ŻJARA PASTORALI F’MATERA

GĦALL-GĦELUQ TAS-27 KUNGRESS EWKARISTIKU NAZZJONALI

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

OMELIJA TAL-PAPA

Stadju komunali XXI Settembre (Matera)

Il-Ħadd 25 ta’ Settembru 2022

 

Il-Mulej qed jiġborna madwar il-mejda tiegħu u jsir għalina ħobż: “Huwa l-ħobż tal-festa fuq il-mejda tal-ulied, […] joħloq il-qsim ma’ xulxin, isaħħaħ ir-rabtiet, għandu togħma ta’ komunjoni” (Innu għas-XXVII Kungress Ewkaristiku Nazzjonali, Matera 2022). Imma l-Vanġelu li għadna kemm smajna jgħidilna li mhux dejjem fuq il-mejda l-ħobż hu maqsum: dan hu minnu; mhux dejjem iħalli l-fwieħa tal-komunjoni; mhux dejjem hu miksur fil-ġustizzja.

 

Nagħmlu sew jekk nieqfu quddiem ix-xena drammatika mfissra minn Ġesù f’din il-parabbola li għadna kemm smajna: minn naħa raġel għani liebes il-porpra u l-għażel, li jiddandan bil-ġid tiegħu u jiekol bix-xaba’; min-naħa l-oħra, raġel fqajjar, mimli ġrieħi, mixħut fuq l-għatba bit-tama li minn dik il-mejda taqa’ mqar fraka biex jista’ jtaffi l-ġuħ. U quddiem din il-kontradizzjoni – li narawha ta’ kuljum – quddiem din il-kontradizzjoni aħna nistaqsu: għal xiex qed jistedinna s-sagrament tal-Ewkaristija, għajn u quċċata tal-ħajja tan-Nisrani?

 

Qabelxejn, l-Ewkaristija tfakkarna fil-primat ta’ Alla. L-għani tal-parabbola mhuwiex miftuħ għar-relazzjoni ma’ Alla: jaħseb biss fil-ġid tiegħu, kif ħa jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu, kif ħa jgawdi l-ħajja hu. U minħabba dan, tilef anki ismu. Il-Vanġelu ma jgħidilniex x’kien jismu: isejjaħlu bl-aġġettiv “għani”, waqt li għall-fqir jagħtina l-isem: Lazzru. L-għana għal dan iwasslek, ineżżgħek imqar minn ismek. Sodisfatt bih innifsu, fis-sakra ta’ flusu, sturdut mit-tperriċ tal-vanità, fil-ħajja tiegħu ma hemmx wisa’ għal Alla għax hu jadura biss lilu nnifsu. Mhux ta’ b’xejn li ismu ma għandniex: insejħulu “għani”, niddefinixxuh biss b’aġġettiv għax issa ismu tilfu, tilef l-identità tiegħu li tiġi biss mill-ġid li għandu. Kemm hi kerha din ir-realtà llum ukoll, meta nifxlu dak li aħna ma’ dak li għandna, meta niġġudikaw il-persuni skont l-għana li għandhom, it-titli li jesebixxu, ir-rwoli li jħaddnu jew il-marka tad-ditta fuq il-ħwejjeġ li jilbsu. Hija ­r-reliġjon ta’ x’għandi u kif nidher, li spiss taħkem ix-xena ta’ din id-dinja, imma fl-aħħar tħallina b’idejna battala: dejjem. Dan l-għani tal-Vanġelu, fil-fatt, ma fadallu xejn, anqas ismu. Ma għadu ħadd. Bil-maqlub, il-fqir għandu isem, Lazzru, li jfisser “Alla jgħin”. Imqar fil-qagħda tiegħu ta’ faqar u ta’ emarġinazzjoni, hu jista’ jżomm sħiħa d-dinjità tiegħu għax jgħix fir-relazzjoni ma’ Alla. Fl-istess isem tiegħu hemm xi ħaġa ta’ Alla u Alla hu t-tama ta’ ħajtu li ma tiġġarrafx.

 

Hawn, mela, hi l-isfida permanenti li l-Ewkaristija toffri lil ħajjitna: naduraw lil Alla u mhux lilna nfusna. Inqiegħdu lilu fiċ-ċentru u mhux il-frugħa tal-jien tagħna. Niftakru li l-Mulej waħdu hu Alla u l-bqija kollu huwa don ta’ mħabbtu. Għax jekk naduraw lilna nfusna, immutu fgati mill-jien żgħir tagħna; jekk naduraw l-għana ta’ din id-dinja, dan jirkibna u jagħmilna lsiera; jekk naduraw l-alla tad-dehra u niskru fil-ħela, illum jew għada l-istess ħajja titlobna kont. Il-ħajja dejjem titlobna kont. Imma meta naduraw lill-Mulej Ġesù preżenti fl-Ewkaristija, ikollna ħarsa ġdida mqar fuq ħajjitna: jiena m’iniex il-ħwejjeġ li nippossedi jew is-suċċessi li jirnexxili nikseb; il-valur ta’ ħajti ma jiddependix minn kemm jirnexxili nesebixxi u lanqas jonqos meta niġi wiċċ imb wiċċ mal-fallimenti u n-nuqqas ta’ suċċess. Jiena iben maħbub, kull wieħed u waħda minna hu iben u bint maħbuba; jiena mbierek minn Alla; hu ried ilibbisni bil-ġmiel u jridni ħieles, iridni ħielsa minn kull jasar. Ejjew niftakruh dan: min jadura lil Alla ma jsir ilsir ta’ ħadd: huwa ħieles. Ejjew nerġgħu niskopru t-talba tal-adorazzjoni, talba li spiss ninsewha. Naduraw, it-talba tal-adorazzjoni, ejjew nerġgħu niskopruha: din teħlisna u troddilna d-dinjità tagħna ta’ wlied, mhux ta’ lsiera.

 

Barra l-primat ta’ Alla, l-Ewkaristija ssejħilna għall-imħabba tal-aħwa. Dan il-Ħobż hu per eċċellenza s-Sagrament tal-imħabba. Huwa Kristu li joffri lilu nnifsu u jitfarrak għalina u jitlob minna li nagħmlu l-istess, biex il-ħajja tagħna tkun qamħ mitħun u ssir ħobż li jitma’ lil ħutna. L-għani tal-Vanġelu ma jagħmlux dan; jgħix fil-lussu, jiekol bix-xaba’ mingħajr biss jintebaħ bil-karba siekta tal-fqajjar Lazzru, li jinsab mixħut għal mejjet maġenb biebu. Fl-aħħar ta’ ħajtu biss, meta l-Mulej jaqleb ta’ taħt fuq ix-xorti tagħhom, li saflaħħar jintebaħ b’Lazzru, imma Abraham jgħidlu: “Hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna” (Lq 16:26). Imma dan int ħloqtu: int stess. Aħna nagħmluh dan, meta fl-egoiżmu tagħna noħolqu l-abbissi. Kien l-għani li ħaffer abbiss bejnu u bejn Lazzru fil-ħajja tiegħu fuq din l-art u issa, fil-ħajja ta’ dejjem, dak l-abbiss jibqa’. Għax il-futur etern tagħna jiddependi minn din il-ħajja ta’ issa: jekk issa nħaffru abbiss ma’ ħutna, inkunu “nħaffru l-qabar” tagħna għal wara; jekk issa ntellgħu l-ħitan kontra ħutna, nibqgħu mjassrin fis-solitudni u fil-mewt anki wara.

 

Għeżież ħuti, hu ta’ swied il-qalb meta tara li din il-parabbola għadha storja ta’ żmienna wkoll: l-inġustizzji, id-diżugwaljanzi, ir-riżorsi tal-art imqassma b’mod ħażin, l-abbużi tas-setgħanin fil-konfront tad-dgħajfa, l-indifferenza għall-karba tal-foqra, l-abbiss li ta’ kuljum qed inħaffru meta noħolqu emarġinazzjoni, ma jistgħux – dawn il-ħwejjeġ kollha – iħalluna indifferenti. U allura llum, flimkien, nirrikonoxxu li l-Ewkaristija hi profezija ta’ dinja ġdida, hija l-preżenza ta’ Ġesù li qed jitlobna nħabirku biex isseħħ konverżjoni effettiva: konverżjoni mill-indifferenza għall-ħniena, konverżjoni mill-ħela għall-qsim bejnietna, konverżjoni mill-egoiżmu għall-imħabba, konverżjoni mill-individwaliżmu għall-fraternità.

 

Ħuti, ejjew noħolmu. Noħolmu Knisja hekk: Knisja Ewkaristika. Magħmula minn bnedmin li jinqasmu bħala ħobż għal dawk kollha li qed jomogħdu s-solitudni u l-faqar, għal dawk li huma mġewħa għall-ħlewwa u għall-ħniena, għal dawk li ħajjithom qed titfarrak għax naqset il-ħmira tajba tat-tama. Knisja li tinżel għarkupptejha quddiem l-Ewkaristija u tadura bi stagħġib lill-Mulej preżenti fil-ħobż; imma li taf ukoll titbaxxa bi ħniena u ħlewwa quddiem il-ġrieħi ta’ min qed ibati, isserraħ lill-foqra, tixxotta d-dmugħ tal-batuti, issir ħobż ta’ tama u ta’ ferħ għal kulħadd. Għax ma hemmx qima vera tal-Ewkaristija mingħajr ħniena għall-ħafna “Lazzri” li llum ukoll mexjin biswitna. Ħafna!

 

Ħuti, minn din il-belt ta’ Matera, “belt tal-ħobż”, irrid ngħidilkom: ejjew nerġgħu lura għand Ġesù, nerġgħu lura għall-Ewkaristija. Nerġgħu nibdew niggustaw il-ħobż, għax waqt li aħna mġewħin għall-imħabba u għat-tama, jew aħna mfarrkin taħt it-tiġrib u t-tbatija tal-ħajja, Ġesù jsir ikel li jitmagħna u jfejjaqna. Nerġgħu niggustaw il-ħobż, għax waqt li fid-dinja jkomplu għaddejjin l-inġustizzji u d-diskriminazzjonijiet lejn il-foqra, Ġesù jagħtina l-Ħobż tal-qsim ma’ xulxin u jibgħatna ta’ kuljum bħala appostli tal-fraternità, appostli tal-ġustizzja, appostli tal-paċi. Nerġgħu niggustaw il-ħobż biex inkunu Knisja Ewkaristika, li tqiegħed lil Ġesù fiċ-ċentru u ssir ħobż ta’ ħlewwa, ħobż ta’ ħniena għal kulħadd. Nerġgħu niggustaw il-ħobż biex niftakru li, waqt li tissokta din il-ħajja tagħna fuq din l-art, l-Ewkaristija tantiċipalna l-wegħda tal-qawmien u tmexxina lejn il-ħajja ġdida li tegħleb il-mewt.

 

Ejjew illum naħsbu bis-serjetà fl-għani u f’Lazzru. Dan jiġri ta’ kuljum. U ħafna drabi anki – messna nistħu – jiġri fina, din it-taqbida, bejnietna, fil-komunità. U meta t-tama tintefa u nħossu fina s-solitudni tal-qalb, l-għeja minn ġewwa, it-turment tad-dnub, il-biża’ li mhux ħa jirnexxilna, ejjew nerġgħu lura għall-gost tal-ħobż. Ilkoll aħna midinbin: kull wieħed u waħda minna jġorr fih id-dnubiet tiegħu. Imma, midinbin, nerġgħu lura għall-gost tal-Ewkaristija, il-gost tal-ħobż. Nerġgħu lura għand Ġesù, naduraw lil Ġesù, nilqgħu lil Ġesù. Għax hu l-uniku li jirbaħ fuq il-mewt u dejjem iġedded lil ħajjitna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard