KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

MAL-PARTEĊIPANTI TAL-ASSEMBLEA PLENARJA

TAL-KUNSILL TAL-KONFERENZI EPISKOPALI TAL-EWROPA (CCEE)

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħamis 23 ta’ Settembru 2021

 

Nirriflettu, nerġgħu nibnu, naraw

 

Hemm tliet verbi li llum toffrilna l-Kelma ta’ Alla u li jisfidawna bħala Nsara u ragħajja fl-Ewropa: nirriflettu, nerġgħu nibnu, naraw.

 

Nirriflettu hu dak li l-Mulej qabelxejn jistedinna nagħmlu permezz tal-profeta Ħaggaj: “Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu”. Darbtejn jgħidha din lill-poplu (Ħag 1:5,7). Fuq liema aspetti ta’ mġiebtu kellu jirrifletti l-poplu ta’ Alla? Nisimgħu x’jgħid il-Mulej: “Jaqaw għalikom huwa issa l-waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-dar għadha ħerba?” (v. 4). Il-poplu, lura mill-eżilju, kien beda jaħseb kif jerġa’ jirranġa d-djar tiegħu. U issa kuntent li qiegħed komdu u bi kwietu hu fid-dar, waqt li t-tempju ta’ Alla hu frak u ħadd ma reġa’ bnieh. Din l-istedina għar-riflessjoni tisfida lilna: fil-fatt, illum ukoll fl-Ewropa aħna l-Insara ttentati li noqogħdu komdi fl-istrutturi tagħna, fid-djar tagħna u fil-knejjes tagħna, fiċ-ċertezzi li jagħtuna t-tradizzjonijiet, fil-gratifikazzjoni ta’ ċertu kunsens, waqt li kullimkien madwarna t-tempji qed jitbattlu u Ġesù dejjem qed jintesa iżjed.

 

Nirriflettu ftit: kemm persuni m’għadx għandhom ġuħ u għatx ta’ Alla! Mhux għax huma ħżiena, le, imma għax ma hemmx min ixennaqhom l-aptit tal-fidi u jerġa’ jkebbes fihom dak l-għatx li hemm fil-qalb tal-bniedem: dak l-“għatx li jitwieled magħna u ma jmutx magħna” li dwaru jitkellem Dante (Paradiso, II, 19) u li d-dittatura tal-konsumiżmu, dittatura ħafifa imma li tifga, tipprova xxejjen. Ħafna spiċċaw iħossu biss il-bżonnijiet materjali, u mhux in-nuqqas ta’ Alla. U aħna bla dubju ninkwetaw, imma kemm qed nieħdu tassew ħsieb? Faċli tiġġudika lil min ma jemminx, komdu telenka r-raġunijiet tas-sekularizzazzjoni, tar-relattiviżmu u ta’ tant iżmi oħra, imma fil-verità tkun sterili. Il-Kelma ta’ Alla twassalna biex nirriflettu fuqna nfusna: qed inħossu mħabba u ħniena għal min ma kellux il-ferħ li jiltaqa’ ma’ Ġesù jew inkella tilfu? Aħna moħħna mistrieħ għax fl-aħħar mill-aħħar ma jonqosna xejn għall-għajxien tagħna, jew inkwetati meta naraw tant ħutna mbiegħda mill-ferħ ta’ Ġesù?

 

Hemm ħaġa oħra li l-Mulej, permezz tal-profeta Ħaggaj, jitlob lill-poplu tiegħu jirrifletti fuqha. Jgħid hekk: “Kiltu, u m’hemmx li tixbgħu; xrobtu, u m’hemmx li tiskru; ilbistu, u m’hemmx li tisħnu” (v. 6). F’kelma waħda, il-poplu kellu kulma jrid, u xorta ma kienx hieni. X’kien jonqsu? Jgħidhulna Ġesù, bi kliem li donnu eku ta’ dak ta’ Ħaggaj: “Kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, […] kont għeri u ma libbistunix” (Mt 25:42-43). In-nuqqas ta’ mħabba jikkawża n-nuqqas ta’ ferħ, għax l-imħabba biss ixxabba’ lill-qalb. L-imħabba biss ixxabba’ lill-qalb. Magħluqin fl-interess tal-ħwejjeġ tagħhom, in-nies ta’ Ġerusalemm kienu t-tilfu t-togħma tal-gratwità. Din tista’ tkun ukoll il-problema tagħna: li qed nikkonċentraw fuq id-diversi pożizzjonijiet fil-Knisja, fuq id-dibattiti, aġendi u strateġiji, u tlifna minn quddiem għajnejna l-programm veru, dak tal-Vanġelu: il-ħeġġa għall-karità, il-ħerqa għall-gratwità. It-triq li minnha ngħaddu biex noħorġu mill-problemi u mill-għeluq hi dejjem dik tal-għotja b’xejn. Ma hemmx oħra. Nirriflettu.

 

U wara li nkunu rriflettejna, hemm it-tieni passaġġ: nerġgħu nibnu. “Ibnu d-dar”, jgħid il-Mulej permezz tal-profeta (Ħag 1:8). U l-poplu jerġa’ jibni t-Tempju. Ma jibqax jikkuntenta ruħu bi preżent trankwill u jibda jaħdem għall-ġejjieni. U billi kien hemm min kien kontra dan, jgħidilna l-Ktieb tal-Kronaki li kienu jaħdmu id waħda fuq il-ġebel, biex jibnu, u l-oħra fuq is-sejf, biex jiddefendu dan il-proċess ta’ bini mill-ġdid. Ma kinitx ħaġa faċli jerġgħu jibnu t-Tempju. Dan hu li għandu bżonn il-bini tad-dar komuni Ewropea: li nħallu warajna l-konvenjenzi tal-immedjat biex nerġgħu lura għall-viżjoni fit-tul li kellhom il-missirijiet fundaturi, viżjoni – nissogra ngħid – profetika u ta’ flimkien, għax huma ma fittxewx il-kunsensi ta’ żmienhom, imma ħolmu l-futur għal kulħadd. Hekk inbnew il-ħitan tad-dar Ewropea u hekk biss jistgħu jissaħħu. Dan jgħodd ukoll għall-Knisja, dar ta’ Alla. Biex nagħmluha sabiħa u ospitabbli, hemm bżonn li flimkien inħarsu lejn il-ġejjieni, mhux nirrestawraw il-passat. B’xorti ħażina llum sar moda dak ir-“restawrazzjoniżmu” tal-passat li qed joqtolna, ħa joqtolna kollha. Bla dubju, hemm bżonn nerġgħu nitilqu mill-pedamenti, mill-għeruq – dan iva, veru –, għax minn hemm tista’ terġa’ tibda tibni: mit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja, li żżommna weqfin sodi fuq l-essenzjali, fuq l-aħbar it-tajba, fuq il-qrubija u fuq ix-xhieda. Minn hawn nistgħu nerġgħu nibdew nibnu, mill-pedamenti tal-Knisja tal-bidu u ta’ dejjem, mill-qima lil Alla u mill-imħaba tal-proxxmu, mhux mill-gosti partikulari tagħna, mhux mill-pattijiet u n-negozjati li nistgħu nagħmlu issa, għax ngħidu, irridu niddefendu l-Knisja jew niddefendu l-Kristjanità.

 

Għeżież Ħuti, nixtieq nirringrazzjakom għal din il-ħidma xejn faċli ta’ bini mill-ġdid, li qed tmexxu ’l quddiem bil-grazzja ta’ Alla. Grazzi għal dawn l-ewwel 50 sena ta’ servizz lill-Knisja u lill-Ewropa. Nagħmlu l-qalb lil xulxin, bla qatt inċedu għat-taqtigħ il-qalb u għar-rassenjazzjoni: aħna msejħin mill-Mulej għal opra mill-isbaħ, biex naħdmu sabiex id-dar tiegħu tkun dejjem iżjed akkoljenti, biex kulħadd jista’ jidħol fiha u jgħix fiha, biex il-Knisja jkollha l-bibien miftuħa u ħadd ma jkollu t-tentazzjoni li jikkonċentra biss biex iħares u jibdel is-serraturi. Dawk l-affarijiet żgħar li jogħġbuna… U aħna ttentati. Le, il-bidla għandha tkun oħra, tiġi mill-għeruq. Il-bini mill-ġdid għandu direzzjoni oħra.

 

Il-poplu ta’ Iżrael reġa’ bena t-Tempju b’idejh stess. Il-bennejja kbar tal-fidi tal-kontinent l-istess għamlu – jiġu f’moħħna l-Patruni. Irriskjaw fiċ-ċokon tagħhom, u fdaw f’Alla. Jiġuni f’moħħi l-Qaddisin, bħal Martin, Franġisku, Duminku, Piju li llum qed infakkru; il-patruni bħal Benedittu, Ċirillu u Metodju, Briġida, Katarina ta’ Siena, Tereża Benedetta tas-Salib. Bdew minnhom infushom, billi bidlu ħajjithom u laqgħu l-grazzja ta’ Alla. Ma qagħdux jinkwetaw biż-żminijiet mudlama, bl-għawġ u b’xi firda, li minn dejjem kont issibhom. Ma tilfux żmien jikkritikaw u jixħtu t-tajn. Għexu l-Vanġelu, bla ma taw kas tar-rilevanza u tal-politika. Hekk, bil-qawwa umli tal-imħabba ta’ Alla, laħħmu l-istil tiegħu ta’ qrubija, ta’ ħniena u ta’ ħlewwa – l-istil ta’ Alla: qrubija, ħniena u ħlewwa –; u bnew monasteri, fdew artijiet, raddew ir-ruħ lil persuni u pajjiżi sħaħ: l-ebda programm “soċjali” biex ngħidu hekk, imma biss il-Vanġelu. U bil-Vanġelu baqgħu mexjin ’il quddiem.

 

Ibnu d-dar tiegħi. Il-verb hu kkonjugat fil-plural. Kull binja mill-ġdid isseħħ flimkien, fis-sinjal tal-għaqda. Mal-oħrajn. Jista’ jkun hemm viżjonijiet differenti, imma dejjem għandha tiġi mħarsa l-għaqda. Għax, jekk inħarsu l-grazzja tal-flimkien, il-Mulej jibni wkoll hemm fejn aħna nfellqu. Il-grazzja tal-flimkien. Din hi s-sejħa tagħna: li nkunu Knisja, Ġisem wieħed bejnietna. Din hi l-vokazzjoni tagħna, bħala Ragħajja: niġbru l-merħla, ma nferrxuhiex u lanqas nippreservawha bejn ħitan sbieħ imma magħluqa. Inkunu noqtluha. Li nibnu mill-ġdid ifisser insiru bennejja tal-komunjoni, nissieġa ta’ għaqda f’kull livell: mhux b’xi strateġija, imma bil-Vanġelu.

 

Jekk hekk nerġgħu nibnu mill-ġdid, inkunu nagħtu l-possibbiltà lil ħutna li jaraw. Dan hu t-tielet verb, li bih jagħlaq il-Vanġelu tal-lum, b’Erodi li kien “ifittex li jara lil Ġesù” (ara Lq 9:9). Illum bħal dakinhar għandna ħafna diskors dwar Ġesù. F’dawk iż-żminijiet kienu jgħidu: “Ġwanni qam mill-imwiet […] Deher Elija […] Qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi” (Lq 9:7-8). Dawn kollha kienu japprezzawh lil Ġesù, imma ma kinux fehmu l-ġdid li ġab miegħu u għalquh fi skemi li diġà kienu raw: Ġwanni, Elija, il-profeti… Imma lil Ġesù ma tistax tagħlqu fl-iskemi ta’ “xi smajna jingħad” jew “x’diġà rajna”. Ġesù hu dejjem ġdid, dejjem. Il-laqgħa ma’ Ġesù tagħtik li tistagħġeb, u jekk int fil-laqgħa tiegħek ma’ Ġesù ma tħossx li għandek tistagħġeb, għadek ma ltqajtx ma’ Ġesù.

 

Ħafna fl-Ewropa jaħsbu li l-fidi hi xi ħaġa li diġà rajna, li hi ħaġa tal-imgħoddi. Għaliex? Għax ma rawx lil Ġesù jaħdem f’ħajjithom. U spiss ma rawhx għax aħna b’ħajjitna ma wrejnihulhomx biżżejjed. Għax lil Alla tarah fl-uċuħ u fil-ġesti ta’ rġiel u nisa mibdula mill-preżenza tiegħu. U jekk l-Insara, flok iħallu jilma minnhom id-dawl tal-ferħ dakkari tal-Vanġelu, jerġgħu jipproponu skemi reliġjużi li tmermru, intellettwalistiċi u moralistiċi, in-nies ma tarax lir-Ragħaj it-Tajjeb. Ma tagħrfux lil Dak li, innamrat ma’ kull nagħġa, qed isejħilha b’isimha u jfittixha biex jerfagħha fuq spallejh. Ma tarahx lil Dak li aħna nipprietkaw il-Passjoni inkredibbli tiegħu, proprju għaliex hu għandu biss passjoni waħda: il-bniedem. Din l-imħabba divina, ħanina u tal-għaġeb, hija l-ġdid dejjiemi tal-Vanġelu. U qed jitlob minna, għeżież Ħuti, għażliet għorrief u qalbiena, magħmula f’isem il-ħlewwa belha li biha Kristu salvana. Mhux qed jitlobna nagħmlu xi dimostrazzjoni, imma qed jitolbna nuru lil Alla, kif għamlu l-Qaddisin: mhux bil-kliem, imma bil-ħajja. Jitlob minna talb u faqar, jitlob kreattività u gratwità. Ejjew ngħinu lill-Ewropa tal-lum, marida bl-għeja – din hi l-marda tal-Ewropa tal-lum –, biex terġa’ ssib il-wiċċ dejjem żagħżugħ ta’ Ġesù u tal-għarusa tiegħu. Ma nistgħux ħlief nagħtu lilna nfusna kollna kemm aħna biex jidher dan il-ġmiel li jibqa’ għal dejjem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard