|
ĠUBLEW TAL-ARTISTI U TAD-DINJA TAL-KULTURA
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
MOQRIJA MILL-KARDINAL JOSÉ TOLENTINO DE MENDONÇA
Bażilika ta’ San Pietru
Is-VI Ħadd ta’ Matul is-Sena, 16 ta’ Frar 2025
Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, Ġesù jipproklama l-Beatitudnijiet quddiem id-dixxipli tiegħu u folla kbir ta’ nies. Smajniehom ħafna drabi, imma xorta ma jiqfux jgħaġġbuna: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew” (Lq 6:20-21). Dawn il-kelmiet jaqilbu ta’ taħt fuq il-loġika tad-dinja u jistednuna nħarsu lejn ir-realtà b’għajnejn ġodda, bil-ħarsa ta’ Alla, li jara lil hemm mill-apparenzi u jagħraf il-ġmiel, saħansitra fid-dgħufija u fit-tbatija.
It-tieni parti fiha kelmiet iebsa u ta’ twissija: “Ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku” (Lq 6:24-25). Il-kuntrast bejn “henjin intom” u “ħażin għalikom” ifakkarna fl-importanza li ngħarblu fejn għandna nqiegħdu ċ-ċertezza tagħna.
Intom, artisti u persuni ta’ kultura, intom imsejħin tkunu xhieda tal-viżjoni rivoluzzjonarja tal-Beatitudnijiet. Il-missjoni tagħkom hi li mhux biss toħolqu l-ġmiel, imma li turu l-verità, it-tjieba u l-ġmiel moħbija fix-xquq tal-istorja, li tagħtu leħen lil min m’għandux, li tibdlu n-niket f’tama.
Qed ngħixu fi żmien ta’ kriżi kumplessa, li hi ekonomika u soċjali u, qabelxejn, hi kriżi tar-ruħ, kriżi ta’ sinifikat. Għandna quddiemna l-kwistjoni taż-żmien u tar-rotta. Aħna pellegrini jew tlifna t-triq? Mexjin b’destinazzjoni jew aħna mitlufa niġġerrew? L-artista hu dak jew dik li għandu l-missjoni li jgħin lill-umanità ma titlifx id-direzzjoni, biex titlifx ix-xefaq tat-tama.
Imma attenti: mhijiex tama faċli, superfiċjali, maqtugħa mir-realtà. Le! It-tama vera tintiseġ mad-dramma tal-eżistenza umana. Mhijiex kenn komdu, imma nar li jaqbad u jdawwal, bħall-Kelma ta’ Alla. Għalhekk l-arti awtentika hi dejjem laqgħa mal-misteru, mal-ġmiel li jgħaddina, mat-tbatija li tisfidana, mal-verità li ssejħilna. Inkella, “ħażin għalina”! Il-Mulej hu sever fl-appell tiegħu.
Kif jikteb il-poeta Gerard Manley Hopkins, “id-dinja hi mimlija bil-kobor ta’ Alla. / Hi tilma bħad-dawl meta ċċaqlaq il-fojl”. Din hi l-missjoni tal-artista: li jiskopri u juri dak il-kobor moħbi, biex għajnejna u qlubna jistgħu jilmħuh. L-istess poeta kien iħoss ikoll fid-dinja “eku taċ-ċomb” u “eku tad-deheb”. L-artista hu sensibbli għal dawn ir-riżonanzi u, bl-opra tiegħu, iwettaq dixxerniment u jgħin lill-oħrajn jiddixxernu bejn id-diversi eki tal-ġrajjiet ta’ din id-dinja. U l-bnedmin ta’ kultura huma msejħa jiżnu dawn l-eki, ifehmuhomlna u jdawlu t-triq li fiha jmexxuna: jekk humiex għana tas-sireni li jisseduċu jew inkella humiex sejħat mill-umanità l-aktar vera tagħna. Intom mitluba jkollkom dan l-għerf biex tagħżlu bejn dak li hu bħal “tibna li jtajjarha r-riħ” u dak li hu sod “bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma” u kapaċi tagħmel il-frott (ara Salm 1:3-4).
Għeżież artisti, jien nara fikom ħarriesa tal-ġmiel li jaf jitbaxxa fuq il-ġrieħi tad-dinja, li jaf jisma’ l-karba tal-foqra, tal-batuti, tal-midruba, tal-ħabsin, tal-ippersegwitati, tar-rifuġjati. Nara fikom ħarriesa tal-Beatitudnijiet! Qed ngħixu f’epoka li fiha qed jogħlew ħitan ġodda, fejn id-differenzi jsiru pretest għall-firda minflok okkażjoni ta’ arrikkiment reċiproku. Imma intom, irġiel u nisa ta’ kultura, intom imsejħin tibnu pontijiet, biex toħolqu spazji ta’ laqgħa u djalogu, biex iddawlu l-imħuħ u ssaħħnu l-qlub.
Xi ħadd jista’ jistaqsi: “Imma għal xiex tista’ sservi l-arti f’dinja midruba? Forsi ma hemmx ħwejjeġ aktar urġenti, aktar konkreti, akar neċessarji?”. L-arti mhijiex lussu, imma ħtieġa tal-ispirtu. Mhijiex ħarba, imma responsabbiltà, stedina għall-azzjoni, sejħa, karba. Nedukaw għall-ġmiel ifisser nedukaw għat-tama. U t-tama qatt ma hi mifruda mid-dramma tal-eżistenza: tgħaddi mit-taqbida ta’ kuljum, mit-taħbit tal-ħajja, mill-isfidi ta’ dan iż-żmien tagħna.
Fil-Vanġelu li smajna llum, Ġesù jsejjaħ henjin lill-foqra, lill-maħqurin, lill-umli, lill-ippersegwitati. Hija loġika maqluba ta’ taħt fuq, rivoluzzjoni tal-perspettiva. L-arti hi sejħa biex nieħdu sehem f’din ir-rivoluzzjoni. Id-dinja għandha bżonn ta’ artisti profetiċi, ta’ intellettwali kuraġġjużi, ta’ dawk li joħolqu l-kultura.
Ħallu jmexxikom il-Vanġelu tal-Beatitudnijiet, u l-arti tagħkom ħa tkun tħabbira ta’ dinja ġdida. Il-poeżija tagħkom turihulna dan! Tieqfu qatt tfittxu, tistaqsu, tirriskjaw. Għax l-arti vera qatt ma hi komda, toffri l-paċi tat-tħassib. U ftakru: it-tama mhix illużjoni; il-ġmiel mhux utopija; id-don tagħkom mhuwiex kumbinazzjoni, hu sejħa. Wieġbu b’ġenerożità, b’passjoni, bi mħabba.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard