IS-XXXVII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Katidral ta’ Asti

Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu Il-Ħadd 20 ta’ Novembru 2022

 

Rajna dan iż-żagħżugħ, Stefano, li qed jitlob li jirċievi l-ministeru ta’ akkolitu fil-mixja tiegħu lejn is-saċerdozju. Nitolbu għalih, biex jimxi ’l quddiem fil-vokazzjoni tiegħu u jibqa’ fidil; imma rridu wkoll nitolbu għal din il-Knisja ta’ Asti, biex il-Mulej jibgħat vokazzjonijiet saċerdotali, għax kif tistgħu taraw intom, il-parti l-kbira huma anzjani, bħali: għandna bżonn ta’ saċerdoti żgħar, bħal xi wħud hawnhekk li huma bravissmi. Nitolbu lill-Mulej biex ibierek lil din l-art.

 

U minn dawn l-artijiet missieri telaq biex jemigra lejn l-Arġentina; u f’dawn l-artijiet, prezzjużi minħabba l-prodotti tajbin tal-art u fuq kollox il-bżulija ġenwina tan-nies, jiena ġejt biex nerġa’ nsib it-togħma tal-għeruq tiegħi. Imma llum għal darb’oħra huwa l-Vanġelu li qed jeħodna lura lejn l-għeruq tal-fidi. Dawn insibuhom fl-art niexfa tal-Kalvarju, fejn iż-żerriegħa ta’ Ġesù, f’mewtu, warrdet it-tama: miżrugħa fil-qalba tal-art hi fetħitilna t-triq għas-Sema; bil-mewt tiegħu tana l-ħajja ta’ dejjem; permezz tal-għuda tas-salib ġabilna l-frott tas-salvazzjoni. Ejjew mela nħarsu lejh, inħarsu lejn il-Kurċifiss.

 

Fuq is-salib dehret frażi waħda waħidha: “Dan hu s-sultan tal-Lhud” (Lq 23:28). Dan hu t-titlu: Sultan. Imma, xħin nosservaw lil Ġesù, l-idea tagħna ta’ sultan tinbidel. Nippruvaw nimmaġinaw quddiem għajnejna sultan: jiġina f’moħħna raġel b’saħħtu bilqiegħda fuq tron bl-insinji prezzjużi, xettru bejn dirgħajh u ċrieket jgħammxu fuq subgħajh, waqt li lis-sudditi tiegħu jlissnilhom kliem solenni. Din, xi ftit jew wisq, hi l-istampa li għandna f’moħħna. Imma meta nħarsu lejn Ġesù, naraw li hu kollox bil-maqlub. Hu mhux bilqiegħda fuq tron komdu, imma mdendel ma’ patibolu; Alla li “niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom” (Lq 1:52) jaħdem bħal qaddej imsallab fuq salib mis-setgħana; imżejjen biss bl-imsiemer u x-xewk, imneżża’ minn kollox imma għani fl-imħabba, mit-tron tas-salib ma għadux jindirizza iżjed lill-folol bil-kelma, ma jgħollix iżjed idu biex jgħallem. Jagħmel iżjed minn hekk: ma jippunta sebgħu kontra ħadd, imma jiftaħ dirgħajh għal kulħadd. Hekk jidher quddiemna s-Sultan tagħna: b’dirgħajh miftuħa, a brasa aduerte.

 

Huwa biss jekk nidħlu fit-tħaddina tiegħu li aħna nifhmu: nifhmu li Alla wasal sa hemm, sal-paradoss tas-salib, proprju biex jgħannaqna kollna kemm aħna, imqar dak li kien hemm l-iżjed imbiegħed minnu: il-mewt tagħna – hu ħaddan il-mewt tagħna –, it-tbatija tagħna, il-faqar tagħna, id-dgħufijiet tagħna u l-miżerji tagħna. U hu ħaddan miegħu dan kollu. Sar qaddej biex kull wieħed u waħda minna jħossu iben u bint: ħallas bil-qadi tiegħu biex aħna nsiru wlied; ħalla lil min jgħajru u jiżżuffjetta bih, biex f’kull umiljazzjoni ħadd minna ma jħossu waħdu; ħalla lil min ineżżgħu għeri, biex ħadd minna ma jħossu mneżża’ mid-dinjità tiegħu; tela’ fuq is-salib, biex f’kull mislub tal-istorja jkun hemm Alla preżenti. Dan hu s-Sultan tagħna, Sultan ta’ kull wieħed u waħda minna, Sultan tal-ħolqien għax hu qasam l-aktar konfini mbiegħda tal-uman, daħal fil-ħofor mudlama tal-mibegħda, niżel fil-ħofor suwed tal-abbandun biex idawwal kull ħajja u jħaddan kull realtà. Ħuti, dan hu s-Sultan li llum qed niffesteġġjaw! Mhux faċli nifhmuh, imma hu s-Sultan tagħna. U l-mistoqsija li rridu nagħmlu hija din: dan is-Sultan tal-ħolqien huwa s-Sultan tal-ħajja tiegħi? Jiena nemmen fih? Kif nista’ niċċelebrah bħala Sultan ta’ kollox jekk ma jsirx ukoll is-Sultan ta’ ħajti? U int li llum qed tibda din it-triq lejn is-saċerdozju, tinsiex li dan huwa l-mudell tiegħek: la tiggranfax ma’ unuri, le. Dan huwa l-mudell tiegħek; jekk int ma tippruvax tkun saċerdot bħal dan is-Sultan, aħjar tieqaf hawn.

 

Imma ejjew insammru mill-ġdid għajnejna fuq Ġesù Kurċifiss. Ara, hu ma josservax ħajtek għal mument wieħed u daqshekk, ma jiddedikalekx ħarsa b’ħarba kif spiss nagħmlu aħna miegħu, imma hu jibqa’ hemm, a brasa aduerte, biex fis-sikta jgħidlek li xejn minn dak li hemm fik ma hu barrani għalih, li jrid iħaddnek miegħu, jerġa’ jerfgħek, isalvak hekk kif int, bl-istorja tiegħek, il-miżerji tiegħek, id-dnubiet tiegħek. Imma Mulej, minnu dan? Inti tħobbi hekk, bil-miżerji tiegħi? Kull wieħed u waħda minna bħalissa ħa jaħseb fil-faqar tiegħu: “Imma, int tħobbni b’dan il-faqar spiritwali li għandi, b’dawn il-limitazzjonijiet?”. U hu jitbissmilna u jurina li jħobbna u li għalina ta ħajtu. Ejjew naħsbu ftit fil-limiti tagħna, u fil-ħwejjeġ tajba wkoll: hu jħobbna hekk kif aħna, kif aħna issa. Hu jagħtina l-possibbiltà li nsaltnu fil-ħajja; jekk int tintelaq fl-imħabba umli tiegħu li hu jipproponilek u mhux jimponilek – l-imħabba ta’ Alla qatt ma timponi ruħha – fl-imħabba tiegħu li dejjem taħfirlek. Mhux darba u tnejn aħna negħjew naħfru lill-oħrajn u nroddulhom salib, nidfnuhom soċjalment. Hu ma jegħja qatt jaħfer, qatt, qatt: dejjem jerġa’ jerfgħek fuq riġlejk, dejjem iroddlok id-dinjità regali tiegħek. Iva, is-salvazzjoni mnejn hi ġejja? Milli nħalluh iħobbna, għax hekk biss niġu meħlusa mill-jasar tal-jien tagħna, mill-biża’ li nibqgħu waħidna, milli naħsbu li mhux ħa jirnexxilna. Ħuti, ejjew nintasbu ta’ sikwit quddiem il-Kurċifiss, inħalluh iħobbna, biex dawk il-brasa aduerte jiftħu għalina wkoll il-bieb tal-Ġenna, kif għamlu għall-“ħalliel it-tajjeb”. Nisimgħu tingħad lilna dik il-frażi, l-unika waħda li Ġesù jgħid illum mis-salib: “Illum tkun il-ġenna miegħi” (Lq 23:43). Dan hu li jrid jgħidilna Alla, lilna kollha, kull darba li nħalluh iħares lejna. U hawn nifhmu li ma għandniex Alla mhux magħruf li qiegħed hemm fuq fis-smewwiet, setgħan u mbiegħed, le: Alla qrib tagħna, il-qrubija hija l-istil ta’ Alla: il-qrubija, bil-ħlewwa u l-ħniena. Dan hu l-istil ta’ Alla, ma għandux stil ieħor. Qrib tagħna, ħanin u twajjeb. Twajjeb u ħanin, li dirgħajh miftuħa jfarrġu u jżiegħlu. Dan hu s-Sultan tagħna!

 

Ħuti, war li nkunu ħarisna lejh, x’nistgħu nagħmlu? Il-Vanġelu llum ipoġġilna quddiemna żewġ toroq. Quddiem Ġesù hemm min jagħmilha ta’ spettatur u hemm min involva ruħu. L-ispettaturi huma ħafna, il-parti l-kbira. Joqogħdu jħarsu, hu spettaklu li tara wieħed imut fuq salib. Fil-fatt – jgħid it-test – “il-poplu waqaf hemm iħares” (v. 35). Ma kinux nies ħżiena, ħafna kienu jemmnu, imma quddiem il-Mislub baqgħu spettaturi: ma jmiddux pass ’il quddiem lejn Ġesù, imma jħarsu lejh mill-bogħod, kurjużi u indifferenti, bla ma jinteressaw ruħhom tassew, bla ma jistaqsu x’jistgħu jagħmlu huma. Forsi kkummentaw, forsi: “Imma ara dan…”; esprimew ġudizzji u pariri: “Imma dan innoċenti, ara ftit dan…”; forsi kien hemm min gerger, imma kollha baqgħu hemm iħarsu b’idejhom marbuta. Imma anki qrib tas-salib kien hemm xi spettaturi: il-kapijiet tal-poplu, li riedu jassistu għall-ispettaklu mdemmi tat-tmiem xejn glorjuż ta’ Kristu; is-suldati, li ttamaw li l-eżekuzzjoni tispiċċa malajr, biex imorru lura lejn id-dar; wieħed mill-ħallelin ta’ miegħu, li jobżoq fuq Ġesù r-rabja kollha tiegħu. Jgħajruh, jinsultawh, jiżvogaw fuqu.

 

U dawn l-ispettaturi kollha ritornell wieħed għandhom, li t-test iġib tliet darbiet: “Jekk inti sultan, salva lilek innifsek!” (ara vv. 35, 37, 39). Hekk jgħajruh, billi jisfidawh! Salva lilek innifsek, eżattament bil-maqlub ta’ dak li qed jagħmel Ġesù, li ma jaħsibx fih innifsu, imma kif ħa jsalva lilhom, li qed jgħajruh. Imma s-salva lilek innifsek tittieħed: mill-kapijiet għas-suldati għan-nies, il-mewġa tal-ħażen tilħaq kważi lil kulħadd. Naħsbu ftit kif il-ħażin hu kuntaġġjuż, idakkarna: bħal meta aħna nlaqqtu xi marda infettiva, mill-ewwel inlaqqtuha. U dawk in-nies kienu qed jitkellmu fuq Ġesù imma mank għal waqt wieħed ma’ ħassewhom sintonizzati miegħu. Żammew id-distanza u qagħdu jitkellmu. Dan hu l-kuntaġġ letali tal-indifferenza. Marda kerha wisq l-indifferenza. “Dan lili ma jmissnix, mhix biċċa tiegħi”. Indifferenza lejn Ġesù u indifferenza wkoll lejn il-morda, lejn il-foqra, lejn l-imsejknin tal-art. Jiena nieħu pjaċir nistaqsi lin-nies, u nistaqsi lil kull wieħed u waħda minnkom; naf li kulħadd jagħti l-elemożina lill-foqra, u jiena nistaqsikom: “Meta int tagħmel karità mal-foqra, tħares f’għejnejhom? Kapaċi tħares f’għajnejn dak il-fqir jew dik il-fqira li qed titolbok l-elemożina? Meta int tagħti l-elemożina lill-foqra, int tixħet il-munita biss, jew tmissilhom idejhom? Kapaċi tmiss il-miżerja umana?”. Kull wieħed u waħda minna jwieġeb illum. Dawk in-nies kienu fl-indifferenza. Dawk in-nies kienu jitkellmu fuq Ġesù imma ma ħassewx ma’ Ġesù. U dan hu l-kuntaġġ letali tal-indifferenza: li joħloq id-distanzi mill-miżerji. Il-mewġa tal-ħażen dejjem hekk tikber: tibda billi wieħed iżomm bogħod, iħares u ma jagħmel xejn, ma jiħux ħsieb, imma naħsbu biss f’dak li jinteressana u nidraw inħarsu band’oħra. U dan huwa riskju anki għall-fidi tagħna, li tinxef jekk tibqa’ teorija li ma ssirx prattika, jekk ma hemmx l-involviment, jekk ma ninħlewx aħna stess, jekk ma nħammġux idejna. Allura nsiru Nsara superfiċjali – kif kont nisma’ min jgħid id-dar – li jgħidu li jemmnu f’Alla u li jridu l-paċi, imma ma jitolbux u ma jiħdux ħsieb tal-proxxmu, u anki la jinteressahom minn Alla u lanqas mill-paċi. Dawn l-Insara tal-paroli biss, superfiċjali!

 

Din hi l-mewġa ħażina, li kienet hemm fuq il-Kalvarju. Imma hemm ukoll il-mewġa tat-tajjeb. Fost tant spettaturi, hemm wieħed li jinvolvi ruħu, jiġifieri l-“ħalliel it-tajjeb”. L-oħrajn jiddieħku bil-Mulej, hu jkellmu u jsejjaħlu b’ismu: “Ġesù”; ħafna jixħtu fuqu r-rabja tagħhom, hu jistqarr quddiem Kristu l-iżbalji tiegħu; ħafna jgħidulu “salva lilek innifsek”, u dan jitolbu: “Ġesù, ftakar fija” (v. 42). Dan biss jitolbu lill-Mulej. Talba sabiħa din. Jekk kull wieħed u waħda minna jgħidha kuljum, tkun triq sabiħa: it-triq tal-qdusija: “Ġesù, ftakar fija”. U hekk raġel ħażin isir l-ewwel qaddis: jersaq lejn Ġesù għal waqt wieħed u l-Mulej iżommu miegħu għal dejjem. Issa, il-Vanġelu għalina jitkellem dwar il-ħalliel it-tajjeb, biex jistedinna negħlbu l-ħażen billi ma nibqgħux spettaturi. Nitlobkom, dan hu agħar milli tagħmel il-ħażen, l-indifferenza. Mnejn nibdew? Mill-kunfidenza, milli nsejħu lil Alla b’ismu, proprju kif għamel il-ħalliel it-tajjeb, li fl-aħħar ta’ ħajtu jerġa’ jsib il-fiduċja kuraġġjuża tat-tfal, li jafdaw, jitolbu, jinsistu. U bil-kunfidenza kollha jammetti l-iżbalji tiegħu, jibki, imma mhux lilu nnifsu, imma quddiem il-Mulej. U aħna, għandna din il-fiduċja, lil Ġesù neħdulu dak li għandna ġo fina, jew nilbsu maskra quddiem Alla, forsi b’xi ftit ta’ sagralità u ta’ inċens? Nitlobkom, ejjew ma nagħmlux l-ispiritwalità tal-irtokk: dik xi ħaġa tad-dwejjaq. Quddiem Alla: bin-natura tagħna, biss, mingħajr irtokk, imma r-ruħ kif inhi. U minn hemm tiġi s-salvazzjoni. Min jipprattika l-kunfidenza, bħal dan il-ħalliel it-tajjeb, jitgħallem l-interċessjoni, jitgħallem lil Alla jwassallu quddiemu dak li jara, it-tbatijiet tad-dinja, il-persuni li magħhom jiltaqa’; jgħidlu, bħall-ħalliel it-tajjeb: “Ftakar fija, Mulej!”. M’aħniex fid-dinja biss biex insalvaw lilna nfusna, le: imma biex inwasslu lil ħutna fit-tħaddina tas-Sultan. Meta ninterċedu, infakkru lill-Mulej, dan jiftaħ il-bibien għall-ġenna. Imma aħna, meta nitolbu, ninterċedu? “Ftakar, Mulej, ftakar fija, fil-familja tiegħi, ftakar f’din il-problema, ftakar, ftakar…”. Niġbdu l-attenzjoni tal-Mulej.

 

Ħuti, illum is-Sultan tagħna mis-salib qed iħares lejna a brasa aduerte. Issa aħna rridu nagħżlu nkunux spettaturi jew involuti. Jiena spettatur jew irrid ninvolvi ruħi? Qed naraw il-kriżijiet tal-lum, kif il-fidi naqset, in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni… X’se nagħmlu? Nillimitaw ruħna għat-teoriji, nillimitaw ruħna għall-kritika, jew inxammru l-kmiem, nieħdu ħajjitna f’idejna, ngħaddu mill-“jekk” tal-iskużi għall-“iva” tat-talb u tas-servizz? Kollha naħsbu li  nafu x’mhux sejjer sew fis-soċjetà, kollha; nitkellmu ta’ kuljum fuq x’mhux sejjer sew fid-dinja u anki fil-Knisja: tant ħwejjeġ li mhux sejrin sew fil-Knisja. Imma mbagħad nagħmlu xi ħaġa? Inħammġu jdejna bħal Alla tagħna msammar mal-għuda jew b’idejna fil-but biex noqogħdu nħarsu? Illum, waqt li Ġesù, imneżża’ fuq is-salib, qed ineħħi kull velu minn quddiem Alla u jeqred kull xbieha qarrieqa tar-regalità tiegħu, ejjew inħarsu lejh, biex insibu l-kuraġġ li nħarsu lejna nfusna, li nimxu fit-toroq tal-kunfidenza u tal-interċessjoni, li nsiru qaddejja biex insaltnu miegħu. “Ftakar fija, Mulej, ftakar”: ejjew nagħmlu din it-talba iżjed ta’ spiss. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard