|
ĠUBLEW TAD-DINJA TAL-VOLONTARJAT
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
MOQRIJA MILL-KARDINAL MICHAEL CZERNY
Pjazza San Pietru
L-I Ħadd tar-Randan, 9 ta’ Marzu 2025
L-Ispirtu jieħu lil Ġesù fid-deżert (Lq 4:1). Kull sena, il-mixja tagħna tar-Randan tibda billi nimxu wara l-Mulej f’dan l-ispazju, li hu jgħaddi minnu u jibdlu għalina. Meta Ġesù jidħol fid-deżert, fil-fatt, isseħħ bidla deċiżiva: il-post tas-skiet isir ambjent tas-smigħ. Smigħ imġarrab, għax irid jagħżel lil min jagħti widen bejn żewġ vuċijiet kontra xulxin għalkollox. Huwa u jipproponilna dan it-taħriġ, il-Vanġelu jagħti xhieda li l-mixja ta’ Ġesù tibda b’att ta’ ubbidjenza: huwa l-Ispirtu s-Santu, l-istess qawwa ta’ Alla, li jieħdu hemm fejn xejn tajjeb ma jikber mill-art u lanqas tagħmel xita mis-sema. Fid-deżert, il-bniedem iġarrab il-faqar materjali u spiritwali tiegħu, il-bżonn tal-ħobż u tal-kelma.
Anki Ġesù, veru bniedem, jagħtih il-ġuħ (ara v. 2) u għal erbgħin jum hu ttentat minn kelma li mhix ġejja mill-Ispirtu s-Santu, imma minn dak il-ħażin, mix-xitan. Hekk kif għadna kemm dħalna fl-erbgħin jum tar-Randan, ejjew nirriflettu fuq il-fatt li mqar jekk aħna ttentati, imma ma aħniex waħidna: magħna hemm Ġesù, li jiftħilna t-triq fid-deżert. L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem ma jillimitax ruħu li jagħtina mudell fit-taqbida kontra l-ħażen. Iktar minn hekk: jagħtina l-qawwa biex nirreżistu għall-attakki tiegħu u nipperseveraw fil-mixja tagħna.
Mela ejjew inqisu tliet karatteristiċi tat-tentazzjoni ta’ Ġesù u anki tagħna: il-bidu, il-mod, l-eżitu. Nikkonfrontaw dawn iż-żewġ esperjenzi, u hawn insibu l-qawwa għall-mixja tagħna ta’ konverżjoni.
Qabelxejn, fil-bidu tagħha t-tentazzjoni ta’ Ġesù hi mixtieqa: il-Mulej imur fid-deżert mhux biex jagħmel xi bravura jew juri kemm hu b’saħħtu, imma minħabba d-disponibbiltà filjali tiegħu lejn l-Ispirtu tal-Missier, li hu jikkorrispondi bi prontezza għal fejn imexxih. Imma t-tentazzjoni tagħna hi ħaġa li jkollna nġarrbuha: il-ħażen jiġri qabel il-libertà tagħna, jgħawwarha minn ġewwa bħal dell ġewwieni u periklu kostanti. Waqt li nitolbu lil Alla ma jitlaqniex għat-tiġrib (ara Mt 6:13), niftakru hu diġà ta widen għal din it-talba permezz ta’ Ġesù, il-Verb li ħa l-ġisem biex jibqa’ magħna, dejjem. Il-Mulej hu qrib tagħna u jieħu ħsieb tagħna fuq kollox fil-post tal-prova u tas-suspett, jiġifieri meta t-tentatur jerfa’ leħnu. Dan hu missier il-gideb (ara Ġw 8:44), korrott u jikkorrompi, għax hu jaf il-kelma ta’ Alla, imma ma jifhimhiex. Anzi, jgħawwiġha: kif għamel sa minn żmien Adam, fil-ġnien tal-Għeden (ara Ġen 3:1-5), hekk jagħmel issa kontra Adam il-ġdid, Ġesù, fid-deżert.
Hawnhekk nifhmu l-mod singulari li bih Kristu jiġi ttentat, jiġifieri fir-relazzjoni ma’ Alla, Missieru. Ix-xitan hu dak li jifred, id-diviżur, waqt li Ġesù hu dak li jgħaqqad lil Alla u l-bniedem, il-medjatur. Fil-perverżjoni tiegħu, id-demonju jrid jeqred din ir-rabta, u jagħmel minn Ġesù xi ħadd ipprivileġġjat: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż” (v. 3). U mill-ġdid: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel” (v. 9) minn fuq il-quċċata tat-Tempju. Quddiem dawn it-tentazzjonijiet Ġesù, Bin Alla, jiddeċiedi b’liema mod ikun iben. Fl-Ispirtu li jmexxih, l-għażla tiegħu tikxef kif irid jgħix ir-relazzjoni filjali tiegħu mal-Missier. Dan hu li jiddeċiedi l-Mulej: din ir-rabta waħdanija u esklussiva ma’ Alla, li tiegħu hu l-Iben il-Waħdieni, issir relazzjoni li tinvolvi lil kulħadd, bla ma teskludi lil ħadd. Ir-relazzjoni mal-Missier hija d-don li Ġesù jaqsam fid-dinja għas-salvazzjoni tagħna, mhux teżor għajjur (ara Fil 2:6) li jiftaħar bih biex jikseb suċċess u jiġbed lejh is-segwaċi.
Aħna wkoll niġu ttentati fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, imma bil-maqlub. Fil-fatt, ix-xitan ifesfes f’widnejna li Alla mhuwiex tassew Missierna; li fir-realtà hu abbandunana. Satana jimmira biex jikkonvinċina li għall-imġewħin ma hemmx ħobż, wisq inqas mill-ġebel, lanqas mhu se jgħinuna l-anġli fid-diżgrazzji. L-iktar l-iktar, id-dinja tinsab f’idejn qawwiet il-ħażen, li jgħaffġu taħthom il-popli bl-arroganza tal-kalkoli tagħhom u l-vjolenza tal-gwerra. Proprju waqt li d-demonju jrid iġagħalna nemmnu li l-Mulej hu mbiegħed minna, u jwassalna għad-disperazzjoni, Alla jiġi iktar u iktar qrib tagħna, u jagħti ħajtu għall-fidwa tad-dinja.
U hawn jiġi t-tielet aspett: l-eżitu tat-tentazzjonijiet. Ġesù, il-Midluk ta’ Alla, jirbaħ fuq il-ħażen. Hu jiċħad lix-xitan, li madankollu jerġa’ jiġi biex jittentah meta “wasal il-waqt” (v. 13). Hekk jgħid il-Vanġelu, u niftakru f’dan meta, fuq il-Golgota, mill-ġdid nisimgħu lil min jgħid lil Ġesù: “Jekk inti Bin Alla, inżel mis-salib” (Mt 27:40; ara Lq 23:35). Fid-deżert it-tentatur jiġi mirbuħ, imma r-rebħa ta’ Kristu għadha mhix defenittiva: issir hekk fl-Għid tal-mewt u l-qawmien tiegħu.
Aħna u nħejju ruħna biex niċċelebraw il-Misteru ċentrali tal-fidi, ejjew nagħrfu li l-eżitu tal-prova tagħna hu differenti. Quddiem it-tentazzjoni, aħna xi drabi naqgħu: aħna lkoll midinba. Imma t-telfa mhix għal dejjem, għax Alla jerfagħna minn kull waqgħa bil-maħfra tiegħu, infinitament kbira fl-imħabba. Il-prova tagħna allura ma tispiċċax b’falliment, għax fi Kristu niġu mifdija mill-ħażen. Meta naqsmu d-deżert miegħu, nimxu triq fejn ma kienx hemm waħda: Ġesù nnifsu jiftaħ għalina din it-triq ġdida, ta’ ħelsien u fidwa. Jekk nimxu bil-fidi wara l-Mulej, minn vagabondi nsiru pellegrini.
Għeżież ħuti, nistedinkom biex ninbdew hekk il-mixja tagħna tar-Randan. U billi, matul it-triq, hemm bżonn ta’ dik ir-rieda tajba li l-Ispirtu s-Santu dejjem iwieżen, jiena nieħu pjaċir insellem lill-voluntiera kollha li llum jinsabu preżenti f’Ruma għall-pellegrinaġġ ġubilari tagħhom. Grazzi ħafna, għeżież, għax fuq l-eżempju ta’ Ġesù intom qed taqdu lill-proxxmu bla ma tinqdew bil-proxxmu. Fit-triq u qalb id-djar, maġenb il-morda, dawk li qed ibatu, il-ħabsin, maż-żgħażagħ u mal-anzjani, id-dedikazzjoni tagħkom ixxerred tama fis-soċjetà tagħna. Fid-deżertijiet tal-faqar u tas-solitudni, tant ġesti ċkejkna ta’ servizz mogħti b’xejn iwarrdu umanità ġdida: dan il-ġnien li Alla ħolom u jibqa’ joħlom għalina lkoll.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard