VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BUDAPEST,

FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TAL-GĦELUQ TAT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA

(12-15 TA’ SETTEMBRU 2021)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Pjazza tal-Eroj (Budapest)

Il-Ħadd 12 ta’ Settembru 2021

 

F’Ċesarija ta’ Filippu Ġesù jistaqsi lid-dixxipli: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (Mk 8:29). Din il-mistoqsija tpoġġi lid-dixxipli daharhom mal-ħajt u ġġib bidla fil-mixja tagħhom wara l-Imgħallem. Huma kienu jafuh sew lil Ġesù, ma kinux għadhom fil-bidu miegħu: kellhom familjarità miegħu, kienu raw ħafan mirakli jseħħu quddiemhom, baqgħu milquta mit-tagħlim tiegħu, kienu jimxu warajh kull fejn imur. Imma, kienu għadhom ma jaħsbuhiex bħalu. Kien għad jonqos il-passaġġ deċiżiv, dak mill-ammirazzjoni lejn Ġesù għall-imitazzjoni ta’ Ġesù. Illum ukoll il-Mulej, huwa u jsammar ħarstu fuq kull wieħed u waħda minna, qed jisfidana personalment: “Imma jiena min jien tassew għalik?”. Min jien għalik? Hija mistoqsija li, magħmula lil kull wieħed u waħda minna, mhux biss titlob tweġiba eżatta, tal-katekiżmu, imma tweġiba personali, tweġiba ta’ ħajja.

 

Minn din it-tweġiba jinbet it-tiġdid tad-dixxipulat. Dan iseħħ permezz ta’ tliet passaġġi, li għamlu d-dixxipli u nistgħu nagħmlu aħna wkoll: l-ewwel it-tħabbira ta’ Ġesù, it-tieni d-dixxerniment ma’ Ġesù, it-tielet il-mixja wara Ġesù.

 

1. It-tħabbira ta’ Ġesù: Għal dik l-“Imma intom, min tgħidu li jien?”, wieġeb Pietru, bħala rappreżentant tal-grupp kollu: “Inti l-Messija”. Pietru jiġbor kollox fi ftit kliem, it-tweġiba hi tajba, imma ħaġa tal-għaġeb, wara dan l-għarfien Ġesù jordnalhom “ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu” (v. 30). U nistaqsu: għaliex jagħmlilhom din il-projbizzjoni hekk drastika? Għal raġuni preċiża: li tgħid li Ġesù huwa l-Kristu, il-Messija, hija ħaġa eżatta imma mhix kompluta. Dejjem hemm ir-riskju li nħabbru messjaniċità falza, skont il-bnedmin u mhux skont Alla. Għalhekk, minn dak il-ħin stess, Ġesù beda jikxef l-identità tiegħu, dik tal-Għid, dik li nsibu fl-Ewkaristija. Ifisser kif il-missjoni tiegħu kellha tilħaq il-quċċata tagħha, iva, fil-glorja tal-qawmien, imma billi tgħaddi mill-umiljazzjoni tas-salib. U għalhekk kellha sseħħ skont l-għerf ta’ Alla, “li”, jgħid San Pawl, “mhux l-għerf ta’ din id-dinja, anqas l-għerf tal-prinċpijiet ta’ din id-dinja” (1 Kor 2:6). Ġesù jimponi s-skiet dwar l-identità messjanika tiegħu, imma mhux dwar is-salib li hemm jistennieh. Anzi – jinnota l-evanġelista – Ġesù jibda jgħallimhom “ċar” (Mk 8:32) li “kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum” (v. 31).

 

Quddiem din it-tħabbira ta’ Ġesù, tħabbira li tista’ tħawwadna, aħna wkoll nistgħu nibqgħu xxukkjati. Aħna wkoll nixtiequ messija potenti u mhux qaddej mislub. L-Ewkaristija tinsab quddiemna biex tfakkarna min hu Alla. Dan ma tagħmlux bil-kliem, imma konkretement, billi turina lil Alla bħala Ħobż maqsum, bħala Mħabba misluba u mogħtija. Nistgħu nżidu ħafna ċerimonji, imma l-Mulej jibqa’ hemm, fis-sempliċità ta’ Ħobża li tħalli lil min jaqsamha, iqassamha u jikolha. Jinsab hemm: biex isalvana, isir qaddej; biex jagħtina l-ħajja, imut. Nagħmlu sew inħallu t-tħabbira ta’ Ġesù tħawwadna xi ftit. U min jiftaħ qalbu għal din l-aħbar ta’ Ġesù, ikun jiftaħha għat-tieni passaġġ.

 

2. Id-dixxerniment ma’ Ġesù. Quddiem din it-tħabbira tal-Mulej, ir-reazzjoni ta’ Pietru hija tipikament umana: meta jilmaħ is-salib, il-perspettiva tat-tbatija, il-bniedem jirribella. U Pietru, wara li stqarr il-messjaniċità ta’ Ġesù, skandalizza ruħu bil-kelmiet tal-Imgħallem u pprova jipperswadih biex ma jibqax miexi f’dik it-triq tiegħu. Is-salib qatt ma hu moda. Għeżież ħuti, is-salib qatt ma hu moda: la llum u lanqas fl-imgħoddi. Imma jfejjaqna minn ġewwa. Huwa quddiem l-Imsallab li nħossu ġewwa fina għaddejja ġlieda tajba, il-kunflitt qalil bejn il-“ħsieb skont Alla” u l-“ħsieb skont il-bnedmin”. Minn banda, hemm il-loġika ta’ Alla, li hi dik tal-imħabba umli. It-triq ta’ Alla taħrab minn kull impożizzjoni, manifestazzjoni esterna, trijonfaliżmu, għax dejjem tħares lejn il-ġid tal-oħrajn, sal-punt tas-sagrifiċċju personali. Min-naħa l-oħra hemm il-“ħsieb skont il-bnedmin”: hija l-loġika tad-dinja, tal-mondanità, marbuta mal-unur u mal-privileġġi, ħsiebha fil-prestiġju u fis-suċċess. Hawn dak li jiswa hu kemm int rilevanti u b’saħħtek, x’hemm li jiġbed l-attenzjoni l-iktar u kemm kapaċi turi xi ssarraf quddiem l-oħrajn.

 

Mogħmi b’din il-perspettiva, Pietru jiġbed lil Ġesù għall-ġenb u jibda jlumu (ara v. 32). L-ewwel kien stqarru, u issa jlumu. Jista’ jiġri lilna wkoll li niġbdu lill-Mulej “għall-ġenb”, li nqiegħduh f’rokna ta’ qalbna, nibqgħu naħsbu li aħna reliġjużi u tajbin u nibqgħu mexjin għal għonq it-triq tagħna mingħajr ma niddakkru mil-loġika ta’ Ġesù. Imma hemm verità: hu xorta jimxi magħna, jimxi magħna f’din it-taqbida ġewwiena tagħna, għax hu jixtieq li, bħall-Appostli, nagħżlu n-naħa tiegħu. Hemm in-naħa ta’ Alla u hemm in-naħa tad-dinja. Id-differenza mhijiex bejn min hu reliġjuż u min mhux. Id-differenza kruċjali hija bejn il-veru Alla u l-alla tal-jien tagħna. Kemm hu bogħod Dak li jsaltan fis-skiet fuq is-salib mill-alla falz li nixtiequ aħna li jsaltan bil-qawwa u jġib fix-xejn l-għedewwa tagħna! Kemm hu differenti Kristu, li jersaq lejna biss bi mħabba, mill-messiji potenti u rebbieħa li tadura d-dinja! Ġesù jheżżiżna waħda u sew, ma jikkuntentax ruħu bid-dikjarazzjonijiet ta’ fidi, imma jitlobna nippurifikaw ir-reliġjożità tagħna quddiem is-salib tiegħu, quddiem l-Ewkaristija. Nagħmlu sew noqogħdu fl-adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija biex nikkontemplaw id-dgħufija ta’ Alla. Niddedikaw il-ħin għall-adorazzjoni. Spiss ninsewh dan il-mod ta’ kif nitolbu. Ejjew niddedikaw il-ħin għall-adorazzjoni. Inħallu lil Ġesù Ħobż ħaj ifejjaq l-għeluq tagħna u jiftħilna qalbna għall-qsim ma’ xulxin, ifejjaqna mir-riġiditajiet tagħna u mill-għeluq fina nfusna; jeħlisna mill-jasar paralizzanti li rridu noqogħdu niddefendu l-immaġni tagħna, inebbaħna nimxu warajh fejn hu jixtieq jeħodna. Mhux fejn irrid jien. U hekk naslu għat-tielet passaġġ.

 

3. Il-mixja wara Ġesù, anki l-mixja ma’ Ġesù. “Itlaq minn quddiemi, ja Xitan” (v. 33). Hekk Ġesù jerġa’ jressaq lil Pietru lejh, bi kmand ħerqan, qawwi. Imma l-Mulej, meta jikkmanda xi ħaġa, fir-realtà jkun hemm, lest biex jagħtiha. U Pietru jilqa’ l-grazzja li jagħmel “pass lura”. Il-mixja Nisranija mhijiex xi ġirja għas-suċċess, imma tibda b’pass lura – ftakruh dan: il-mixja Nisranija tibda b’pass lura –, b’deċentrament li jeħlisna, meta ma nibqgħux aħna fiċ-ċentru tal-ħajja. Hawn Pietru jagħraf li ċ-ċentru mhuwiex il-Ġesù tiegħu, imma l-veru Ġesù. Għad jerġa’ jaqa’, imma maħfra wara maħfra dejjem jagħraf iżjed il-wiċċ ta’ Alla. U jgħaddi mill-ammirazzjoni sterili lejn Kristu għall-imitazzjoni konkreta ta’ Kristu.

 

Xi jfisser meta ngħidu li nimxu wara Ġesù? Ifisser nimxu ’l quddiem fil-ħajja bl-istess fiduċja tiegħu, dik li aħna wlied maħbuba ta’ Alla. Ifisser nimxu l-istess triq tal-Imgħallem, li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi (ara Mk 10:45). Nimxu wara Ġesù jfisser li ta’ kuljum inħarrku l-passi tagħna biex niltaqgħu ma’ ħuna. ’L hemm tmexxina l-Ewkaristija: biex inħossuna Ġisem wieħed, biex ninqasmu għall-oħrajn. Għeżież ħuti, inħallu l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija tibdilna, kif bidlet il-Qaddisin kbar u kuraġġjużi li intom tweġġħu, qed jiġuni f’moħħi San Stiefnu u Santa Eliżabetta. Bħalhom, ma nikkuntentawx ruħna bil-ftit; ma nirrassenjawx ruħna għal fidi li tgħix bir-riti u r-ripetizzjonijiet, imma ninfetħu għall-ġdid skandaluż ta’ Alla msallab u rxuxtat, Ħobż maqsum biex jagħti ħajja lid-dinja. Hekk inkunu fil-ferħ; u nqassmu l-ferħ.

 

Dan il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali huwa punt tal-wasla ta’ mixja, imma ħa jkun fuq kollox punt tat-tluq. Għax il-mixja wara Ġesù tistedinna nħarsu ’l quddiem, nilqgħu l-bidla tal-grazzja, u nġeddu ta’ kuljum fina dik il-mistoqsija li, bħal f’Ċesarija ta’ Filippu, il-Mulej jagħmel lil kull wieħed u waħda minna dixxipli tiegħu: Imma intom, min tgħidu li jien?

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard