VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’ĊIPRU U FIL-GREĊJA

(2-6 TA’ DIĊEMBRU 2021)

QUDDIESA - OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

“Megaron Concert Hall” f’Ateni

Il-Ħadd 5 ta’ Diċembru 2021

 

F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent il-Kelma ta’ Alla qed tippreżentalna l-figura ta’ San Ġwann il-Battista. Il-Vanġelu jagħfas fuq żewġ aspetti tiegħu: il-post fejn jinsab, id-deżert, u l-kontenut tal-messaġġ tiegħu, il-konverżjoni. Deżert u konverżjoni: fuq dan jagħfas il-Vanġelu tal-lum u din l-insistenza kollha turina li dawn il-kelmiet jolqtuna direttament. Ejjew nilqgħuhom it-tnejn li huma.

 

Id-deżert. L-evanġelista Luqa jintroduċi dan il-post b’mod partikulari. Fil-fatt jitkellem fuq ċirkustanzi solenni u fuq persunaġġi kbar ta’ dak iż-żmien: isemmi l-ħmistax-il sena tal-Imperatur Tiberju Ċesari, il-Gvernatur Ponzju Pilatu, is-Sultan Erodi u “mexxejja politiċi” oħra ta’ dak iż-żmien; imbagħad isemmi dawk reliġjużi, Anna u Kajfa, li kienu fit-Tempju ta’ Ġerusalemm (ara Lq 3:1-2). U hawn jiddikjara: “Il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert” (Lq 3:2). Imma kif? Konna nistennew li l-Kelma ta’ Alla tmur għand wieħed minn dawk il-kbarat li għadhom kemm issemmew. Imma le. Mil-linji tal-Vanġelu toħroġ ironija fina: mis-sulari ta’ fuq fejn jgħixu dawk li għandhom is-setgħa f’idejhom f’daqqa waħda jgħaddi għad-deżert, għal bniedem ma jafu ħadd u solitarju. Alla jgħaġġibna, l-għażliet tiegħu jissorprenduna: ma jidħlux fil-previżjonijiet umani, ma jsegwux is-setgħa u l-kobor li l-bniedem soltu jassoċja magħhom. Il-Mulej jippreferi ċ-ċokon u l-umiltà. Il-fidwa ma tibdiex Ġerusalemm, f’Ateni jew f’Ruma, imma fid-deżert. Din l-istrateġija paradossali tagħtina messaġġ sabiħ ħafna: li wieħed ikollu l-awtorità, li jkun bniedem kolt jew famuż, din mhix garanzija li hu sa jogħġob lil Alla; anzi, dan jista’ jwassal biex wieħed jissuppervja u iktar ibiegħdu minnu. Imma dak li għandna bżonn hu li nkunu foqra minn ġewwa, bħalma fqir hu d-deżert.

 

Nibqgħu fuq il-paradoss tad-deżert. Il-Prekursur ħejja għall-miġja ta’ Kristu f’dan il-post diffiċli u li ma tantx jilqgħek, mimli perikli. Issa, jekk wieħed ikun irid jagħti aħbar importanti, is-soltu jmur f’postijiet sbieħ, fejn hemm ħafna nies, fejn jista’ jidher. Imma Ġwanni jipprietka fid-deżert. Proprju hemm, fil-post tan-nixfa, f’dak l-ispazju battal mifrux sa iktar minn fejn twasal l-għajn u fejn kważi ma hemmx ħajja, hemm tidher il-glorja tal-Mulej, li – kif tbassar l-Iskrittura (ara Iż 40:3-4) – tibdel id-deżert f’għadira, l-art niexfa f’għejun ta’ ilma (ara Iż 41:18). Dan hu messaġġ ieħor li jagħmlilna l-qalb: Alla, illum bħal dakinhar, jixħet ħarstu hemm fejn jaħkmu s-swied il-qalb u s-solitudni. Dan nistgħu nħossuh f’ħajjitna: hu spiss ma jirnexxilux jilħaqna meta nkunu qalb l-applawsi u naħsbu biss fina nfusna; imma fuq kollox jilħaqna fis-sigħat tat-tiġrib. Iżurna fis-sitwazzjonijiet diffiċli, fil-vojt tagħna li jħallilu spazju biex jidħol, fid-deżert tal-ħajja tagħna. Hemm iżurna l-Mulej.

 

Għeżież ħuti, fil-ħajja ta’ persuna jew ta’ poplu ma jonqsux mumenti li fihom wieħed ikollu l-impressjoni li jinsab f’deżert. U proprju hemm hu preżenti l-Mulej, li spiss ma jiġix milqugħ minn min iħossu li rnexxa, imma minn min iħossu li mhux sa jwassal sal-aħħar. U jiġi għandna bi kliem ta’ qrubija, faraġ u ħlewwa: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jiena ngħinek” (41:10). Bil-predikazzjoni tiegħu fid-deżert, Ġwanni jiżgurana li l-Mulej jiġi biex jeħlisna u jroddilna l-ħajja proprju fis-sitwazzjonijiet li jidhru li ma hemmx salvazzjoni għalihom, li ma hemmx triq ta’ ħruġ għalihom: hemm jiġi. Allura ma hemmx post li Alla ma jridx iżur. U llum ma nistgħux ħlief inħossuna hienja narawh jagħżel id-deżert, biex jilħaqna fiċ-ċokon tagħna li hu jħobb u fin-nixfa tagħna li jrid jaqta’! Allura, l-iktar għeżież, la tibżgħux miċ-ċkunija, għax il-kwistjoni mhix li aħna żgħar jew ftit, imma ninfetħux għal Alla u għall-oħrajn. U tibżgħux lanqas min-nixfa, għax Alla ma jibżax minnha, u hemm jiġi jżurna!

 

Ngħaddu għat-tieni aspett, il-konverżjoni. Il-Battista pprietkaha bla waqfien u b’toni qawwija (ara Lq 3:7). Anki din hi tematika “skomda”. Bħalma d-deżert mhuwiex l-ewwel post li fih nixtiequ mmorru, hekk l-istedina għall-konverżjoni żgur li mhix l-ewwel proposta li nixtiequ nisimgħu. Meta nitkellmu fuq konverżjoni dan jista’ jqanqal f’qalbna ċerta diqa; insibuha bi tqila nirrikonċiljawha mal-Vanġelu tal-ferħ. Imma dan jiġri meta l-konverżjoni tiġi ridotta għal sforz morali, bħallikieku kienet biss frott tat-tħabrik tagħna. Il-problema qiegħda proprju hawn, meta nibbażaw kollox fuq l-isforzi tagħna. Dan mhux sew! Hawn jitfaċċaw ukoll id-diqa spiritwali u l-frustrazzjoni: irridu nikkonvertu, inkunu aħjar, negħlbu d-difetti tagħna, ninbidlu, imma nħossu li m’aħniex kapaċi għalkollox u, minkejja r-rieda tajba, dejjem nerġgħu naqgħu. Ngħaddu mill-istess esperjenza ta’ San Pawl li, proprju minn dawn l-artijiet, kiteb: “Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (Rum 7:18-19). Jekk allura, waħidna, ma għandniex il-ħila li nagħmlu t-tajjeb li nixtiequ, xi jfisser li għandna nikkonvertu?

 

Tista’ tgħinna l-lingwa sabiħa tagħna, il-Grieg, bl-etimoloġija tal-verb evanġeliku “nikkonvertu”, metanoéin. Hu magħmul mill-prepożizzjoni metá, li hawn tfisser lil hemm, u mill-verb noéin, li jfisser naħsbu. Allura nikkonvertu jfisser naħsbu iktar lil hemm, jiġifieri mmorru lil hemm mill-mod li mdorrijin naħsbu bih, lil hemm mill-iskemi mentali tagħna tas-soltu. Qed jiġuni f’moħħi l-iskemi li jirriduċu kollox għall-jien tagħna, għall-pretensjoni tagħna li nifilħu għal kollox waħidna. Jew f’dawk magħluqa mir-riġidità u mill-biża’ li jipparalizzawhom, mit-tentazzjoni ta’ “dejjem hekk sar, għaliex għandna nibdlu?”, mill-idea li d-deżert tal-ħajja huwa post tal-mewt u mhux tal-preżenza ta’ Alla.

 

Meta Ġwanni jsejħilna għall-konverżjoni hu qed jistedinna mmorru lil hemm u ma niqfux hawn; immorru lil hemm minn dak li l-istinti tagħna jgħidulna u l-ħsibijiet tagħna juruna, għax ir-realtà hi bil-wisq ikbar: hi ikbar mill-istinti tagħna, mill-ħsibijiet tagħna. Ir-realtà hi li Alla hu ikbar. Mela li nikkonvertu jfisser ma nagħtux widen għal dak li jordom it-tama, għal min jirrepeti li fil-ħajja xejn mhu ħa jinbidel – il-pessimisti ta’ dejjem. Ifisser nirrifjutaw li aħna ddestinati biex nintradmu taħt ir-ramel tal-medjokrità. U ma nċedux għall-fantażmi interjuri, li fuq kollox jidhrulna fil-mumenti tal-prova biex jaqtgħulna qalbna u jgħidulna li mhux se nwasslu sal-aħħar, li kollox sejjer ħażin u li l-qdusija mhijiex għalina. Mhuwiex hekk, għax hemm Alla. Jeħtieġ nafdaw fih, għax huwa hu l-lil hemm tagħna, il-qawwa tagħna. Kollox jinbidel jekk inħallulu l-ewwel post. Din hi l-konverżjoni: għall-Mulej biżżejjed il-bieb miftuħ tagħna biex jidħol minnu u jagħmel l-għeġubijiet, l-istess kif kienu biżżejjed għalih deżert u l-kelmiet ta’ Ġwanni biex seta’ jiġi fid-dinja. Ma jitlobx iżjed minn hekk.

 

Nitolbu l-grazzja li nemmnu li ma’ Alla l-affarijiet jistgħu jinbidlu, li hu jfejjaq il-biżgħat tagħna, idewwi l-ġrieħi tagħna, jibdel l-imkejjen niexfa f’għejun ta’ ilma. Nitolbu l-grazzja tat-tama. Għax hija t-tama li tkebbes mill-ġdid il-fidi u tixgħel l-imħabba. Għax huwa għat-tama li d-deżerti tal-lum huma għatxana. U waqt li din il-laqgħa tagħna ġġeddidna fit-tama u fil-ferħ ta’ Ġesù, u jiena nifraħ għax qiegħed magħkom, nitolbu lill-Omm tagħna, Dik li hi kollha kemm hi Qaddisa, tgħinna nkunu, bħalha, xhieda tat-tama, li niżirgħu l-ferħ madwarna – it-tama, ħuti, ma tqarraqx bina, qatt –. Mhux biss meta aħna kuntenti u flimkien, imma ta’ kuljum, fid-deżert li fih ngħixu. Għax huwa hemm li, bil-grazzja ta’ Alla, ħajjitna hi msejħa tikkonverti. Hemm, fil-ħafna deżerti interni tagħna jew tal-ambjent, hemm il-ħajja hi msejħa twarrad. Ħa jagħtina l-Mulej il-grazzja u l-kuraġġ li nilqgħu din il-verità.

 

__________________________________

 

Tislima finali fi tmiem il-Quddiesa

 

Għeżież ħuti,

 

Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-merħba li rċivejt fostkom. Grazzi mill-qalb! Efcharistó! [Grazzi!].

 

Mil-lingwa Griega ħarġet għall-Knisja kollha din il-kelma li tiġbor fiha d-don ta’ Kristu: Ewkaristija. U għalhekk għalina l-Insara r-ringrazzjament hu mnaqqax fil-qalba tal-fidi u tal-ħajja. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jagħmel mill-eżistenza u l-għemil kollu tagħna Ewkaristija, radd il-ħajr lil Alla u don ta’ mħabba lill-aħwa.

 

F’dan il-kuntest, inġedded ir-rikonoxximent kbir tiegħi lejn l-Awtoritajiet ċivili, lejn is-Sinjura President tar-Repubblika, hawn preżenti, lejn ħuti l-Isqfijiet, kif ukoll lejn dawk kollha li b’diversi modi kkollaboraw biex iħejju u jorganizzaw din iż-żjara. Grazzi lil kulħadd! U grazzi lill-kor li għenna nitolbu tant tajjeb.


Għada se nħalli l-Greċja, imma mhux se nitlaq lilkom! Se nġorrkom miegħi, fil-memorja u fit-talb. U intom ukoll, nitlobkom, ibqgħu itolbu għalija. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard