ĊELEBRAZZJONI TAL-EWKARISTIJA

GĦALL-FTUĦ TAS-SINODU FUQ IS-SINODALITÀ 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd 10 ta’ Ottubru 2021

 

Wieħed raġel għani jmur jiltaqa’ ma’ Ġesù waqt li dan “kien se jaqbad it-triq” (Mk 10:17). Ħafna drabi l-Vanġeli jippreżentawlna lil Ġesù “fit-triq”, huwa u jimxi mal-bniedem u jagħti widen għall-mistoqsijiet li hemm u li jħassbu lil qalbu. Hekk, hu jurina li Alla ma jgħixx f’postijiet maqtugħa, f’postijiet trankwilli, imbiegħda mir-realtà, imma jimxi magħna u jilħaqna hemm fejn aħna, fit-toroq xi drabi mfarrka tal-ħajja. U llum, aħna u niftħu din il-mixja sinodali, ejjew nibdew billi nistaqsu lil kulħadd – il-Papa, l-isqfijiet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi, u ħutna lajċi –: aħna, komunitajiet Insara, qegħdin ninkarnaw fina l-istil ta’ Alla, li jimxi fl-istorja u jaqsam fil-ġrajjiet tal-bnedmin? Aħna lesti għall-avventura tal-mixja jew, għax nibżgħu minn dak li ma nafux, nippreferu nistkennu fl-iskużi ta’ “dan ma jiswiex” jew ta’ “dejjem hekk sar”?

 

Li nagħmlu Sinodu jfisser nimxu fl-istess triq, nimxu flimkien. Inħarsu lejn Ġesù, li fit-triq l-ewwel jiltaqa’ mar-raġel għani, imbagħad jisma’ l-mistoqsijiet tiegħu u fl-aħħar jgħinu jiddixxerni x’għandu jagħmel biex ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Niltaqgħu, nisimgħu, niddixxernu: tliet verbi tas-Sinodu li fuqhom nixtieq nieqaf ftit.

 

Niltaqgħu. Il-Vanġelu jiftaħ b’rakkont ta’ laqgħa. Wieħed raġel mar jiltaqa’ ma’ Ġesù, niżel għarkupptejh quddiemu, u għamillu mistoqsija deċiżiva: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (v. 17). Mistoqsija hekk importanti titlob attenzjoni, żmien, disponibbiltà biex niltaqgħu mal-ieħor u nħallu t-tħassib tiegħu jinkwetana. Il-Mulej, fil-fatt, ma nqatax, ma deherx li dejqitu jew fixklitu din il-ħaġa, anzi, waqaf jitkellem miegħu. Huwa disponibbli għal-laqgħa. Xejn ma jħallih indifferenti, kollox iqanqallu qalbu. Jiltaqa’ mal-uċuħ, ifittex il-ħarsiet, jaqsam fl-istorja ta’ kull persuna: din hi l-qrubija ta’ Ġesù. Huwa jaf li laqgħa tista’ tibdel il-ħajja. U l-Vanġelu hu miżgħud b’laqgħat ma’ Kristu li jerġgħu jerfgħu ’l fuq u jfejqu. Ġesù ma kienx ikun mgħaġġel, ma kienx joqgħod iħares lejn l-arloġġ biex il-laqgħa ma ddumx ma tispiċċa. Dejjem kont issibu għall-qadi tal-persuna li magħha kien jiltaqa’, biex jismagħha.

 

Aħna wkoll, li qed nibdew din il-mixja, aħna msejħin insiru esperti fl-arti tal-laqgħa. Mhux f’li norganizzaw avvenimenti jew f’li nagħmlu riflessjoni teorika fuq il-problemi, imma qabelxejn f’li nsibu ż-żmien biex niltaqgħu mal-Mulej u sseħħ il-laqgħa bejnietna. Żmien biex nagħmlu wisa’ għat-talb, għall-adorazzjoni – din it-talba li aħna nittraskuraw wisq: naduraw, nagħtu ħin għall-adorazzjoni –, għal dak li l-Ispirtu jrid jgħid lill-Knisja; biex inħarsu fil-wiċċ tal-ieħor u nisimgħu l-kelma tiegħu, biex niltaqgħu wiċċ imb wiċċ, inħallu jmissuna l-mistoqsijiet ta’ ħutna, ngħinu lil xulxin biex nistagħnu bid-diversità tal-kariżmi, vokazzjonijiet u ministeri. Kull laqgħa – dan nafuh – titlob ftuħ, kuraġġ, disponibbiltà biex inħallu jibdluna l-wiċċ u l-istorja tal-oħrajn. Meta xi drabi aħna nippreferu nistkennu f’relazzjonijiet formali jew nilbsu maskri taċ-ċirkustanza – l-ispirtu klerikali u tal-qorti: inkun iżjed monsieur l’abbé milli missier –, il-laqgħa tagħna mal-oħrajn tibdilna u spiss tissuġġerilna toroq ġodda li ma konniex naħsbu li se nimxu fihom. Illum, wara l-Angelus, se nilqa’ grupp kbir ta’ nies tat-triq, li nġabru sempliċiment għax hemm grupp ta’ nies li jmur jismagħhom, imur biss biex jismagħhom. U mis-smigħ waslu biex jibdew mexjin. Is-smigħ. Tant drabi huwa proprju hekk li Alla jurina t-toroq li għandna nimxu, u joħroġna mid-drawwiet għajjiena tagħna. Kollox jinbidel meta nkunu miftuħa għal laqgħat veri miegħu u ma’ xulxin. Mingħajr formaliżmi, mingħajr ipokrezija, mingħajr irtokki.

 

It-tieni verb: nisimgħu. Laqgħa vera titwieled biss mis-smigħ. Fil-fatt Ġesù joqgħod jisma’ l-mistoqsija ta’ dak ir-raġel u tat-tħassib reliġjuż u eżistenzjali tiegħu. Ma jagħtihx tweġiba ritwali, ma joffrilux soluzzjoni lesta minn qabel, ma jagħmilx tabirruħu li qed iwieġbu b’mod ġentili biss biex jeħles minnu u jkompli miexi fi triqtu. Sempliċiment jisimgħu. Għal kemm hemm bżonn ħin, joqgħod jisimgħu, bla għaġla. U – l-aktar ħaġa importanti – ma jibżax, Ġesù, jisimgħu bil-qalb u mhux biss bil-widnejn. Fil-fatt, it-tweġiba tiegħu ma tillimitax ruħha biss għall-osservazzjoni tal-mistoqsija, imma tippermetti lir-raġel għani li jirrakkonta l-istorja tiegħu, li jitkellem dwaru nnifsu b’libertà. Kristu jfakkru fil-Kmandamenti, u hu jibda jitkellem fuq it-tfulija tiegħu, jaqsam miegħu l-mixja reliġjuża tiegħu, il-mod li bih ipprova jfittex lil Alla. Meta nisimgħu b’qalbna, l-istess jiġri: l-ieħor iħossu milqugħ, mhux iġġudikat, ħieles li jirrakkonta dak li għex u l-mixja spiritwali tiegħu.

 

Nistaqsu lilna nfusna, b’sinċerità, tul din il-mixja sinodali: kif aħna fis-smigħ? Kif sejjer “is-smigħ” ta’ qalbna? Qed inħallu lill-persuni jesprimu ruħhom, jimxu fil-fidi anki jekk għandhom toroq ta’ ħajja diffiċli, biex jikkontribwixxu għall-ħajja tal-komunità mingħajr ma jiġu mxekkla, irrifjutati jew iġġudikati? Nagħmlu Sinodu jfisser li nimxu l-istess triq tal-Verb magħmul bniedem: ifisser nimxu fuq il-passi tiegħu, nisimgħu l-Kelma tiegħu flimkien mal-kliem tal-oħrajn. Ifisser niskopru b’sens ta’ għoġba li l-Ispirtu s-Santu jonfoħ b’mod dejjem sorprendenti, biex jissuġġerixxi toroq u lingwaġġi ġodda. Huwa eżerċizzju li jieħu ż-żmien, forsi jegħjina xi ftit, biex nitgħallmu nisimgħu lil xulxin – isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, kollha, l-imgħammdin kollha – u nevitaw tweġibiet artifiċjali jew superfiċjali, tweġibiet prêt-à-porter, le. L-Ispirtu qed jitlobna nisimgħu l-mistoqsijiet, il-qtugħ ta’ nifs, it-tamiet ta’ kull Knisja, ta’ kull poplu u nazzjon. U anki nisimgħu lid-dinja, l-isfidi u l-bidliet li qed tpoġġilna quddiemna. Ma ntarrxux il-qalb, ma ningħalqux fiċ-ċertezzi tagħna. Iċ-ċertezzi ħafna drabi jagħlquna. Ejjew nisimgħu lil xulxin.

 

Fl-aħħar nett, niddixxernu. Il-laqgħa u s-smigħ reċiproku mhumiex xi ħaġa li hi fini fiha nfisha, li tħalli l-affarijiet kif sabithom. Bil-maqlub, meta nidħlu fi djalogu, niddiskutu, nimxu, u fl-aħħar ma nibqgħux kif konna qabel, ninbidlu. Il-Vanġelu llum dan qed jurihulna. Ġesù jintebaħ li r-raġel li għandu quddiemu hu tajjeb u reliġjuż u jipprattika l-Kmandamenti, imma jixtieq jieħdu lil hemm mis-sempliċi osservanza tal-preċetti. Fid-djalogu, jgħinu jiddixxerni. Jipproponilu li jħares ġewwa fih innifsu, fid-dawl tal-imħabba li biha Hu stess, xħin sammar ħarstu fuqu, ħabbu (ara v. 21), u li f’dan id-dawl jiddixxerni ma’ xiex qalbu tassew hi marbuta. Biex imbagħad jiskopri li l-ġid tiegħu mhuwiex li jżid għemejjel reliġjużi oħra, imma, bil-maqlub, li jitbattal minnu nnifsu: ibigħ dak qed jokkupalu qalbu biex jagħmel wisa’ għal Alla.

 

Hija indikazzjoni prezzjuża għalina wkoll. Is-Sinodu huwa mixja ta’ dixxerniment spiritwali, ta’ dixxerniment ekkleżjali, li jsir fl-adorazzjoni, fit-talb, f’kuntatt mal-Kelma ta’ Alla. U t-Tieni Qari proprju llum jgħidilna li l-Kelma ta’ Alla “hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12). Il-Kelma tiftħilna qalbna għad-dixxerniment u ddawlu. Ħa tkun hi li torjenta s-Sinodu biex ma jkunx “convention” ekkleżjali, konvenju ta’ studji jew kungress politiku, biex ma jkunx parlament, imma ġrajja ta’ grazzja, proċess ta’ fejqan immexxi mill-Ispirtu. F’dawn il-jiem Ġesù qed isejħilna, kif għamel mar-raġel għani tal-Vanġelu, biex nitbattlu, biex ninħelsu minn dak li hu mondan, u anki mill-għeluq tagħna u tal-mudelli pastorali ripetittivi tagħna; biex nistaqsu lilna nfusna xi jrid jgħidilna Alla f’dan iż-żmien u lejn liema direzzjoni jrid jeħodna.

 

Għeżież ħuti, nixteqilkom il-mixja t-tajba flimkien! Ħa nkunu pellegrini nnamrati tal-Vanġelu, miftuħin għas-sorpriżi tal-Ispirtu s-Santu. Ejjew ma nitilfux l-okkażjonijiet ta’ grazzja tal-laqgħa, tas-smigħ reċiproku, tad-dixxerniment. Hienja aħna għax nafu li, waqt li qed infittxu lill-Mulej, huwa hu l-ewwel li jiġi jiltaqa’ magħna bi mħabbtu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard