QUDDIESA TAL-FUNERAL TAL-PAPA EMERITU BENEDITTU XVI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Sagrat tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan

Il-Ħamis 5 ta’ Jannar 2023

 

“Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46). Dawn huma l-aħħar kelmiet li l-Mulej lissen minn fuq is-salib; l-aħħar nifs tiegħu – nistgħu ngħidu –, li bih seta’ jikkonferma dak li kkaratterizza l-ħajja kollha tiegħu: għotja sħiħa u kontinwa f’idejn Missieru. Idejn ta’ ħniena u ta’ kompassjoni, ta’ fejqan u ta’ ħniena, idejn ta’ dilka u barka, li wassluh biex jingħata wkoll f’idejn ħutu. Il-Mulej, miftuħ għall-ġrajjiet li kien jiltaqa’ magħhom fi triqtu, ħalla wkoll ir-rieda ta’ Alla tonġru, u refa’ fuq spallejh il-konsegwenzi u d-diffikultajiet kollha tal-Vanġelu sa ma ra jdejh imtaqqba għall-imħabba: “Ara jdejja”, qallu lil Tumas (Ġw 20:27), u dan jgħidu lil kull wieħed u waħda minna. Idejn miġruħa li jinfetħu u ma jieqfu qatt jingħataw, biex aħna nistgħu nagħrfu l-imħabba li Alla għandu għalina u nemmnu fiha (ara 1 Ġw 4:16).[i]

 

“Missier, f’idejk nerħi ruħi” hija l-istedina u l-programm tal-ħajja li hu jlissen fis-skiet u jrid jagħġen bħal fuħħari (ara Iż 29:16) il-qalb tar-ragħaj, sa ma fih iħabbtu l-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesù (ara Fil 2:5). Dedikazzjoni grata ta’ servizz lill-Mulej u lill-Poplu tiegħu li titwieled mill-fatt li jkun laqa’ don kollu kemm hu b’xejn: “Inti tiegħi… inti tagħhom”, ilissen minn taħt l-ilsien il-Mulej; “int qiegħed taħt il-ħarsien ta’ jdejja, taħt il-ħarsien tal-qalb tiegħi. Ibqa’ fuq il-pala ta’ jdejja u agħtini tiegħek”.[ii] Din hi l-kondixxendenza ta’ Alla u l-qrubija tiegħu, li jaf joqgħod fl-idejn dgħajfa tad-dixxipli tiegħu biex jitimgħu lill-poplu tiegħu u miegħu jgħidu: Ħudu u kulu, ħudu u ixorbu, dan hu ġismi li jingħata għalikom (ara Lq 22:19).

 

Dedikazzjoni fit-talb, li tiġi magħġuna u pperfezzjonata fis-skiet qalb is-slaleb tat-toroq u l-kontradizzjonijiet li r-ragħaj ikollu jħabbat wiċċu magħhom (ara 1 Piet 1:6-7) u l-istedina fiduċjuża biex jirgħa l-merħla (ara Ġw 21:17). Bħall-Imgħallem, jerfa’ fuq spallejh it-taħbit tal-interċessjoni u l-piż tad-dilka għall-poplu tiegħu, speċjalment hemm fejn it-tjieba jkollha titqabad u l-aħwa jaraw mhedda d-dinjità tagħhom (ara Lhud 5:7-9). F’din il-laqgħa ta’ interċessjoni l-Mulej ikompli jnissel dik il-ħlewwa li kapaċi tifhem, tilqa’, tittama u tirriskja lil hemm mill-inkomprensjonijiet li dan jista’ jqanqal. Ħajja li tagħti l-frott, ma tidhirx u ma tistax taqbadha f’idejk, li titwieled mill-għarfien li l-fiduċja hi mqiegħda f’idejn tajba (ara 2 Tim 1:12). Fiduċja fit-talb u fl-adorazzjoni, li kapaċi tinterpreta l-azzjonijiet tar-ragħaj u tadatta l-qalb tiegħu u d-deċiżjonijiet tiegħu għaż-żminijiet ta’ Alla (ara Ġw 21:18): “Tirgħa jfisser tħobb, u tħobb ifisser ukoll tkun lest li tbati. Tħobb ifisser: tagħti lin-nagħaġ il-veru ġid, l-ikel tal-verità ta’ Alla, tal-kelma ta’ Alla, l-ikel tal-preżenza tiegħu”.[iii]

 

Dedikazzjoni mwieżna mill-faraġ tal-Ispirtu, li dejjem jimxi qablu fil-missjoni: fit-tiftix appassjonat biex iwassal il-ġmiel u l-ferħ tal-Vanġelu (ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 57), fix-xhieda għammiela ta’ dawk li, bħal Marija, jibqgħu b’ħafna modi f’riġlejn is-salib, f’dik il-paċi mnikkta imma qawwija li ma tagħmilx vjolenza u lanqas tjassar taħtha; u fit-tama determinata imma paċenzjuża li l-Mulej għad iwettaq il-wegħda tiegħu, kif kien wiegħed lil missirijietna u lil nislu għal dejjem (ara Lq 1:54-55).

 

Aħna wkoll, marbuta bis-sħiħ mal-aħħar kelmiet tal-Mulej u max-xhieda li mmarkat il-ħajja tiegħu, irridu, bħala komunità ekkleżjali, nimxu fuq il-passi tiegħu u nafdaw lil ħuna f’idejn il-Missier: jalla dawn l-idejn ta’ ħniena jsibu l-musbieħ tiegħu mixgħul biż-żejt tal-Vanġelu, li hu sawwab u ta xhieda tiegħu matul ħajtu (ara Mt 25:6-7).

 

San Girgor il-Kbir, fi tmiem ir-Regola pastorali, stieden u ħeġġeġ lil ħabib tiegħu biex joffrilu din il-kumpanija spiritwali: “Qalb it-tempesti tal-ħajja tiegħi, tfarraġni l-fiduċja li int iżżommni fil-wiċċ fuq il-mejda tat-talbiet tiegħek, u li, jekk it-toqol ta’ ħtijieti jħabbatni u jumiljani, int tagħtini l-għajnuna tal-merti tiegħek biex terfagħni”. Dan hu l-għarfien tar-Ragħaj li ma jistax iġorr waħdu dak li, fir-realtà, qatt ma seta’ jerfa’ waħdu u, għalhekk, jaf jintelaq fit-talb u l-għożża tal-poplu fdat lilu.[iv] Huwa l-Poplu fidil ta’ Alla li, miġbur, isieħeb u jafda l-ħajja ta’ min kien ragħaj tiegħu. Bħan-nisa tal-Vanġelu ħdejn il-qabar, aħna ninsabu hawn bil-fwejjaħ tal-gratitudni u d-dilka tat-tama biex nuruh, għal darb’oħra, li l-imħabba li ma tintemmx; dan irridu nagħmluh bl-istess dilka, għerf, delikatezza u dedikazzjoni li hu għaraf isawwab fuqna matul is-snin. Irridu ngħidu flimkien: “Missier, f’idejk nerħu r-ruħ tiegħu”.

 

Benedittu, ħabib fidil tal-Għarus, jalla l-hena tiegħek ikun sħiħ xħin tisma’ darba għal dejjem il-leħen tiegħu!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[i] Ara Benedittu XVI, Enċiklika Deus caritas est, 1.

[ii] Ara Id., Omelija fil-Quddiesa tal-Griżma, 13 ta’ April 2006.

[iii] Id., Omelija fil-Quddiesa tal-bidu tal-pontifikat, 24 ta’ April 2005.

[iv] Ara ibid.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard