JUM DINJI TAN-NANNIET U L-ANZJANI 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd 25 ta’ Lulju 2021

 

Kliem l-E.T. Mons. Rino Fisichella fil-bidu taċ-Ċelebrazzjoni

 

Ħuti, għeżież nanniet, kontu qed tistennew lill-Papa Franġisku, u bir-raġun. Il-Papa se jsellmilkom fl-aħħar, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Angelus. Kif tafu, dawn għalih huma jiem ta’ konvalexxenza, u aħna ma nixtiquhx jegħja iktar, sabiex ikun jista’ jqatta’ dawn l-aħħar jiem jistrieħ u hekk jirkupra b’mod sħiħ saħħtu u l-ministeru pastorali tiegħu.

 

***

 

[Omelija tal-Qdusija Tiegħu li qara l-E.T. Mons. Rino Fisichella]

 

Ħuti, għandi l-pjaċir u l-unur naqra l-omelija li l-Papa Franġisku ħejja għal din l-okkażjoni.

 

Meta kien bilqiegħda jgħallem, Ġesù “rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: ‘Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?’” (Ġw 6:5). Ġesù ma jaħsibx biex jgħallem biss, imma jitħasseb dwar il-ġuħ li hemm fil-bnedmin. U għalhekk jitma’ lill-folla billi jqassam il-ħames ħobżiet tax-xgħir u ż-żewġ ħutiet mogħtija minn tfajjel. Fl-aħħar, peress li kien fadal ħafna loqom ta’ ħobż, jgħid lil dawk li għandu miegħu biex jiġbruhom: “biex xejn ma jinħela” (Ġw 6:12).

 

F’dan il-Jum, iddedikat lin-nanniet u l-anzjani, nixtieq nieqaf proprju fuq dawn it-tliet mumenti: Ġesù li jilmaħ il-folla bil-ġuħ; Ġesù li jqassam il-ħobż; Ġesù li jagħti l-parir li jinġabar dak li jkun baqa’. Tliet mumenti li jistgħu jiġu miġbura fil-qosor permezz ta’ tliet verbi: nilmħu, naqsmu u ngħożżu.

 

L-ewwel verb: nilmħu. L-Evanġelista Ġwanni, fil-bidu tar-rakkont, jenfasizza dan id-dettall: Ġesù rafa’ għajnejh u lemaħ kotra ta’ nies bil-ġuħ wara mixja twila biex iltaqgħet miegħu. Dak il-ħin jibda l-miraklu, bil-ħarsa ta’ Ġesù li mhux indifferenti jew medhi fuq xogħlu, imma jinduna bil-ġuħ li qed tbati l-umanità għajjiena. Hu jinkwieta fuqna, jaħseb fina u jrid itaffi l-ġuħ tagħna għall-ħajja, għall-imħabba u għall-ferħ. F’għajnejn Ġesù naraw il-ħarsa ta’ Alla: ħarsa attenta, li tinduna bina, li tgħarrex dak li qed nistennew f’qalbna, li tilmaħ l-għeja, l-enerġija tnin u t-tama li tgħinna nibqgħu għaddejjin. Ħarsa li kapaċi tagħraf il-bżonn ta’ kull wieħed: f’għajnejn Alla ma teżistix folla anonima, imma kull persuna bil-ġuħ tagħha. Ġesù għandu ħarsa li tikkontempla, jiġifieri li kapaċi tieqaf quddiem il-ħajja tal-persuna li għandu quddiemu u taqraha bħal ktieb miftuħ.

 

Din hija wkoll il-ħarsa li n-nanniet u l-anzjani kellhom fuq ħajjitna. Huwa l-mod kif huma, sa minn meta konna żgħar, ħadu ħsiebna. Wara ħajja mimlija sagrifiċċji, ma kinux indifferenti għalina jew aljenati ’l bogħod minna. Għajnejhom kienu attenti, mimlija ħlewwa. Waqt li konna qed nikbru u konna nħossu li ħadd mhu jifhimna, jew konna qed nibżgħu mill-isfidi tal-ħajja, indunaw bina, b’dak li kien qed jinbidel f’qalbna, bid-dmugħ moħbi tagħna u bil-ħolm li konna qed inġorru fina. Kollha qgħadna f’ħoġor in-nanniet, li rassewna sew f’dirgħajhom. U huwa grazzi wkoll għal din l-imħabba li kbirna u sirna adulti.

 

U aħna: kif inħarsu lejn in-nanniet u l-anzjani? Meta kienet l-aħħar darba li qattajna ftit ħin jew ċempilna lil xi ħadd anzjan biex ngħidulu li qegħdin hemm għalih u biex inħalluh iberikna bi kliemu? Kemm jiddispjaċini meta nara soċjetà li tiġri, dejjem għandha x’tagħmel u indifferenti, dejjem medhija f’wisq affarijiet u mhux kapaċi tieqaf biex tilmaħ, issellem, jew tmelles! Nibża’ minn soċjetà li fiha kollha nkunu folla anonima u ma nkunux kapaċi nerfgħu għajnejna u nagħrfu lil xulxin. In-nanniet, li mantnew lil ħajjitna, issa għandhom bżonn lilna biex intaffulhom il-ġuħ: permezz tal-attenzjoni li nuruhom, permezz tal-ħlewwa tagħna. Billi jħossuna ħdejhom. Ejja nerfgħu għajnejna u nilmħuhom, kif jagħmel Ġesù magħna.

 

It-tieni verb: naqsmu. Wara li nduna bil-ġuħ ta’ dawk il-persuni, Ġesù jixtieq jagħtihom x’jieklu. Iżda dan hu possibbli grazzi għall-għotja ta’ tfajjel żagħżugħ, li joffri l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet li kellu. Sabiħ li fil-qalba ta’ dan il-miraklu, li minnu gawdew tant persuni adulti – madwar ħamest elef raġel – insibu tfajjel, żagħżugħ, li jaqsam dak li għandu.

 

Illum hemm bżonn ta’ patt ġdid bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, hemm bżonn li jinqasam it-teżor komuni li hi l-ħajja, li flimkien noħolmu, negħlbu l-konfini bejn il-ġenerazzjonijiet biex inħejju għall-futur ta’ kulħadd. Mingħajr dan il-patt fil-ħajja, fil-ħolm, fil-futur, nirriskjaw li mmutu bil-ġuħ, għaliex jiżdiedu r-relazzjonijiet imkissra, is-solitudni, l-egoiżmu, il-qawwiet li jfarrku. Spiss, fis-soċjetajiet tagħna qed inqattgħu ħajjitna nemmnu li “kulħadd għandu jaħseb għal rasu”. Imma dan ħsieb li joqtol! Il-Vanġelu jħeġġiġna naqsmu dak li aħna u dak li għandna: hekk biss naqtgħu l-ġuħ. Mhux l-ewwel darba li fakkart f’dak li jgħid dwar dan il-profeta Ġoel (ara 3:1): flimkien, żgħażagħ u anzjani. Iż-żgħażagħ, profeti tal-futur li ma jinsewx l-istorja li ġejjin minnha; l-anzjani, li qatt ma jegħjew joħolmu u li jgħaddu l-esperjenza liż-żgħażagħ, mingħajr ma jagħlqulhom it-triq. Żgħażagħ u anzjani, teżor tat-tradizzjoni u tal-Ispirtu ġdid. Żgħażagħ u anzjani flimkien. Fis-soċjetà u fil-Knisja: flimkien.

 

It-tielet verb: ngħożżu. Wara li kielu, il-Vanġelu jgħidilna li kien fadal ħafna loqom ta’ ħobż. U Ġesù jagħtihom dan il-parir: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela” (Ġw 6:12). Din hi l-qalb ta’ Alla: mhux biss jagħtina iktar milli għandna bżonn, imma jara wkoll li xejn ma jinħela, lanqas farka. Loqma żgħira ħobż tista’ tidher ħaġa żgħira, iżda f’għajnejn Alla xejn m’għandu jintrema. Iktar u iktar, ħadd m’għandu jintrema. Hija stedina profetika li llum imsejħin nerġgħu nħallu l-eku tagħha jidwi fina u fid-dinja: iġbru, ħudu ħsieb, għożżu. In-nanniet u l-anzjani mhumiex affarijiet żejda fil-ħajja, xi ħaġa li tista’ tintrema. Huma dawk il-loqom prezzjużi li fadlilna fuq il-mejda ta’ ħajjitna, li bihom għadna nistgħu nitrejqu u li jagħtuna togħma li tlifna, “it-togħma tal-ħniena u tal-memorja”. Ejja ma nitilfux il-memorja li dawn l-anzjani jgħaddulna, għaliex aħna wlied dik l-istorja u mingħajr għeruq, nidbielu. Huma ħarsuna meta konna qed nikbru, issa jmiss lilna li nħarsu ħajjithom, intaffu d-diffikultajiet tagħhom, nisimgħu l-bżonnijiet tagħhom, noħolqu l-kundizzjonijiet sabiex inħaffulhom dak li forsi sar diffiċli għalihom u ma jħossuhomx waħidhom. Nistaqsu lilna nfusna: “Mort żort lin-nanniet? Lill-anzjani fil-familja tiegħi jew li joqogħdu ħdejja? Smajthom? Tajthom ftit mill-ħin tiegħi?”. Ejjew nibżgħu għalihom, sabiex xejn ma jintilef: minn ħajjithom, mill-ħolm tagħhom. Huwa dmir tagħna, illum, naraw li għada ma jiddispjaċiniex għax ma tajniex kas biżżejjed ta’ min ħabbna u tana l-ħajja.

 

Ħuti, in-nanniet u l-anzjani huma ħobż li jmantni lil ħajjitna. Għandna niżżu ħajr għal għajnejhom attenti, li ndunaw bina, għal ħoġorhom li fuqu qgħadna meta rassewna f’dirgħajhom, għal idejhom li akkumpanjawna u refgħuna, għal-logħob li lagħbu magħna u għal kull meta mellsuna u wennsuna. Nitlobkom, ma ninsewhomx. Inkunu alleati tagħhom. Irridu nitgħallmu nieqfu, nagħrfuhom u nisimgħuhom. Qatt m’għandna narmuhom. Inħarsuhom bi mħabba. U, flimkien, żgħażagħ u anzjani, nitmantnew minn din il-mejda li fiha naqsmu kollox flimkien, mejda mbierka minn Alla.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona