VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’ĊIPRU U FIL-GREĊJA

(2-6 TA’ DIĊEMBRU 2021)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

“GSP Stadium” f’Nicosia

L-Erbgħa 3 ta’ Diċembru 2021

 

Żewġ għomja, huwa u għaddej Ġesù, għajtulu jikorbu l-miżerja u t-tama tagħhom: “Bin David, ħenn għalina!” (Mt 9:27). “Bin David” kien titlu attribwit lill-Messija, li l-profeziji ħabbru li kellu joħroġ mir-razza ta’ David. Iż-żewġ protagonisti tal-Vanġelu tal-lum, allura, huma għomja, imma jaraw dak li jiswa l-iżjed: jagħrfu lil Ġesù bħala l-Messija li ġie fid-dinja. Ejjew nieqfu fuq tliet passaġġi ta’ din il-laqgħa. Jistgħu jgħinuna, f’din il-mixja tal-Avvent, biex nilqgħu aħna wkoll lill-Mulej li ġej, il-Mulej li għaddej.

 

L-ewwel passaġġ: immorru għand Ġesù biex infiqu. It-test jgħid li ż-żewġ għomja bdew jgħajtu lill-Mulej huma u mexjin warajh (ara v. 27). Ma jarawhx imma jisimgħu l-leħen tiegħu u jimxu wara l-passi tiegħu. Ifittxu fi Kristu dak li kienu ħabbru minn qabel il-profeti, jiġifieri s-sinjali ta’ fejqan u ta’ ħniena ta’ Alla qalb il-poplu tiegħu. Dwar din kien kiteb Iżaija: “Jinfetħu għajnejn l-għomja” (35:5). U profezija oħra, li nsibuha fl-Ewwel Qari tal-lum: “Meħlusin mis-swied u d-dlam, għajnejn l-għomja jaraw” (29:18). It-tnejn tal-Vanġelu jafdaw f’Ġesù u jimxu warajh ifittxu d-dawl għal għajnejhom.

 

U għaliex, għeżież ħuti, dawn iż-żewġ persuni jafdaw f’Ġesù? Għax iħossu li, fid-dalma tal-istorja, huwa d-dawl li jdawwal l-iljieli tal-qalb u tad-dinja, li jegħleb id-dlamijiet u jirbaħ kull għama. Aħna wkoll, dan nafuh, inġorru f’qalbna kemm-il għama. Aħna wkoll, bħal dawk iż-żewġ għomja, niġġerrew ’l hawn u ’l hemm spiss mgħaddsa fid-dlamijiet tal-ħajja. L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hu li mmorru għand Ġesù, kif hu stess jitlobna: “Ejjew għandi intom ilkoll, li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Min minna mhux b’xi mod jew ieħor imħabbat u mtaqqal? Ilkoll. Imma nibqgħu nagħmlu reżistenza li nimxu lejn Ġesù; ħafna drabi nippreferu nibqgħu magħluqin fina nfusna, nibqgħu waħidna mad-dlamijiet tagħna, nibku lilna nfusna, u naċċettaw il-kumpanija ħażina tad-diqa. Ġesù huwa t-tabib: hu biss, id-dawl veru li jdawwal lil kull bniedem (ara Ġw 1:9). Hu jagħtina l-abbundanza tad-dawl, tas-sħana, tal-imħabba. Hu biss jeħles il-qalb mill-ħażen. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: jien qed ningħalaq fid-dalma tal-malinkonija, li tnixxef l-għejun tal-ferħ, jew qed immur għand Ġesù u neħodlu ħajti? Nimxi wara Ġesù, “immur warajh”, ngħajjatlu u ngħidlu x’għandi bżonn, nurih bil-morr ta’ ħajti? Ejjew nagħmluh dan, nagħtu lil Ġesù l-possibbiltà li jfejqilna qalbna. Dan huwa l-ewwel passaġġ: il-fejqan interjuri jitlob tnejn oħra.

 

It-tieni hu li nġorru l-ġrieħi tagħna flimkien. F’dan ir-rakkont tal-Vanġeli ma hemmx il-fejqan ta’ agħma wieħed waħdu, bħal ngħidu aħna fil-każi ta’ Bartimew (ara Mk 10:46-52) jew ta’ dak ir-raġel agħma minn twelidu (ara Ġw 9:1-41). Hawn l-għomja huma tnejn. Jinsabu flimkien fit-triq. Flimkien jaqsmu t-tbatija minħabba fil-kundizzjoni tagħhom, flimkien jixtiequ dawl li jista’ jilma fil-qalb tal-iljieli tagħhom. It-test li għadna kemm smajna dejjem hu fil-plural, għax dawn it-tnejn jagħmlu kollox flimkien: it-tnejn jimxu wara Ġesù, it-tnejn jgħajtulu u jitolbuh ifejjaqhom; mhux kull wieħed għalih innifsu, imma flimkien. Hu sinifikattiv li lil Kristu jgħidulu: ħenn għalina. Jużaw l-“aħna”, ma jgħidux “jien”. Ma jaħsbux kull wieħed fl-għama tiegħu, imma l-għajnuna jitolbuha flimkien. Dan hu s-sinjal elokwenti tal-ħajja Nisranija, dan hu l-karattru li jagħżel l-ispirtu ekkleżjali: naħsbu, nitkellmu, naġixxu bħala “aħna”, noħorġu mill-individwaliżmu u mill-pretensjoni tal-awtosuffiċjenza li jmarrdu l-qalb.

 

Iż-żewġ għomja, bil-mod kif jaqsmu flimkien it-tbatijiet tagħhom u l-ħbiberija fraterna tagħhom, jgħallmuna ħafna. Kull wieħed u waħda minna b’xi mod hu għami minħabba d-dnub, li jżommna milli “naraw” lil Alla bħala Missier u lill-oħrajn bħala ħutna. Hekk jagħmel id-dnub, iċajpar ir-realtà: jurina lil Alla bħala ħakkiem u lill-oħrajn bħala problemi. Hija l-opra tat-tentatur, li jiffalsifika l-affarijiet u jipprova jurihomlna taħt lenti negattiva biex jaqtgħalna qalbna u jdewwaqna l-imrar tad-delużjoni. Allura, ma nistgħux naffrontaw id-dlam waħidna. Jekk l-għama interjuri tagħna nġorruh waħidna, se nitgħaffġu. Għandna bżonn li noqogħdu qrib ta’ xulxin, li naqsmu flimkien il-ġrieħi tagħna, li naffrontaw it-triq flimkien.

 

Għeżież ħuti, quddiem kull dalma personali u l-isfidi li għandna quddiemna fil-Knisja u fis-soċjetà, aħna msejħin inġeddu l-fraternità. Jekk nibqgħu mifrudin bejnietna, jekk kull wieħed jaħseb biss għalih innifsu jew għall-grupp tiegħu, jekk ma ningħaqdux ħaġa waħda, ma niddjalogawx, ma nimxux magħqudin, ma nistgħux infiqu għalkollox mill-għama tagħna. Il-fejqan jiġi meta nġorru l-ġrieħi tagħna flimkien, meta naffrontaw flimkien il-problemi, meta nisimgħu lil xulxin u nitkellmu ma’ xulxin. U din hija l-grazzja li ngħixu f’komunità, li nifhmu l-valur li nkunu flimkien, li nkunu f’komunità. Dan nitolbuh għalikom: jalla tkunu dejjem flimkien, dejjem magħqudin; timxu ’l quddiem hekk u bil-ferħ: aħwa Nsara, ulied l-istess Missier. U dan nitolbu għalija wkoll.

 

U hawn niġu għat-tielet passaġġ: inħabbru l-Vanġelu bil-ferħ. Wara li jiġu mfejqa flimkien minn Ġesù, iż-żewġ protagonisti anonimi tal-Vanġelu, li fihom nistgħu naraw lilna nfusna, jibdew ixerrdu l-aħbar mar-reġjun kollu, jitkellmu fuq hekk ma’ kullimkien. Hemm xi ftit ta’ ironija f’dan il-fatt: Ġesù kien qalilhom ma jgħidu xejn lil ħadd, imma huma jagħmlu preċiżament bil-maqlub (ara Mt 9:30-31). Imma mir-rakkont nifhmu li l-intenzjoni tagħhom ma kinitx li ma jobdux lill-Mulej; sempliċiment ma jirnexxilhomx iżommu għalihom l-entużjażmu li ġew imfejqa, il-ferħ li qed iħossu mil-laqgħa tagħhom miegħu. U hawn insibu sinjal ieħor li jagħżel lin-Nisrani: il-ferħ tal-Vanġelu, li ma nistgħux inżommuh għalina, għax “jimla l-qalb u l-ħajja kollha ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ Ġesù” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 1); il-ferħ tal-Vanġelu jeħlisna mir-riskju ta’ fidi intimista, serja, gemgiema, u jdaħħalna fid-dinamiżmu tax-xhieda.

 

Għeżież, kemm nieħu pjaċir nara li qed tgħixu bil-ferħ it-tħabbira ħelliesa tal-Vanġelu. Nirringrazzjakom ta’ dan. Dan mhux proselitiżmu – nitlobkom, tagħmlux proselitiżmu! – imma xhieda; mhux moraliżmu li jiġġudika – le, tagħmlux hekk – imma ħniena li tħaddan; mhux kult esterjuri, imma mħabba li tingħax. Ninkuraġġikom timxu ’l quddiem f’din it-triq: bħaż-żewġ għomja tal-Vanġelu, inġeddu aħna wkoll il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù u noħorġu minna nfusna mingħajr il-biża’ li nagħtu xhieda tiegħu ma’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom! Noħorġu biex inwasslu d-dawl li rċivejna, noħorġu biex indawlu l-lejl li spiss idawwarna! Ħuti, hemm bżonn ta’ Nsara mdawlin imma fuq kollox li jdawlu, li jmissu bil-ħlewwa tagħhom l-għama ta’ ħuthom; li b’ġesti u kelmiet ta’ faraġ jixegħlu dawl ta’ tama fid-dlam. Insara li jiżirgħu l-Vanġelu fl-għelieqi niexfa tal-ħajja ta’ kuljum, li jwasslu żegħil fis-solitudni tat-tbatija u tal-faqar.

 

Ħuti, il-Mulej Ġesù jgħaddi, jgħaddi wkoll mit-toroq tagħna ta’ Ċipru, jisma’ l-għajta tal-għama tagħna, irid imissilna għajnejna, irid imiss il-qalb tagħna, iroddilna d-dawl, iwellidna mill-ġdid, jerġa’ jerfagħna minn ġewwa: dan hu li jrid jagħmel Ġesù. U jagħmel lilna wkoll il-mistoqsija li għamel lil dawk l-għomja: “Temmnu intom li jien nista’ nagħmlu dan?” (Mt 9:28). Nemmnu li Ġesù jista’ jagħmel dan? Inġeddu l-fiduċja tagħna fih! Ngħidulu: Ġesù, aħna nemmnu li d-dawl tiegħek hu ikbar minn kull dlam tagħna; nemmnu li int tista’ tfejjaqna, li int tista’ ġġedded il-fraternità tagħna, li tista’ tkattar il-ferħ tagħna; u mal-Knisja kollha nitolbuk, ilkoll flimkien: Ejja, Mulej Ġesù! [ilkoll jirripetu: “Ejja, Mulej Ġesù!”] Ejja, Mulej Ġesù! [ilkoll jirripetu: “Ejja, Mulej Ġesù!”] Ejja, Mulej Ġesù! [ilkoll: “Ejja, Mulej Ġesù!”]

 

___________________________________________

 

Tislima finali fi tmiem il-Quddiesa

 

Għeżież ħuti,

 

Huwa jien li nixtieq nirringrazzja lilkom ilkoll! Għada filgħodu se jkolli ċans insellem lis-Sur President tar-Repubblika, hawn preżenti: se nsellimlu qabel inħalli dan il-pajjiż, imma minn issa nixtieq minn qalbi nesprimi lil kulħadd il-gratitudni tiegħi għall-merħba u l-imħabba li wrejtuni. Grazzi.

 

Hawn Ċipru qed inħoss xi ftit in-nifs ta’ dik l-atmosfera tipika tal-Art Imqaddsa, fejn l-antikità u l-varjetà tat-tradizzjonijiet Insara jagħnu lill-pellegrin. Kemm inħossni sew hawn, u kemm hu sew tiltaqa’ ma’ komunitajiet tal-fidi li qed jgħixu l-preżent bit-tama, miftuħin għall-futur, u jaqsmu dan ix-xefaq mal-iżjed nies fil-bżonn. Qed naħseb, b’mod partikulari, fil-migranti li qed ifittxu ħajja aħjar, li magħhom se nqatta’ l-aħħar laqgħa tiegħi fuq din il-gżira, flimkien ma’ ħutna ta’ diversi konfessjonijiet Insara.

 

Grazzi lil dawk kollu li kkollaboraw għal din iż-żjara! Itolbu għalija. Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom. Efcharistó! [Grazzi!]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard