|
OMELIJA TAL-FUNERAL TAL-PAPA FRANĠIKSU
mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Giovanni Battista Re
Pjazza San Pietru
Is-Sibt 26 ta’ April 2025
F’din il-pjazza maestuża ta’ San Pietru, li fiha l-Papa Franġisku tant drabi ċċelebra l-Ewkaristija u ppresieda laqgħat kbar tul dawn l-aħħar 12-il sena, ninsabu miġbura fit-talb madwar il-fdalijiet tal-ġisem tiegħu b’qalbna mnikkta, imma mwieżna miċ-ċertezza tal-fidi, li tiżgurana li l-eżistenza umana ma tiqafx mal-qabar, imma fid-dar tal-Missier f’ħajja ta’ hena li ma tafx b’għabex.
F’isem il-Kulleġġ tal-Kardinali nirringrazzja minn qalbi lil kulħadd tal-preżenza tagħkom. B’sentimenti qawwija nsellem b’rispett u nirringrazzja ħafna lill-Kapijiet tal-Istat, lil-Kapijiet tal-Gvernijiet u lid-Delegazzjonijiet uffiċjali li ġew minn għadd kbir ta’ Pajjiżi biex jesprimu r-rispett, il-qima u l-istima tagħhom lejn il-Papa li ħalliena.
Il-kotra ta’ manifestazzjonijiet ta’ affett u ta’ parteċipazzjoni, li rajna f’dawn il-jiem wara li hu għadda minn din l-art għall-eternità, turina kemm il-Pontifikat intens tal-Papa Franġisku mess l-imħuħ u l-qlub.
L-aħħar derha tiegħu, li tibqa’ stampata quddiem għajnejna u fil-qalb tagħna, hi dik tal-Ħadd li għadda, is-Solennità tal-Għid, meta l-Papa Franġisku, minkejja l-problemi serji ta’ saħħtu, ried jagħtina l-barka mill-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru u mbagħad niżel f’din il-pjazza biex isellem mill-popemobile mikxufa lill-folla kbira li nġabret għall-Quddiesa tal-Għid.
Bit-talb tagħna rridu issa nafdaw ir-ruħ tal-maħbub Papa lil Alla, biex jagħtih l-hena ta’ dejjem fix-xefaq kollu dawl u glorjuż tal-imħabba bla qies tiegħu. Iddawwalna u tmexxina l-paġna tal-Vanġelu, li fiha dewa l-istess leħen ta’ Kristu li sfida lill-ewwel fost l-Appostli: “Pietru, tħobbni int aktar minn dawn?”. U t-tweġiba ta’ Pietru kienet pronta u sinċiera: “Mulej, int taf kollox; int taf li nħobbok!”. U Ġesù fdalu l-missjoni kbira: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi”. Din kellha tkun il-missjoni kontinwa ta’ Pietru u tas-Suċċessuri tiegħu, servizz ta’ mħabba fuq il-passi tal-Imgħallem u l-Mulej Ġesù Kristu li “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45).
Minkejja d-dgħufija u t-tbatija tiegħu tal-aħħar, il-Papa Franġisku għażel li jimxi din it-triq ta’ għotja sal-aħħar jum tal-ħajja tiegħu fuq din l-art. Hu mexa fuq il-passi ta’ Sidu, ir-Ragħaj it-tajjeb, li ħabb in-nagħaġ tiegħu sal-punt li għalihom ta l-istess ħajja tiegħu. U dan għamlu b’qawwa u serenità, qrib tal-merħla tiegħu, il-Knisja ta’ Alla, huwa u jiftakar fil-frażi ta’ Ġesù kkowtata mill-Appostlu Pawlu: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35)
Meta l-Kardinal Bergoglio, fit-13 ta’ Marzu 2013, ġie elett mill-Konklavi bħala Papa wara Benedittu XVI, kellu warajh is-snin ta’ ħajja reliġjuża fil-Kumpanija ta’ Ġesù u fuq kollox kien mogħni bl-esperjenza ta’ 21 sena ta’ ministeru pastorali fl-Arċidjoċesi ta’ Buenos Aires, l-ewwel bħala Awżiljarju, imbagħad bħala Koadjutur u wara, fuq kollox, bħala Arċisqof.
Id-deċiżjoni li jieħu l-isem Franġisku dehret minnufih bħal l-għażla ta’ programm u ta’ stil li fuqu hu ried jagħti l-impostazzjoni tal-Pontifikat tiegħu, u fittex li jispira ruħu mill-ispirtu ta’ San Franġisk ta’ Assisi.
Żamm it-temperament tiegħu u l-forma tiegħu ta’ gwida pastorali, u minnufih ta l-impronta tal-personalità qawwija tiegħu fit-tmexxija tal-Knisja, beda kuntatt dirett mal-persuni individwali u mal-popli, b’xewqa li jkun qrib ta’ kulħadd, b’attenzjoni li tispikka għall-persuni f’diffikultà, u ħabrek bla heda, b’mod partikulari għall-ġid ta’ dawk tal-aħħar post fuq din l-art, l-imwarrbin. Kien Papa qalb in-nies b’qalb miftuħa għal kulħadd. Barra minn hekk kien Papa attent għall-ġdid li jfeġġ fis-soċjetà u għal dak li l-Ispirtu s-Santu jqanqal fil-Knisja.
Bil-vokabularju karatteristiku tiegħu u bil-lingwaġġ tiegħu għani bi xbihat u b’metafori, dejjem fittex li jdawwal bl-għerf tal-Vanġelu l-problemi ta’ żmienna, u għad-dawl tal-fidi joffri tweġiba u jħeġġeġ lill-Insara biex jgħixu l-isfidi u l-kontradizzjonijiet ta’ dawn is-snin tagħna ta’ bidliet, li kien iħobb isejħilhom “bidla ta’ epoka”.
Kellu spontanjetà kbira u mod informali kif jindirizza lil kulħadd, anki lill-persuni mbiegħda mill-Knisja.
Għani f’dik is-sħana umana u profondament sensibbli għat-traġedji ta’ żmienna, il-Papa Franġisku tassew qasam l-ansjetajiet, it-tbatijiet u t-tamiet taż-żmien tagħna ta’ globalizzazzjoni, u ngħata kollu kemm huma biex ifarraġ u jagħmel il-qalb b’messaġġ li kapaċi jilħaq il-qalb tal-persuni b’mod dirett u immedjat.
Il-kariżma tiegħu tal-akkoljenza u tas-smigħ, magħquda ma’ mod ta’ mġiba proprja tas-sensibbiltà tal-ġurnata tal-lum, messet il-qlub, u fittxet li terġa’ tqanqal l-enerġiji morali u spiritwali.
Il-primat tal-evanġelizzazzjoni kien il-gwida tal-Pontifikat tiegħu, u xerred, b’impronta missjunarja ċara, il-ferħ tal-Vanġelu, li kien it-titlu tal-ewwel Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii gaudium. Huwa ferħ li jimla bil-fiduċja u t-tama l-qalb ta’ dawk kollha li jafdaw ruħhom f’idejn Alla.
Element kostanti tal-missjoni tiegħu kien il-konvinzjoni li l-Knisja hija dar għal kulħadd; dar bil-bibien dejjem miftuħa. Iktar minn darba rrikorra għax-xbieha tal-Knisja bħala “sptar fuq il-kamp” wara battalja b’ħafna midruba; Knisja li b’determinazzjoni tixtieq tieħu ħsieb il-problemi tal-persuni u t-taqtigħ il-qalb kbir li qed iċarrat lid-dinja ta’ żmienna; Knisja li għandha l-ħila titbaxxa lejn kull bnkiedem, lil hemm minn kull twemmin jew qagħda, u tikkura l-ġrieħi.
Bla għadd huma l-ġesti tiegħu u s-sejħat tiegħu b’risq ir-rifuġjati u dawk li kellhom jaħarbu minn arthom. Kostanti kienet ukoll l-insistenza fil-ħidma favur il-foqra.
Hu sinifikattiv li l-ewwel vjaġġ tal-Papa Franġisku kien dak f’Lampedusa, gżira simbolu tat-traġedja tal-migrazzjoni b’eluf ta’ persuni mgħarraqa fil-baħar. Fl-istess linja wkoll kien il-vjaġġ f’Lesbos, flimkien mal-Patrijarka Ekumeniku u mal-Arċisqof ta’ Ateni, kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni ta’ Quddiesa fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti, fl-okkażjoni tal-vjaġġ tiegħu l-Messiku.
Mis-47 Vjaġġ Appostoliku mimlija tiegħu jibqa’ fl-istorja b’mod partikulari dak tal-Iraq fl-2021, li hu għamel minkejja kull riskju. Dak il-Vjaġġ Appostoliku iebes kien balzmu fuq il-ġrieħi miftuħa tal-poplu Iraqin, li tant kien bata minħabba l-opra diżumana tal-ISIS. Dan il-Vjaġġ kien importanti wkoll għad-djalogu interreliġjuż, dimensjoni oħra rilevanti tal-ħidma pastorali tiegħu. Biż-Żjara Appostolika tal-2024 f’erba’ Nazzjonijiet tal-Asja-Oċeanja, il-Papa laħaq “il-periferija l-iktar periferika tad-dinja”.
Il-Papa Franġisku dejjem qiegħed fiċ-ċentru l-Vanġelu tal-ħniena, u kien jisħaq ripetutement li Alla ma jegħja qatt jaħfrilna: hu jaħfer dejjem, tkun xi tkun il-qagħda ta’ min qed jitlob il-maħfra u jerġa’ lura fit-triq it-tajba.
Ried u sejjaħ il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, biex jisħaq li l-ħniena hija “l-qalba tal-Vanġelu”.
Ħniena u ferħ tal-Vanġelu huma żewġ kelmiet muftieħ tal-Papa Franġisku.
F’kuntrast ma’ dik li hu sejħilha “l-kultura tal-iskart”, tkellem fuq il-kultura tal-laqgħa u tas-solidarjetà. It-tema tal-fraternità ssibha fil-Pontifikat kollu tiegħu b’tonalitajiet qawwija. Fl-Ittra Enċilika Fratelli tutti ried jerġa’ jwelled xewqa dinjija għall-fraternità, għax aħna lkoll ulied tal-istess Missier tas-Sema. B’qawwa spiss fakkarna li aħna nagħmlu lkoll parti mill-istess familja tal-bnedmin.
Fl-2019, waqt il-vjaġġ fl-Emirati Għarab Magħquda, il-Papa Franġisku ffirma dokument fuq il-“Fraternità Umana għall-Paċi fid-Dinja u l-Konvivenza Komuni”, biex fakkar fil-paternità komuni ta’ Alla.
Lill-irġiel u nisa kollha tad-dinja, bl-Ittra Enċiklika Laudato si’, ġibdilhom l-attenzjoni fuq id-dmirijiet u fuq il-korresponsabbiltà fejn tidħol id-dar komuni tagħna. “Ħadd ma jsalva waħdu”.
Quddiem tant gwerer li qed jgħollu rashom fl-aħħar snin, b’orruri diżumani u b’għadd bla tarf ta’ mwiet u qerda, il-Papa Franġisku għolla leħnu bla heda biex jitlob għall-paċi u jsejjaħ biex tirbaħ ir-raġuni, ikun hemm it-trattattivi onesti biex jinstabu soluzzjonijiet possibbli, għax il-gwerra – kien jgħid – hi biss mewt ta’ persuni, qerda ta’ djar, sptarijiet u skejjel. Il-gwerra tħalli dejjem id-dinja agħar minn kif sabitha: hi għal kulħadd u dejjem telfa ta’ uġigħ il-qalb u traġika.
“Nibnu pontijiet u mhux ħitan” hija sejħa li hu kemm-il darba tenna, u fis-servizz tal-fidi bħala Suċċessur tal-Appostlu Pietru dejjem mexa id f’id mas-servizz tal-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tiegħu.
F’għaqda spiritwali mad-dinja Nisranija kollha ninsabu hawn f’għadd kbir biex nitolbu għall-Papa Franġisku biex Alla jilqgħu fil-kobor bla qies ta’ mħabbtu.
Il-Papa Franġisku kien iħobb jagħlaq id-diskorsi u l-laqgħat tiegħu bil-kelmiet: “Tinsewx titolbu għalija”.
Għażiż Papa Franġisku, issa nitolbu lilek titlob għalina u biex mis-Sema tbierek il-Knisja, tbierek lil Ruma, tbierek id-dinja kollha, kif il-Ħadd li għadda għamilt mill-gallarija ta’ din il-Bażilika f’tgħanniqa tal-aħħar mal-poplu kollu ta’ Alla, imma idealment anki mal-umanità li qed tfittex il-verità b’qalb sinċiera u żżomm merfugħ ’il fuq il-musbieħ tat-tama.
Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard