QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Ħamis ix-Xirka, 6 ta’ April 2023

 

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi” (Lq 4:18): minn dan il-vers bdiet il-predikazzjoni ta’ Ġesù u bl-istess vers bdiet il-Kelma li smajna llum (ara Iż 61:1). Allura, fil-bidu, hemm l-Ispirtu tal-Mulej.

 

U hu fuqu li nixtieq nirrifletti llum magħkom, għeżież ħuti fis-saċerdozju, fuq l-Ispirtu tal-Mulej. Għax mingħajr l-Ispirtu tal-Mulej ma hemmx ħajja Nisranija u, mingħajr id-dilka tiegħu ma hemmx qdusija. Huwa l-protagonista, u hi ħaġa sabiħa llum, fil-jum li fih twieled is-saċerdozju, li nagħrfu li hemm hu fil-bidu tal-ministeru tagħna, tal-ħajja u tal-vitalità ta’ kull Ragħaj. Ommna l-Knisja Mqaddsa fil-fatt tgħallimna nistqarru li l-Ispirtu s-Santu “jagħti l-ħajja”,[1] kif stqarr Ġesù nnifsu meta qal: “Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja” (Ġw 6:63); tagħlim li jerġa’ jaqbdu l-Appostlu Pawlu, li kiteb li “l-ittra toqtol, imma l-Ispirtu jagħti l-ħajja” (2 Kor 3:6) u tkellem fuq il-“liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù” (Rum 8:2). Mingħajru lanqas il-Knisja ma tkun l-Għarusa ħajja ta’ Kristu, imma l-aktar l-aktar tkun organizzazzjoni reliġjuża – xi ftit jew wisq tajba; ma tkunx il-Ġisem ta’ Kristu, imma tempju mibni b’idejn il-bniedem. Kif nistgħu nibnu lill-Knisja, mela, jekk mhux billi nibdew mill-fatt li aħna “tempji tal-Ispirtu s-Santu” li “jgħammar fina” (ara 1 Kor 6:19; 3:16)? Ma nistgħux inħalluh barra mid-dar jew nipparkjawh f’xi żona devozzjonali, le, fiċ-ċentru! Għandna bżonn ngħidu ta’ kuljum: “Ejja, għax mingħajr il-qawwa tiegħek xejn ma hemm fil-bniedem”.[2]

 

L-Ispirtu tal-Mulej fuqi. Kull wieħed minna jista’ jgħid dan; u din mhix xi preżunzjoni, hi realtà, billi kull Nisrani, b’mod partikulari kull saċerdot, jista’ jagħmel tiegħu l-kelmiet li ġejjin: “għax il-Mulej ikkonsagrani bid-dilka” (Iż 61:1). Ħuti, bla mertu tagħna, bi grazzja pura aħna rċivejna dilka li għamlitna missirijiet u ragħajja fil-Poplu qaddis ta’ Alla. Ejjew mela nieqfu fuq dan l-aspett tal-Ispirtu: id-dilka.

 

Wara l-ewwel “dilka” li seħħet fil-ġuf ta’ Marija, l-Ispirtu niżel fuq Ġesù fil-Ġordan. Wara dan, kif jispjega San Bażilju, “kull azzjoni [ta’ Kristu] seħħet bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu miegħu”.[3] Bil-qawwa ta’ dik id-dilka, fil-fatt, kien jipprietka u jwettaq sinjali, bil-qawwa tagħha “minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq” (Lq 6:19). Ġesù u l-Ispirtu jaħdmu dejjem flimkien, hekk li huma ż-żewġ dirgħajn tal-Missier –[4] Irinew jgħidu dan – li, miftuħa lejna, iħaddnuna u jerfgħuna mill-ġdid. U minnhom ġew immarkati l-idejn tagħna, midluka mill-Ispirtu ta’ Kristu. Iva, ħuti, il-Mulej mhux biss għażilna u sejħilna minn hawn, minn hemm: hu sawwab fuqna d-dilka tal-Ispirtu tiegħu, l-istess wieħed li niżel fuq l-Appostli. Ħuti, aħna “midlukin”.

 

Mela ejjew inħarsu lejhom, lejn l-Appostli. Ġesù għażilhom u għas-sejħa tiegħu ħallew id-dgħajjes, ix-xbieki, id-dar u l-bqija… Id-dilka tal-Kelma bidlet il-ħajja tagħhom. B’ħeġġa mxew wara l-Imgħallem u bdew jipprietkaw, konvinti li għad iwettqu ħwejjeġ ikbar; sakemm waslet il-Passjoni. Hemm kollox deher bħal donnu jieqaf: waslu biex jiċħdu u jabbandunaw lill-Imgħallem. Ma għandniex għax nibżgħu. Ħa nkunu qalbiena meta naqraw il-ħajja tagħna u l-waqgħat tagħna. Waslu biex jiċħdu u jabbandunaw lill-Imgħallem, Pietru l-ewwel wieħed. Kellhom iħabbtu wiċċhom man-nuqqas ta’ ħila tagħhom u ntebħu li ma kinux fehmuh: il-“ma nafux lil dan il-bniedem” (Mk 14:71), li Pietru lissen fil-bitħa tal-qorti tal-qassis il-kbir wara l-Aħħar Ċena, mhix biss difiża impulsiva, imma ammissjoni ta’ injoranza spiritwali: hu u l-oħrajn forsi kienu qed jistennew ħajja ta’ suċċessi wara Messija li jkaxkar għal warajh il-folol u li jagħmel l-għeġubijiet, imma ma għarfux l-iskandlu tas-salib, li xejjen iċ-ċertezzi tagħhom. Ġesù kien jaf li waħidhom ma kinux se jaslu u għalhekk wegħedhom il-Paraklitu. U kienet proprju dik it-“tieni dilka”, f’Pentekoste, li bidlet lid-dixxipli u wasslithom biex jirgħu l-merħla ta’ Alla u mhux iżjed lilhom infushom. U din hi l-kontradizzjoni li trid tissolva: jiena ragħaj tal-poplu ta’ Alla jew tiegħi nnifsi? U hemm l-Ispirtu li jgħallimni t-triq. Kienet dik id-dilka tan-nar li tfiet ir-reliġjożità tagħhom iċċentrata fuqhom infushom u fuq il-ħiliet tagħhom: issa li laqgħu lill-Ispirtu, ġew fix-xejn il-biżgħat u t-tlajjar ta’ Pietru; Ġakbu u Ġwanni, imħeġġin bix-xewqa li jagħtu ħajjithom, ma jibqgħux ifittxu l-postijiet tal-unur (ara Mk 10:35-45), il-karreriżmu tagħna, ħuti; l-oħrajn ma jibqgħux magħluqin iżjed u mbeżżgħin fiċ-Ċenaklu, imma joħorġu u jsiru appostli fid-dinja. Huwa l-Ispirtu li jibdel il-qalb tagħna, li jqegħidha fuq dak il-livell differenti.

 

Ħuti, mixja simili tħaddan il-ħajja saċerdotali u appostolika tagħna. Għalina wkoll kien hemm l-ewwel dilka, li bdiet b’sejħa ta’ mħabba li serqitilna qalbna. Għaliha aħna ħallejna l-post fejn konna ttrakkati u fuq dak l-entużjażmu ġenwin niżlet il-qawwa tal-Ispirtu, li kkonsagrana. Imbagħad, skont iż-żminijiet ta’ Alla, tasal għal kull wieħed it-tappa tal-Għid, li timmarka l-mument tal-verità. U hu mument ta’ kriżi, li tieħu diversi forom. Kulħadd, illum jew għada, jiġrilu li jduq delużjonijiet, taħbit, dgħufijiet, bl-ideal donnu jiġi fix-xejn qalb l-esiġenzi ta’ dak li hu reali, waqt li tindiehes ċerta mentalità ta’ dak li mdorrijin bih u xi provi, li għall-bidu kien diffiċli nimmaġinawhom, jagħmlu l-fedeltà tidher iżjed skomda milli kienet qabel. Din it-tappa – ta’ din it-tentazzjoni, ta’ din il-prova li kollha kellna, għandna u se jkollna – din it-tappa tirrappreżenta qabża deċiżiva għal min irċieva d-dilka. Minnha nistgħu noħorġu ħażin, u nxaqilbu lejn ċerta medjokrità, nitkaxkru għajjiena f’“normalità” fejn jidħlu tliet tentazzjonijiet perikolużi: dik tal-kompromess, fejn nikkuntentaw ruħna b’dak li nistgħu nagħmlu; dik tas-surrogati, fejn nippruvaw “narmaw ruħna” bi ħwejjeġ oħra fejn tidħol id-dilka tagħna; dik tal-qtigħ il-qalb – li hi l-iżjed komuni –, fejn, imdejqin, nibqgħu għaddejjin biss b’mod passiv. U hawn jinsab ir-riskju l-kbir: waqt li jibqgħu intatti l-apparenzi – “Jiena saċerdot, jiena qassis” –, inkunu qed nitkagħwġu fuqna nfusna u nippruvaw inkampaw bla saħħa; il-fwieħa tad-dilka ma tibqax tfewwaħ iżjed il-ħajja u l-qalb; u l-qalb tidjieq flok titwessa’, imxebbgħa kif tkun. Bħall-ilma distillat! Meta s-saċerdozju ftit ftit jiżloq lejn il-klerikaliżmu u s-saċerdot jinsa li hu ragħaj tal-poplu, biex isir kjeriku tal-Istat.

 

Imma din il-kriżi tista’ ssir ukoll l-iżvolta tas-saċerdozju, it-“tappa deċiżiva tal-ħajja spiritwali, fejn trid isseħħ l-aħħar għażla bejn Ġesù u d-dinja, bejn l-erojċità tal-karità u l-medjokrità, bejn is-salib u ċertu benessri, bejn il-qdusija u fedeltà onesta għall-impenn reliġjuż”.[5] Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni se jagħtukom bħala rigal ktieb klassiku, ktieb li jittratta din il-problema: It-tieni sejħa hu klassiku ta’ Patri Voillaume li jmiss din il-problema, aqrawh. Imbagħad ilkoll kemm aħna għandna bżonn nirriflettu fuq dan il-mument tas-saċerdozju tagħna. Huwa l-mument imbierek li fih aħna, bħala d-dixxipli tal-Għid, imsejħin inkunu “umli biżżejjed li nistqarru ruħna mirbuħa minn Kristu umiljat u mislub, u li naċċettaw li nibdew mixja ġdida, dik tal-Ispirtu, tal-fidi u tal-imħabba qawwija u mingħajr illużjonijiet”.[6] Huwa l-kairos li fih niskopru li “l-kollox ma jispiċċax jabbanduna d-dgħajsa u x-xbieki biex jimxi wara Ġesù f’ċertu żmien, imma jitlob minna li naslu sal-Kalvarju, li nilqgħu l-lezzjoni u l-frott tiegħu, u li bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu naslu sat-tmiem ta’ ħajja li trid tintemm fil-perfezzjoni tal-Karità divina”.[7] Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu: huwa ż-żmien, għalina kif ukoll għall-Appostli, tat-“tieni dilka”, żmien tat-tieni sejħa li rridu nisimgħu, tat-tieni dilka, fejn nilqgħu l-Ispirtu mhux biss fuq l-entużjażmu tal-ħolm tagħna, imma fuq id-dgħufija tar-realtà tagħna. Hija dilka li tagħmel verità fil-profond, li tippermetti lill-Ispirtu li jidilkilna d-dgħufijiet, it-taħbit, il-faqar ġewwieni. Hawn id-dilka tfewwaħ mill-ġdid: biH, mhux bina. F’dan il-mument, fil-qalb tiegħi, qed niftakar f’xi wħud minnkom li jinsabu fi kriżi – ħa ngħidu hekk – li huma diżorjentati u li ma jafux kif jaqbdu t-triq, kif jerġgħu jsibu t-triq f’din it-tieni dilka tal-Ispirtu. Lil dawn l-aħwa – qegħdin quddiem għajnejja – sempliċiment ngħidilhom: kuraġġ, il-Mulej hu akbar mid-dgħufijiet tiegħek, mid-dnubiet tiegħek. Afda fil-Mulej u ħallih isejjaħlek it-tieni darba, din id-darba bid-dilka tal-Ispirtu s-Santu. Il-ħajja doppja mhux ħa tgħinek; lanqas li tarmi kollox mit-tieqa ’l barra. Ħares ’il quddiem, ħalli tmellsek id-dilka tal-Ispirtu s-Santu.

 

U t-triq b’dan il-pass ta’ maturazzjoni hi li nammettu l-verità tad-dgħufija tagħna. Għal dan qed isejħilna “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 16:13), li jqanqalna biex inħarsu fil-fond ta’ ġo fina, biex nistaqsu: ir-realizzazzjoni tiegħi tiddependi mill-bravura tiegħi, mir-rwol li nikseb, mill-kumplimenti li nirċievi, mill-karriera li nagħmel, mis-superjuri jew kollaboraturi, inkella mill-kumditajiet li nista’ niggarantixxi lili nnifsi, jew mid-dilka li tfewwaħ il-ħajja tiegħi? Ħuti, il-maturità saċerdotali tgħaddi mill-Ispirtu s-Santu, isseħħ meta hu jsir il-protagonista tal-ħajja tagħna. Hemm kollox jibdel il-perspettiva, anki d-delużjonijiet u l-imrar – anki d-dnubiet –, għax hawn m’aħniex iżjed infittxu li nkunu aħjar milli aħna billi nirranġaw xi ħaġa, imma li ningħataw, bla ma nżommu xejn għalina, lil Dak li għaddasna fid-dilka tiegħu u jrid jinżel sa ġewwa nett fina. Ħuti, ejjew mela nerġgħu niskopru li l-ħajja spiritwali ssir ħielsa u hienja mhux meta nsalvaw il-forom u nħitu xi punt, imma meta nħallu l-inizjattiva f’idejn l-Ispirtu u, aħna u nintelqu fil-pjanijiet tiegħu, ningħataw biex naqdu fejn u kif jiġi mitlub minna: is-saċerdozju tagħna ma jikbirx billi noqogħdu nraqqgħu fih, imma billi nħallu l-grazzja tfawwarna!

 

Jekk inħallu jaħdem fina l-Ispirtu tal-verità, inħarsu d-dilka – inħarsu d-dilka – għax il-falzitajiet – l-ipokreziji klerikali – il-falzitajiet li bihom aħna ttentati nikkonvivu minnufih jiġu għad-dawl. U l-Ispirtu, li “jnaddaf kull fejn hemm it-tbajja’”, jissuġġerilna, bla heda, biex “ma ntebbgħux id-dilka”, lanqas ftit. Tiġini f’moħħi dik il-frażi ta’ Koħelet, li jgħid: “Id-dubbien mejjet initten il-fwieħa fil-vażett (10:1). Huwa minnu, kull doppjezza – id-doppjezza klerikali, araw ftit – kull doppjezza hi perikoluża: ma għandhiex tiġi ttollerata, imma tikixef taħt id-dawl tal-Ispirtu. Għax jekk “qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra” (Ġer 17:9), l-Ispirtu s-Santu, hu waħdu, ifejjaqna mill-infedeltajiet (ara Hos 14:5). Din hi għalina ġlieda li ma nistgħux nerġgħu lura minnha: fil-fatt hu indispensabbli, kif kiteb San Girgor il-Kbir, li “min iħabbar il-kelma ta’ Alla, għandu qabel jiddedika ruħu għall-mod kif jgħix hu, biex imbagħad, minn ħajtu stess, jitgħallem x’għandu jgħid u kif. […] Ħadd ma għandu jippretendi li jista’ jlissen minn barra dak li qabel ma jkunx sema’ minn ġewwa”.[8] U huwa l-Ispirtu l-imgħallem interjuri li rridu nisimgħu, għax nafu li ma hemm xejn fina li hu ma jridx jidlek. Ħuti, ejjew inħarsu d-dilka: li nitolbu lill-Ispirtu m’għandhiex tkun xi prattika ta’ darba kultant, imma n-nifs ta’ kuljum. Ejja, ejja, ħarsilna d-dilka. Jiena, ikkonsagrat minnu, imsejjaħ nitwaħħad miegħu, inħalli d-dawl tiegħu jinfed id-dlamijiet tiegħi – għandna ħafna – biex nerġa’ nsib il-verità ta’ dak li jien. Inħallu lilu jimbuttana biex neħduha kontra l-falzitajiet li hemm jitqallbu fina; u nħallu lilu jerġa’ jagħtina l-ħajja fl-adorazzjoni, għax meta naduraw lill-Mulej hu jsawwab fil-qlub tagħna l-Ispirtu tiegħu.

 

“L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani; bagħatni”, ikompli l-profeta, inwassal l-aħbar it-tajba, il-ħelsien, il-fejqan u l-grazzja (ara Iż 61:1-2; Lq 4:18-19): f’kelma waħda, biex inwassal armonija hemm fejn ma hemmx. Għax kif jgħid San Bażilju: “L-Ispirtu hu l-armonija”, huwa hu li jagħmel l-armonija. Wara li kellimtkom fuq id-dilka, irrid ngħidilkom xi ħaġa fuq din l-armonija li hi l-konsegwenza tagħha. Fil-fatt, l-Ispirtu s-Santu hu armonija. Qabelxejn fis-Sema: San Bażilju jfissrilna li “dik l-armonija kollha sopraċelesti u inspjegabbli li hi għas-servizz ta’ Alla u f’sinfonija reċiproka tas-setgħat soprakożmiċi, impossibbli li tinżamm jekk mhux bl-awtorità tal-Ispirtu”.[9] U mbagħad fl-art: fil-Knisja hu fil-fatt dik l-“Armonija divina u mużikali”[10] li torbot kollox. Imma immaġinaw ftit presbiterju mingħajr armonija, mingħajr l-Ispirtu: ma jiffunzjonax. Hu jqanqal id-diversità tal-kariżmi u jerġa’ jgħaqqadhom flimkien, joħloq fehma waħda li ma tissejjisx fuq l-omologazzjoni, imma fuq il-kreattività tal-karità. Hekk hu joħloq l-armonija bejn il-ħafna. Hekk jagħmel armonija fi presbiteru. Tul is-snin tal-Konċilju Vatikan II, li kien don tal-Ispirtu, wieħed teologu ppubblika studju li fih tkellem fuq l-Ispirtu mhux f’termini individwali, imma plurali. Stieden biex aħna naħsbu fuqu bħala Persuna divina mhux tant singulari, imma “plurali”, bħala l-“aħna ta’ Alla”, l-aħna tal-Missier u tal-Iben, għax hu r-rabta ta’ bejniethom, u fih innifsu hu konkordja, komunjoni, armonija.[11] Jien niftakar li meta qrajt dan it-trattat teoloġiku – kien fit-teoloġija, jiena u nistudja – skandalizzajt ruħi: kienet tidher qisha ereżija, għax fil-formazzjoni tagħna ma stajniex nifhmu tajjeb kif kien l-Ispirtu s-Santu.

 

Li noħolqu l-armonija hu dak li jrid hu, fuq kollox permezz ta’ dawk li fuqhom hu sawwab id-dilka tiegħu. Ħuti, li nibnu l-armonija bejnietna mhuwiex tant xi metodu tajjeb biex il-ġemgħa ekkleżjali timxi aħjar, ma jfissirx li niżfnu l-minuet, mhijiex kwistjoni ta’ strateġija jew ta’ korteżija: hija esiġenza interna tal-ħajja tal-Ispirtu. Nidinbu kontra l-Ispirtu li hu komunjoni meta nsiru, imqar b’mod leġġer, strumenti ta’ firda, ngħidu aħna – u nerġgħu lura għall-istess tema – bit-tqassis. Meta nsiru strumenti ta’ firda nidinbu kontra l-Ispirtu. U nkunu nilagħbu l-logħba tal-għadu, li jibqa’ fil-moħbi u jħobb id-diċeriji u l-insinwazzjonijiet, jiffomenta partiti u klikek, ikebbes in-nostalġija tal-passat, it-taqtigħ il-qalb, il-pessimiżmu, il-biża’. Nitlobkom toqogħdu attenti biex ma tħammġux id-dilka tal-Ispirtu u l-libsa ta’ Ommna l-Knisja Mqaddsa bil-firda, bil-polarizzazzjonijiet, b’kull nuqqas ta’ karità u ta’ komunjoni. Niftakru li l-Ispirtu, “l-aħna ta’ Alla”, jippreferi l-forma komunitarja: jiġifieri d-disponibbiltà flok l-esiġenza personali, l-ubbidjenza flok il-gosti tagħna, l-umiltà flok il-pretensjonijiet tagħna.

 

L-armonija mhijiex virtù qalb l-oħrajn, hi iżjed minn hekk. San Girgor il-Kbir jikteb: “Kemm tiswa l-virtù tal-għaqda jurih il-fatt li, mingħajrha, il-virtujiet l-oħra kollha ma jiswew assolutament xejn”.[12] Ħuti, ejjew ngħinu lil xulxin biex inħarsu l-armonija, inħarsu l-armonija – din tkun il-missjoni tagħna – u nibdew mhux mill-oħrajn, imma kull wieħed jibda minnu nnifsu; nistaqsu lilna nfusna: fil-kliem tiegħi, fil-kummenti tiegħi, f’dak li ngħid u nikteb hemm it-timbru tal-Ispirtu jew dak tad-dinja? Qed naħseb ukoll fil-ġentilezza tas-saċerdot – imma tant drabi l-qassisin, aħna… maledukati –: naħsbu fil-ġentilezza tas-saċerdot, jekk in-nies fina wkoll issib persuni mhux sodisfatti, għożieba mhux kuntenti, li jikkritikaw u jippuntaw subgħajhom, fejn ħa taraha l-armonija? Kemm nies ma jersqux qrib jew jitbiegħdu għax fil-Knisja ma jħossuhomx milqugħa u maħbuba, imma jsibu biss min iħares lejhom b’suspett u jiġġudikahom! F’isem Alla, ejjew nilqgħu u naħfru, dejjem! U niftakru illi l-atteġġjament tagħna meta noqogħdu ngergru, barra li ma jipproduċi xejn tajjeb, iħassar it-tħabbira, għax jagħti xhieda kontra Alla, li hu komunjoni u armonija. U dan tant inikket qabelxejn lill-Ispirtu s-Santu, li l-Appostlu Pawlu jeżortana biex ma nnikktuhx (ara Efes 4:30).

 

Ħuti, inħallilkom dawn il-ħsibijiet li ħarġu mill-qalb u nagħlaq billi ngħid kelma sempliċi u importanti: grazzi. Grazzi tax-xhieda tagħkom, grazzi tas-servizz tagħkom; grazzi ta’ tant ġid li tagħmlu fil-moħbi, grazzi tal-maħfra u l-faraġ li tagħtu f’isem Alla: nitlobkom, aħfru dejjem, u qatt iċċaħħdu lil ħadd mill-maħfra; grazzi tal-ministeru tagħkom, li spiss twettqu qalb tant taħbit, inkomprensjonijiet u ftit li xejn rikonoxximent. Ħuti, l-Ispirtu ta’ Alla, li ma jħallix deluż lil min iqiegħed fih il-fiduċja tiegħu, jimliekom bis-sliem u jwassal fit-tmiem dak li beda fikom, biex tkunu profeti tad-dilka tiegħu u appostli tal-armonija. 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Simbolu Niċen-Kostantinopolitan.

[2] Ara Sekwenza ta’ Pentekoste.

[3] Spir. 16,39.

[4] Ara Irinew, Adv. hær. IV, 20,1.

[5] R. Voillaume, La seconda chiamata, f’S. Stevan (ed.), La Seconda chiamata. Il coraggio della fragilità, Bologna 2018, 15.

[6] Ibid., 24.

[7] Ibid., 16.

[8] Omeliji fuq Eżekjel, I, X, 13-14.

[9] Spir. XVI, 38.

[10] In Ps. 29,1.

[11] Ara H. Mühlen, Der Heilige Geist als Person. Ich – Du – Wir, Münster in W., 1963.

[12] Omeliji fuq Eżekjel, I, VIII, 8.