULLEĠĠ KARDINALIZJU

FTUĦ TAL-ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

San Franġisk ta’ Assisi – L-Erbgħa 4 ta’ Ottubru 2023

 

Qabel il-Vanġelu li smajna hemm ir-rakkont ta’ mument iebes fil-missjoni ta’ Ġesù, li nistgħu nsejħulu ta’ “deżolazzjoni pastorali”: Ġwanni l-Battista jiddubita minnu li hu tassew il-Messija; tant bliet li daħal fihom, minkejja l-għeġubijiet li wettaq, ma nidmux; in-nies akkużatu li hu wikkiel u sakranazz, waqt li ftit qabel kienu għadhom kemm ilmentaw mill-Battista għax kien wisq awster (ara Mt 11:2-24). Madankollu, naraw li Ġesù ma jħallix in-niket jibilgħu, imma jerfa’ għajnejh lejn is-sema u jbierek lill-Missier għax wera lill-fqajrin il-misteri tas-Saltna ta’ Alla: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11:25). Għalhekk, fil-mument tad-deżolazzjoni, Ġesù għandu ħarsa li kapaċi tmur lil hemm: ifaħħar l-għerf tal-Missier u jirnexxilu jilmaħ it-tajjeb moħbi li qed jikber, iż-żerriegħa tal-Kelma milqugħa min-nies sempliċi, id-dawl tas-Saltna ta’ Alla li jilma anki billejl.

 

Għeżież ħuti Kardinali, ħuti Isqfijiet, ħuti, ninsabu fil-ftuħ tal-Assemblea Sinodali. U ma għandniex bżonn ta’ ħarsa purament naturali, magħmula minn strateġiji umani, kalkoli politiċi jew battalji ideoloġiċi – jekk is-Sinodu qiegħed hemm biex jagħti dan il-permess, jew l-ieħor, jiftaħ dan il-bieb, ibexxaq dik it-tieqa – ma jiswa xejn. M’aħniex hawn biex nagħmlu xi laqgħa parlamentari jew pjan ta’ riformi. Is-Sinodu, għeżież ħuti, mhuwiex parlament. Il-protagonista huwa l-Ispirtu s-Santu. Le. M’aħniex hawn biex nagħmlu parlament, imma biex nimxu flimkien bil-ħarsa ta’ Ġesù, li jbierek lill-Missier u jilqa’ lil dawk li huma mħabbtin u mtaqqlin. Ejjew naraw mela li jkollna l-ħarsa ta’ Ġesù, li hija ħarsa li tbierek u tilqa’.

 

1. Naraw l-ewwel aspett: ħarsa li tbierek. Imqar jekk iġarrab ir-rifjut u jara madwaru tant ebusija tal-qalb, Kristu ma jħallix id-delużjoni tjassru, ma jrabbix imrar f’qalbu, ma jiqafx ifaħħar; qalbu, mibnija fuq il-primat tal-Missier, tibqa’ serena mqar fit-tempesta.

 

Din il-ħarsa tal-Mulej li tbierek tistieden lilna wkoll biex inkunu Knisja li, b’qalb hienja, tikkontempla l-azzjoni ta’ Alla u tgħarbel il-preżent. U li, qalb l-imwieġ xi kultant imqallba ta’ żmienna, ma taqtax qalbha, ma tfittixx ħarbiet ideoloġiċi, ma tingħalaqx wara ħitan tal-konvinzjonijiet li għandha, ma ċċedix għal soluzzjonijiet komdi, ma tħallix lid-dinja tagħmlilha hi l-aġenda tagħha. Dan hu l-għerf spiritwali tal-Knisja, miġbur fil-qosor b’serenità minn San Ġwanni XXIII: “Qabelxejn hu meħtieġ li l-Knisja ma twarrab qatt ħarsitha minn fuq il-wirt qaddis tal-verità li hi rċiviet minn dawk ta’ qabilha; u fl-istess ħin hemm bżonn li tħares ukoll lejn il-preżent, li jġib miegħu sitwazzjonijiet u modi ġodda ta’ ħajja, u fetaħ toroq ġodda għall-appostolat” (Diskors fil-ftuħ solenni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, 11 ta’ Ottubru 1962).

 

Il-ħarsa ta’ Ġesù li jbierek tistedinna nkunu Knisja li ma taffrontax l-isfidi u l-problemi tal-lum bi spirtu diviżiv u kontroversjali, imma li, bil-maqlub, tħares lejn Alla li hu komunjoni u, bi stagħġib u umiltà, tbierku u tadurah, għax tagħraf fih il-Mulej waħdieni tagħha. Aħna tiegħu – niftakruh dan – u ngħixu biss biex inwassluh lid-dinja. Kif qalilna l-Appostlu Pawlu, “ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Gal 6:14). Dan hu biżżejjed, Hu biżżejjed għalina. Ma rridux glorja ta’ din id-dinja, ma rridux li nidhru sbieħ fl-għajnejn tad-dinja, imma li mmorru għandha bil-faraġ tal-Vanġelu, biex nagħtu xhieda aħjar, u lil kulħadd, tal-imħabba bla qies ta’ Alla. Fil-fatt, kif stqarr Benedittu XVI proprju huwa u jindirizza Assemblea Sinodali, “il-mistoqsija li għandna quddiemna hi: Alla tkellem, tassew kiser is-skiet il-kbir, wera ruħu, imma kif nistgħu din ir-realtà nwassluha lill-bniedem tal-lum, biex issir salvazzjoni?” (Meditazzjoni fl-I Kongregazzjoni ġenerali tat-XIII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 8 ta’ Ottubru 2012). Din hi l-mistoqsija fundamentali. U din hi l-ħidma ewlenija tas-Sinodu: li nerġgħu npoġġu ħarsitna fuq Alla, biex inkunu Knisja li tħares bi ħniena lejn l-umanità. Knisja magħquda u fraterna – jew tal-inqas li tfittex li tkun magħquda u fraterna –, li tisma’ u tiddjaloga; Knisja li tbierek u tagħmel il-qalb, li tgħin lil min qed ifittex lill-Mulej, li lill-bierda theżżiżhom għall-ġid tagħhom, li tiftaħ toroq biex iddaħħal lill-persuni fil-ġmiel tal-fidi. Knisja li għandha lil Alla fil-qalba tagħha u li, għalhekk, ma tinqasamx fiha nfisha u qatt ma hi mqita ma’ ta’ barra. Knisja li tirriskja id f’id ma’ Ġesù. Hekk iridha Ġesù lill-Knisja, hekk iridha lill-Għarusa tiegħu.

 

2. Wara din il-ħarsa ta’ barka, nikkontemplaw il-ħarsa li tilqa’ ta’ Kristu. Waqt li dawk li jaħsbu li huma għorrief ma jirnexxilhom jagħrfu l-opra ta’ Alla, hu jfaħħar lill-Missier li juri ruħu liċ-ċkejknin, lis-sempliċi, lill-foqra fl-ispirtu. Darba nqalgħet diffikultà f’parroċċa u n-nies bdiet titkellem fuq dik id-diffikultà, bdew jiġu jgħiduli l-affarijiet. U waħda anzjana, anzjana ħafna, mara minn qalb il-poplu, kważi mank taf taqra u tikteb, għamlet intervent proprju ta’ teologu, u b’tant ħlewwa u għerf spiritwali tat il-kontribut tagħha. Niftakar f’dak il-mument bħal f’rivelazzjoni tal-Mulej, anki b’ferħ; u ħabat ma’ moħħi li nistaqsiha: “Imma għidli ftit, Sinjura, int fejn studjajt, ma’ Royo Marín, din it-teoloġija hekk tajba?”. Il-persuni għorrief tal-poplu għandhom din il-fidi. U għalhekk, tul ħajtu kollha, Hu juża din il-ħarsa li tilqa’ lil dawk l-aktar dgħajfa, dawk li qed ibatu, dawk li huma mwarrba. Fuqhom, b’mod partikulari, huwa jdur u jgħidilhom dak li għadna kemm smajna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28).

 

Din il-ħarsa akkoljenti ta’ Ġesù tistieden lilna wkoll biex inkunu Knisja li tilqa’, mhux bil-bibien tagħha magħluqa. Fi żmien kumpless bħal dan tagħna, joħorġu sfidi kulturali u pastorali ġodda, li jitolbu atteġġjament interjuri kordjali u ġentili, biex nistgħu nikkonfrontaw lil xulxin bla biża’. Fid-djalogu sinodali, f’din il-“mixja fl-Ispirtu s-Santu” hekk sabiħa li qed nagħmlu flimkien bħala Poplu ta’ Alla, nistgħu nikbru fl-għaqda u fil-ħbiberija mal-Mulej biex inħarsu lejn l-isfidi tal-lum bil-ħarsa tiegħu; biex insiru, ħa ninqeda b’espressjoni sabiħa ta’ San Pawlu VI, Knisja li “ssir djalogu” (Ittra enċiklika Ecclesiam suam, n. 67). Knisja tal-“madmad ħelu” (ara Mt 11:30), li ma timponix piżijiet u li ttenni lil kulħadd: “Ejjew, intom li intom imħabbtin u mtaqqlin, ejjew, intom li tliftu t-triq jew tħossukom imbiegħda, ejjew, intom li għalaqtu l-bibien tagħkom għat-tama: il-Knisja tinsab hawn għalikom!”. Il-Knisja tal-bibien miftuħa għal kulħadd, kulħadd, kulħadd!

 

3. Ħuti, Poplu qaddis ta’ Alla, quddiem id-diffikultajiet u l-isfidi li hemm jistennewna, il-ħarsa ta’ Ġesù li jbierek u jilqa’ ma tħalliniex naqgħu f’xi tentazzjonijiet perikulużi: li nkunu Knisja riġida – dwana –, li tarma ruħha kontra d-dinja u tħares lura; li nkunu Knisja bierda, li ċċedi quddiem il-moda tad-dinja; li nkunu Knisja għajjiena, magħluqa fiha nfisha. Fil-ktieb tal-Apokalissi, il-Mulej jgħid: “Jiena ninsab fil-bieb u qed inħabbat biex tiftħuli”; imma ħafna drabi, ħuti, veru li hu qed iħabbat il-bieb, imma minn ġewwa tal-Knisja, biex inħallu lill-Mulej joħroġ mal-Knisja biex iħabbar il-Vanġelu tiegħu.

 

Ejjew nimxu flimkien: umli, imħeġġa u hienja. Nimxu fuq il-passi ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-Qaddis tal-faqar u tal-paċi, l-“iblah ta’ Alla” li ġarr f’ġismu l-pjagi ta’ Ġesù u, biex jilbes lilu, tneżża’ minn kollox. Kemm hu diffiċli dan it-tneżżigħ minn ġewwa u anki minn barra tagħna lkoll u anki tal-istituzzjonijiet! San Bonaventura jirrakkonta li, huwa u jitlob, il-Kurċifiss qallu: “Mur u sewwi l-Knisja tiegħi” (Legenda maior, II, 1). Is-Sinodu jservi biex ifakkarna f’dan: l-Omm tagħna l-Knisja dejjem għandha bżonn tal-purifikazzjoni, tat-“tiswija”, għax aħna lkoll aħna Poplu ta’ midinbin maħfura – iż-żewġ affarijiet: midinbin maħfura –, dejjem fil-bżonn li nerġgħu lura għall-għajn li hu Ġesù u li nerġgħu naqbdu t-toroq tal-Ispirtu biex nilħqu lil kulħadd bil-Vanġelu tiegħu. Franġisku ta’ Assisi, fi żmien ta’ ġlidiet u firdiet kbar, bejn il-poter temporali u dak reliġjuż, bejn il-Knisja istituzzjonali u l-kurrenti eretiċi, bejn l-Insara u nies ta’ twemmin ieħor, ma kkritikax u ma ħadha kontra ħadd, u f’idejh qabad biss l-armi tal-Vanġelu, jiġifieri l-umiltà u l-għaqda, it-talb u l-karità. Ejjew nagħmlu hekk aħna wkoll! Umiltà u għaqda, talb u karità.

 

U jekk il-Poplu qaddis ta’ Alla bir-ragħajja tiegħu, minn kull rokna tad-dinja, għandu xewqat, tamiet u anki xi biża’ dwar is-Sinodu li qed nibdew, nerġgħu niftakru li din mhijiex laqgħa politika, imma ġemgħa fl-Ispirtu; mhux parlament polarizzat, imma post ta’ grazzja u ta’ komunjoni. Imbagħad l-Ispirtu s-Santu spiss ifarrak l-aspettattivi tagħna biex joħloq xi ħaġa ġdida, li tissupera t-tbassir u n-negattività tagħna. Forsi nista’ ngħid li l-mumenti li jħallu l-iżjed frott fis-Sinodu huma dawk tat-talb, anki l-ambjent ta’ talb, li bih il-Mulej jaħdem fina. Ejjew ninfetħu għalih u nitolbuh: huwa l-protagonista, l-Ispirtu s-Santu. Inħalluh ikun il-protagonista tas-Sinodu! U miegħu nimxu, fil-fiduċja u bil-ferħ.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard