QUDDIESA TAŻ-ŻJUT

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Ħamis ix-Xirka, 28 ta’ Marzu 2024

 

“Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammrin fuqu” (Lq 4:20). Dejjem tolqotna din is-silta tal-Vanġelu, li ġġibilna quddiem għajnejna x-xena: biex nistħajlu dak il-mument ta’ skiet li fih il-ħarsiet kollha kienu msammra fuq Ġesù, f’taħlita ta’ stagħġib u ta’ suspett. Madankollu nafu kif kellha tispiċċa: wara li Ġesù kien kixef it-tamiet qarrieqa tal-kompajżani tiegħu, huma “mtlew bil-korla” (Lq 4:28), ħarġu u keċċewh ’il barra mill-belt. Għajnejhom kienu ssammru fuq Ġesù, imma qlubhom ma kinux lesti jinbidlu għall-kelma tiegħu. Hekk huma tilfu l-okkażjoni tal-ħajja.

 

Imma llejla, Ħamis ix-Xirka, isseħħ laqgħa oħra ta’ ħarsiet. Protagonista hu l-ewwel Ragħaj tal-Knisja tagħna, Pietru. Hu wkoll għall-bidu ma emminx il-kelma “kixxiefa” li l-Mulej kien qallu: “Int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet” (Mk 14:30). Hekk “tilef minn taħt għajnejh” lil Ġesù u ċaħdu malli idden is-serduk. Imma mbagħad, meta “l-Mulej dar u ħares lejn Pietru”, dan “ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu […] U ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma” (Lq 22:61-62). Għajnejh imtlew bid-dmugħ li, għax ħareġ minn qalb miġruħa, ħelsu minn konvinzjonijiet u ġustifikazzjonijiet fażulli. Dak il-biki ta’ qalb maqsuma bidillu ħajtu.

 

Il-kelmiet u l-ġesti ta’ Ġesù għal snin sħaħ ma kinux ċaqilqu lil Pietru minn dak li kien qed jistenna, simili għal dak li kienu qed jistennew in-nies ta’ Nazaret: hu wkoll kien jistenna Messija politiku u setgħan, b’saħħtu u li se jsolvi kollox, u quddiem l-iskandlu ta’ Ġesù dgħajjef, arrestat bla ma jagħmel reżistenza, stqarr: “Anqas biss nafu!” (Lq 22:57). U huwa minnu, ma kienx jafu: jibda jsir jafu meta, fid-dalma taċ-ċaħda, jagħmel wisa’ għad-dmugħ tal-mistħija, għad-dmugħ tal-indiema. U sar jafu tassew meta “ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’”, ħalla lil Ġesù jħares lejh tassew. U hawn, mill-“anqas biss nafu” jgħaddi biex jgħid: “Mulej, int taf kollox” (Ġw 21:17).

 

Għeżież ħuti saċerdoti, il-fejqan tal-qalb ta’ Pietru, il-fejqan tal-Appostlu, il-fejqan tar-Ragħaj iseħħu meta, miġruħa u sogħbiena, inħallu lil Ġesù jaħfrilna: jgħaddu mid-dmugħ, mill-biki kbir, min-niket li jagħtina li nerġgħu niskopru l-imħabba. Għalhekk ħassejt li għandi naqsam magħkom xi ħsieb fuq aspett tal-ħajja spiritwali pjuttost imwarrab, imma essenzjali; qed nerġa’ nipproponih illum b’kelma forsi arkajka, imma li nemmen li nagħmlu sew li nerġgħu niskopruha: il-‘kompunzjoni’, jiġifieri r-rimors.

 

Din il-kelma tevoka l-fatt li wieħed iniggeż (pungere): ir-rimors hu “tingiża fuq il-qalb”, nifda li tferiha, u hekk joħroġ id-dmugħ tas-sogħba. Jista’ jgħinna episodju li mill-ġdid imiss lil San Pietru. Hu, midrub mill-ħarsa u mill-kelmiet ta’ Kristu Rxoxt, dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin, imsoffi u mkebbes mill-Ispirtu, xandar lin-nies ta’ Ġerusalemm: “Lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija” (Atti 2:36). Dawk li semgħuh ħassew kemm il-ħażen li kienu wettqu u kemm is-salvazzjoni li l-Mulej kien qed isawwab fuqhom, u “dan il-kliem li semgħu”, jgħid it-test “laqtilhom qalbhom” (Atti 2:37).

 

Dan hu r-rimors: mhux xi sens ta’ ħtija li jitfagħna mal-art, mhux xi skruplu li jipparalizzana, imma tingiża tajba li taħraq fuq ġewwa u tfejjaq, biex il-qalb, meta tara l-ħażen tagħha u tagħraf li hi midinba, tinfetaħ, tilqa’ l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, ilma ħaj li jċaqlaqha u jħalli jġelben id-dmugħ fuq il-wiċċ. Min jinża’ l-maskra tiegħu u jħalli lil Alla jħares lejn il-qalb tiegħu, jirċievi d-don ta’ dan id-dmugħ, l-ilmijiet l-aktar qaddisa wara dawk tal-Magħmudija.[1] Għeżież ħuti saċerdoti, illum dan nawguralkom.

 

Imma rridu nifhmu tajjeb xi jfisser nibku lilna nfusna. Ma jfissirx li noqogħdu nitħassru lilna nfusna, kif spiss aħna ttentati li nagħmlu. Dan iseħħ, ngħidu aħna, meta nkunu delużi jew imħassbin minħabba t-tamiet tagħna li sfaw fix-xejn, minħabba li l-oħrajn ma jifhmuniex, forsi sħabna jew is-superjuri tagħna. Jew meta, minħabba pjaċir stramb u mhux tajjeb tar-ruħ, inħobbu noqogħdu nixtarru t-tort li għamlulna u nimmaġinaw li l-futur ma jistax għajr jagħtina kontinwament sorpriżi negattivi. Din – jgħallimna San Pawl – hi d-diqa skont id-dinja, opposta għal dik id-diqa li hi skont Alla.[2]

 

Imma li nibku lilna nfusna jfisser jisgħobbina serjament li nikkitna lil Alla bid-dnub; ifisser li nagħraf li jiena dejjem fid-dejn u mhux għandu x’jagħtini ħaddieħor; ifisser li nammetti li tlift it-triq tal-qdusija, għax ma emmintx fl-imħabba ta’ Dak li ta ħajtu għalija.[3] Ifisser li nħares ġewwa fija u nagħli minħabba fl-ingratitudni tiegħi u fl-inkoerenza tiegħi; nimmedita b’diqa l-wiċċ b’ieħor u l-qerq tiegħi; ninżel fl-isqaqien tal-ipokrezija tiegħi, l-ipokrezija klerikali, għeżież ħuti, dik l-ipokrezija li fiha niżolqu tant, tant… Iftħu għajnejkom għall-ipokrezija klerikali. Biex imbagħad, nerġa’ nerfa’ ħarsti lejn il-Mislub u nħalli tqanqalni l-imħabba tiegħu li dejjem taħfer u terfa’ mill-ġdid, li ma tħalli qatt delużi t-tamiet ta’ min jafda fih. Hekk id-dmugħ ikompli jinżel u jsaffi l-qalb.

 

Fil-fatt, ir-rimors jitlob taħbit imma jrodd is-sliem; ma jġegħilx lil dak li jkun ibati, imma jħaffef ir-ruħ mit-toqol, għax jaġixxi fuq il-ġerħa tad-dnub, u jagħmel mezz li proprju hemm wieħed jirċievi ż-żegħila tal-Mulej li tibdel il-qalb meta hi “maqsuma u sogħbiena” (Salm 51:19), imrattba mid-dmugħ. Ir-rimors hu għalhekk l-antidotu għall-isklerokardija, dik l-ebusija tal-qalb tant ikkundannata minn Ġesù (ara Mk 3:5; 10:5). Fil-fatt, il-qalb, mingħajr indiema u sogħba, tibbies: l-ewwel tidra, imbagħad tagħlaq għajnejha għall-problemi u ssir indifferenti għall-persuni, allura ssir kiesħa u kważi ma tħoss xejn, bħal imgeżwra fi skorċa li ma titfarrakx, u fl-aħħar issir qalb tal-ġebel. Imma, kif il-qatra tħaffer fil-ġebla, hekk id-dmugħ ftit ftit iħaffer il-qlub iebsa. Hekk naraw iseħħ il-miraklu tan-niket, tan-niket it-tajjeb li jwassal għall-ħlewwa.

 

Nifhmu għalhekk għaliex l-imgħallma spiritwali jisħqu tant fuq ir-rimors. San Benedittu jistedinna ta’ kuljum “nistqarru lil Alla bid-dmugħ u l-krib il-ħtijiet tagħna tal-imgħoddi”,[4] u jistqarr li meta nitolbu “niġu mismugħa mhux minħabba kliemna, imma minħabba s-safa tal-qalb u r-rimors li minnu jġelben id-dmugħ”.[5] U jekk għal San Ġwann Kriżostmu demgħa waħda titfi kaldarun ħtijiet,[6] L-Imitazzjoni ta’ Kristu jirrakkomanda: “Nissel f’qalbek l-indiema”, għax “jekk inwarrbu u ma nagħtux kas tad-difetti tagħna, spiss ma nintebħux bil-ħsara għar-ruħ tagħna”.[7] Ir-rimors hu r-rimedju, għax ireġġagħna lura għall-verità tagħna nfusna, hekk li l-profondità tal-fatt li aħna midinbin tikxef ir-realtà bil-wisq u wisq ikbar tal-fatt li aħna maħfurin, il-ferħ li jien maħfur. Għalhekk ma għandniex għax nistagħġbu bl-affermazzjoni ta’ Iżakk ta’ Ninwe: “Dak li jinsa kemm huma kbar dnubietu, jinsa kemm hi kbira l-grazzja ta’ Alla miegħu”.[8]

 

Huwa minnu, għeżież ħuti, kull twelid mill-ġdid interjuri tagħna joħroġ dejjem mil-laqgħa bejn il-miżerja tagħna u l-ħniena tiegħu – jiltaqgħu l-miżerja tagħna u l-ħniena tiegħu –, kull twelid mill-ġdid interjuri jgħaddi mill-faqar tal-ispirtu tagħna li jippermetti lill-Ispirtu s-Santu li jagħnina. F’dan id-dawl nistgħu nifhmu l-istqarrijiet qawwija ta’ tant mgħallma spiritwali. Ejjew naħsbu f’dawn, paradossali, mill-ġdid ta’ San Iżakk: “Dak li jaf x’inhuma d-dnubiet tiegħu […] hu ikbar minn dak li bit-talb iqajjem il-mejtin. Dak li jibki siegħa fuqu nnifsu hu ikbar minn dak li jaqdi lid-dinja kollha bil-kontemplazzjoni […]. Dak li jingħatalu li jagħraf lilu nnifsu hu ikbar minn dak li jingħatalu li jara l-anġli”.[9]

 

Ħuti, niġu għalina, saċerdoti, u nistaqsu lilna nfusna kemm ir-rimors u d-dmugħ huma preżenti fl-eżami tal-kuxjenza tagħna u fit-talb tagħna. Nistaqsu jekk, mal-medda tas-snin, id-dmugħ żdiedx. F’dan l-aspett tajjeb li jseħħ il-kuntrarju għal dak li jseħħ fil-ħajja bijoloġika, fejn, meta nikbru, nibku inqas minn meta konna tfal. Imma fil-ħajja spiritwali, fejn jiswa li nsiru tfal (ara Mt 18:3), min ma jibkix, imur lura, jixjieħ minn ġewwa, waqt li min jasal għal talba iżjed sempliċi u qawwija, magħmula minn adorazzjoni u tqanqil quddiem Alla, dak jimmatura. Jintrabat dejjem inqas miegħu nnifsu u iżjed ma’ Kristu, u jsir fqir fl-ispirtu. Hekk iħossu iżjed qrib tal-foqra, dawk li Alla jippreferi, li qabel – kif jikteb San Franġisk fit-testment tiegħu – kien iżomm bogħod minnhom għax kien fid-dnub, imma li l-kumpanija tagħhom, imbagħad, minn morra ssirlu ħelwa.[10] U hekk min jisgħobbih f’qalbu jħossu dejjem iżjed ħu l-foqra kollha tad-dinja, iħossu iżjed ħuhom, mingħajr ħjiel ta’ superjorità jew ġudizzju aħrax, imma dejjem b’xewqa li jħobb u jagħmel tajjeb.

 

U din, ħuti għeżież, hi karatteristika oħra tar-rimors: is-solidarjetà. Qalb doċli, meħlusa mill-ispirtu tal-Beatitudnijiet, issir b’mod naturali inklinata biex tħoss rimors għall-oħrajn: flok tinkorla u tiskandalizza ruħha għall-ħażen li jagħmlu l-aħwa, tibki għal dnubiethom. Ma tiħux skandlu. L-affarijiet bħal jinqalbu, fejn it-tendenza naturali li nkunu laxki magħna nfusna u inflessibbli mal-oħrajn tinqaleb ta’ taħt fuq u, bi grazzja ta’ Alla, insiru sodi magħna nfusna u ħanina mal-oħrajn. U l-Mulej ifittex, speċjalment fost dawk li huma kkonsagrati lilu, lil min jibki d-dnubiet tal-Knisja u tad-dinja, u jsir strument ta’ interċessjoni għal kulħadd. Kemm xhieda erojċi fil-Knisja juruna din it-triq! Ejjew naħsbu fl-irħieb tad-deżert, fil-Lvant u fil-Punent; fl-interċessjoni kontinwa, magħmula minn karbiet u dmugħ, ta’ San Girgor ta’ Narek; fl-offerta Franġiskana għall-Imħabba mhux maħbuba; f’saċerdoti, bħall-Kurat ta’ Ars, li kienu jgħixu bil-penitenza għas-salvazzjoni tal-oħrajn. Għeżież ħuti, din mhix poeżija, dan hu s-saċerdozju!

 

Għeżież ħuti, minna, ir-Ragħajja tiegħu, il-Mulej ma jitlobx ġudizzji ta’ stmerrija fuq min ma jemminx, imma mħabba u dmugħ għal min hu mbiegħed. Is-sitwazzjonijiet diffiċli li naraw u ngħixu, in-nuqqas ta’ fidi, it-tbatijiet li mmissu b’idejna, f’kuntatt ma’ qalb niedma ma jqanqlux id-determinazzjoni fil-polemika, imma l-perseveranza fil-ħniena. Kemm għandna bżonn li nkunu ħielsa mill-ebusija u l-ġudizzji, mill-egoiżmi u l-ambizzjonijiet, mir-riġidità u l-iskuntentizza, biex nafdaw lilna nfusna u lill-oħrajn f’idejn Alla, u nsibu fih paċi li ssalva minn kull tempesta! Naduraw, ninterċedu u nibku għall-oħrajn: inħallu lill-Mulej iwettaq l-għeġubijiet. U ma nibżgħux: hu jissorprendina!

 

Il-ministeru tagħna jgawdi minn dan. Illum, f’soċjetà sekulari, qed nirriskjaw li nkunu attivi ħafna u fl-istess waqt li nħossuna ma nistgħu nagħmlu xejn, bir-riżultat li nitilfu l-ħeġġa u niġu ttentati “ntellgħu x-xbiek fid-dgħajsa”, li ningħalqu fit-tgergir u nħallu l-kobor tal-problemi jitfi l-kobor ta’ Alla. Jekk iseħħ dan, insiru morri u niggieża, dejjem nitkellmu fuq l-oħrajn, dejjem infittxu l-okkażjoni biex ingemgmu. Imma jekk l-imrar u r-rimors, flok fuq id-dinja, indawruhom fuq qalbna stess, il-Mulej mhux sa jibqa’ lura milli jżurna u jerfagħna mill-ġdid. Kif iħeġġiġna nagħmlu L-Imitazzjoni ta’ Kristu: “La tindaħalx fi ħwejjeġ tal-oħrajn, u timliex rasek bl-affarijiet tal-kbarat. L-ewwel ma għandu jimpurtak minnek innifsek; u qabel ma twissi lill-ħbieb tiegħek, wissi lilek innifsek. Xejn teħodha bi kbira jekk tara li ma intix miġjub min-nies fuq l-idejn; għandek tagħli li ma għandekx dik il-ġabra u dak il-għaqal li jixraq lil min hu serv ta’ Alla, lil min hu reliġjuż”.[11]

 

Fl-aħħar nett, nixtieq nagħfas fuq aspett essenzjali: ir-rimors mhux tant frott tat-taħriġ tagħna, imma grazzja u bħala tali għandna nitolbuh fit-talb. L-indiema hi don ta’ Alla, frott tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Biex ngħinu ħalli din tikber, naqsam magħkom żewġ pariri. L-ewwel hu dak li ma tħarsux lejn il-ħajja u s-sejħa minn perspettiva ta’ effiċjenza u ta’ immedjatezza, marbuta biss mal-lum u mal-urġenzi u l-aspettattivi tal-lum, imma mal-ġabra tal-passat u tal-futur flimkien. Mill-passat, niftakru l-fedeltà ta’ Alla – Alla hu fidil –, u nagħmlu memorja tal-maħfra tiegħu, inniżżlu l-ankri tagħna fi mħabbtu; u mill-futur, naħsbu fid-destinazzjoni eterna li għaliha msejħin, fil-fini aħħari tal-ħajja tagħna. Li nwessgħu l-ixfqa tagħna, għeżież ħuti, li nwessgħu l-ixfqa jgħinna nwessgħu qalbna, jistimulana nerġgħu nidħlu fina nfusna mal-Mulej u ngħixu r-rimors. It-tieni parir, li jiġi bħala konsegwenza: niskopru mill-ġdid il-ħtieġa li niddedikaw ruħna għal talb li mhuwiex ta’ bilfors jew funzjonali, imma gratuwitu, kalm u fit-tul. Ħija, kif inhu t-talb tiegħek? Nerġgħu lura għall-adorazzjoni – insejtha l-adorazzjoni? – u nerġgħu lura għat-talba tal-qalb. Intennu: Ġesù, Bin Alla, ħenn għalija, midneb. Inħossu l-kobor ta’ Alla fiċ-ċkunija tagħna ta’ midinba, biex inħarsu ġewwa fina u nħallu l-ħarsa tiegħu tinfidna. Niskopru mill-ġdid l-għerf ta’ Ommna l-Knisja Mqaddsa, li tintroduċina għat-talb dejjem bl-invokazzjoni tal-imsejken u fqajjar li jgħajjat: O Alla, ejja eħlisni.

 

Għeżież, ejjew fl-aħħar nett nerġgħu lura għal San Pietru u d-dmugħ tiegħu. L-altar fuq il-qabar tiegħu ma jistax ħlief iġagħalna naħsbu f’kemm drabi aħna, li hemmhekk ta’ kuljum ngħidu: “Ħudu, u kulu minnu lkoll: dan huwa Ġismi li jingħata għalikom”, kemm drabi niddeludu u nnikktu lil Dak li jħobbna sal-punt li jagħmel minn idejna l-istrumenti tal-preżenza tiegħu. Għalhekk tajjeb li nagħmlu tagħna dawk il-kelmiet li bihom inħejju ruħna minn taħt l-ilsien: “Ilqagħna, Mulej, umli u niedma quddiemek”, u mill-ġdid: “Aħsilni kollni, Mulej, mill-ħtija tiegħi, u mid-dnub tiegħi naddafni”. F’kollox, ħuti, tfarraġna ċ-ċertezza li llum tagħtina l-Kelma: il-Mulej, ikkonsagrat bid-dilka (ara Lq 4:18), ġie “jdewwi l-qalb miksura” (Iż 61:1). Mela, jekk il-qalb tinkiser, tista’ tiġi mdewwija u mfejqa minn Ġesù. Grazzi, għeżież saċerdoti, grazzi tal-qalb miftuħa u doċli tagħkom; grazzi tat-taħbit tagħkom u grazzi tal-biki tagħkom; grazzi għax intom iġġorru l-ġmiel tal-ħniena – aħfru dejjem, kunu ħanina – u wasslu din il-ħniena, wasslu lil Alla għand l-aħwa ta’ żmienna. Għeżież saċerdoti, il-Mulej ifarraġkom, iwettaqkom u jħallaskom. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] “Il-Knisja għandha l-ilma u d-dmugħ: l-ilma tal-Magħmudija, id-dmugħ tal-Penitenza” (Sant’Ambroġ, Epistula extra collectionem, I, 12).

[2] “Swied il-qalb kif irid Alla jnissel l-indiema għas-salvazzjoni, li minnha ħadd ma jibdielu; imma swied il-qalb kif trid id-dinja jwassal għall-mewt” (2 Kor 7:10).

[3] Ara San Ġwann Kriżostmu, De compunctione, I, 10.

[4] Regola, IV,57.

[5] Ibid., XX,3.

[6] Ara De pænitentia, VII,5.

[7] Kap. XXI.

[8] Diskorsi axxetiċi (III Koll.), XII.

[9] Diskorsi axxetiċi (I Koll.), XXXIV (verż. Griega).

[10] Ara FF 110.

[11] Kap. XXI.