ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’L’AQUILA

QUDDIESA

OMELIJA TAL-PAPA

Pjazza tal-Bażilika ta’ Santa Maria in Collemaggio

Il-Ħadd 28 ta’ Awwissu 2022

 

Il-qaddisin huma spjegazzjoni affaxxinanti tal-Vanġelu. Ħajjithom hija l-perspettiva pprivileġġjata li minnha nistgħu nħarsu lejn l-aħbar it-tajba li Ġesù ġie jxandar, jiġifieri li Alla hu Missierna u kull wieħed u waħda minna aħna maħbuba minnu. Din hija l-qalba tal-Vanġelu, u Ġesù huwa l-prova ta’ din l-Imħabba, l-inkarnazzjoni tagħha, il-wiċċ tagħha.

 

Illum qed niċċelebraw l-Ewkaristija f’jum speċjali għal din il-belt u għal din il-Knisja: il-Maħfra Ċelestina. Hawn huma mħarsa r-relikwi tal-qaddis Papa Ċelestinu V. Dan il-bniedem donnu jwettaq b’mod sħiħ dak li smajna fl-Ewwel Qari: “Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej” (Sir 3:18). Aħna b’mod żbaljat niftakru fil-figura ta’ Ċelestinu V bħala “dak li għamel ir-rifjut il-kbir”, skont l-espressjoni ta’ Dante fid-Divina Commedia; imma Ċelestinu ma kienx il-bniedem tal-“le”, kien il-bniedem tal-“iva”.

 

Fil-fatt, ma jeżistix mod ieħor kif inwettqu r-rieda ta’ Alla għajr dak li nagħmlu tagħna l-qawwa tal-umli, ma hemmx ieħor. Proprju għax huma hekk, l-umli jidhru f’għajnejn il-bnedmin bħala dgħajfa u telliefa, imma fir-realtà huma l-veri rebbieħa, għax huma l-uniċi li jafdaw għalkollox fil-Mulej u jafu r-rieda tiegħu. Fil-fatt “il-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu. […] hu msebbaħ min-nies umli” (Sir 3:19-20). Qalb l-ispirtu tad-dinja, li hu maħkum mill-kburija, il-Kelma ta’ Alla tal-lum tistedinna nkunu umli u ta’ qalb ħelwa. L-umiltà mhix li niżvalutaw lilna nfusna, imma hi dak ir-realiżmu san li bih nagħrfu l-potenzjalitajiet tagħna u anki l-miżerji tagħna. Ibda proprju mill-miżerji tagħna, l-umiltà twarrbilna ħarsitna minn fuqna nfusna biex indawruha lejn Alla, Dak li jista’ kollox, u tiksbilna wkoll dak li waħidna ma jirnexxilniex ikollna. “Kollox hu possibbli għal min jemmen” (Mk 9:23).

 

Il-qawwa tal-umli huwa l-Mulej, mhux l-istrateġiji, il-mezzi umani, il-loġika ta’ din id-dinja, il-kalkoli… Le, huwa l-Mulej. F’dan is-sens, Ċelestinu V kien xhud qalbieni tal-Vanġelu, għax l-ebda loġika tal-poter ma setgħet tjassru u tikkmandah hi. Fih aħna nammiraw Knisja ħielsa mil-loġika mondana u xhud sħiħ ta’ dak l-isem ta’ Alla li hu Ħniena. Din hi l-istess qalba tal-Vanġelu, għax il-ħniena tfisser li nafu li aħna maħbuba fil-miżerja tagħna. Dawn imorru flimkien. Ma tistax tifhem il-ħniena jekk ma tifhimx il-miżerja tiegħek. Li nemmnu ma jfissirx noqorbu lejn Alla tad-dlam u li jbeżża’. Dan fakkrithulna l-Ittra lil-Lhud: “Intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u r-riefnu; lejn dak id-daqq ta’ tromba u ħoss ta’ kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar” (12:18-20). Le, ħuti għeżież, aħna rsaqna lejn Ġesù, l-Iben ta’ Alla, li hu l-Ħniena tal-Missier u l-Imħabba li ssalva. Il-ħniena hija Hu, u mal-ħniena tista’ titkellem biss il-miżerja tagħna. Jekk xi ħadd minna jaħseb li jista’ jasal għall-ħniena minn triq oħra li mhix il-miżerja tiegħu, dan żbalja t-triq. Għalhekk importanti nifhmu r-realtà tagħna.

 

L’Aquila ilha sekli żżomm ħaj id-don li ħallielha proprju l-Papa Ċelestinu V. Huwa l-privileġġ li jfakkar lil kulħadd li bil-ħniena, u biha biss, il-ħajja ta’ kull bniedem tista’ tingħax bil-ferħ. Il-ħniena hija l-esperjenza li nħossuna milqugħa, mill-ġdid fuq saqajna, imsaħħa, imfejqa, imħeġġa. Li niġu maħfura jfisser induqu minn hawn u minn issa dak li l-aktar joqrob lejn il-qawmien. Il-maħfra tfisser li ngħaddu mill-mewt għall-ħajja, mill-esperjenza tar-regħxa u tal-ħtija għal dik tal-libertà u tal-ferħ. Ħa jkun dan it-tempju dejjem post li fih wieħed jista’ jsib ir-rikonċiljazzjoni, u jduq dik il-Grazzja li terġa’ terfagħna fuq saqajna u tagħtina possibbiltà oħra. Alla tagħna hu Alla tal-possibbiltajiet: “Sa kemm-il darba, Mulej? Darba? Sa seba’ darbiet?” – “Sa sebgħa għal sebgħin darba”. Huwa Alla li dejjem jagħtik possibbiltà oħra. Ħa jkun dan tempju tal-maħfra, mhux biss darba fis-sena, imma dejjem, ta’ kuljum. Huwa hekk, fil-fatt, li tinbena l-paċi, permezz tal-maħfra milqugħa u mogħtija.

 

Nibdew mill-miżerja tagħna u nħarsu hemm, infittxu kif naslu għall-maħfra, għax imqar fil-miżerja tagħna dejjem se nsibu dawl li huwa t-triq biex immorru għand il-Mulej. Hu li jġib id-dawl qalb il-miżerja. Illum, dalgħodu, ngħidu aħna, ħsibt f’dan, meta konna wasalna L’Aquila u ma stajniex ninżlu l-art: ċpar oħxon, tant dalma, ma stajniex. Il-bdot tal-ħelikopter dam idur, idur, idur… Fl-aħħar ra toqba ċkejkna u daħal hemm: irnexxielu, veru mgħallem. U jiena dak il-ħin ħsibt fil-miżerja: l-istess jiġri bil-miżerja, bil-miżerja tagħna. Trant drabi hemm, inħarsu lejn dak li aħna, xejn, inqas mix-xejn; u nduru, induru… Imma xi drabi l-Mulej jiftaħ toqba ċkejkna: idħol hemm, dawn huma l-pjagi tal-Mulej! Hemm tinsab il-ħniena, imma tinsab fil-miżerja tiegħek. Hemm it-toqba li fil-miżerja tiegħek il-Mulej jiftaħlek biex tista’ tidħol fiha. Ħniena li tiġi fil-miżerja tiegħek, tiegħi, tagħna.

 

Għeżież ħuti, intom batejtu ħafna minħabba t-terremot, u bħala poplu qed tippruvaw terġgħu tqumu fuq riġlejkom. Imma min bata jrid ikun jaf jagħmel teżor mit-tbatija tiegħu, irid jifhem li fid-dlam li ġarrab ingħata wkoll id-don li jifhem it-tbatija tal-oħrajn. Intom tistgħu tħarsu d-don tal-ħniena għax tafu xi jfisser titlef kollox, tara dak li bnejt jaqa’ quddiemek, tħalli dak li kien l-aktar għażiż għalik, tħoss it-tiċrita tan-nuqqas ta’ min ħabbejt. Intom tistgħu tħarsu l-ħniena għax għamiltu esperjenza tal-miżerja.

 

Kulħadd fil-ħajja, mingħajr ma għandu għax iġarrab terremot, jista’, biex ngħidu hekk, jagħmel esperjenza ta’ “terremot tar-ruħ”, li jpoġġih f’kuntatt mad-dgħufija tiegħu, il-limiti tiegħu, il-miżerja tiegħu. F’din l-esperjenza jista’ jitlef kollox, imma jista’ wkoll jitgħallem l-umiltà vera. F’ċirkustanzi bħal dawn nistgħu nħallu l-ħajja xxaqleb lejn l-agħar tagħha, jew nistgħu nitgħallmu l-ħlewwa. Umiltà u ħlewwa, allura, huma l-karatteristiċi ta’ min għandu l-missjoni li jħares u jixhed għall-ħniena. Iva, għax il-ħniena, meta tiġi minna hi għax aħna qed inħarsuha, u anki għaliex aħna nistgħu nagħtu xhieda ta’ din il-ħniena. Huwa don għalija, il-ħniena, għalija li jien fqajjar, imma din il-ħniena għandha tkun ukoll mgħoddija lill-oħrajn bħala don mingħand Alla.

 

Imma hemm qanpiena tal-allarm li tgħidilna li qed niżbaljaw it-triq, u l-Vanġelu tal-lum ifakkarhielna (ara Lq 14:1,7-14). Ġesù kien mistieden għal ikla – smajna – fid-dar ta’ Fariżew, u josserva b’attenzjoni kif ħafna kienu jħaffu biex jieħdu l-aħjar postijiet mal-mejda. Dan jagħtih spunt biex jirrakkonta parabbola li għadha valida wkoll għalina llum: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar” (vv.8-9). Ħafna drabi naħsbu li niswew skont il-post li għandna f’din id-dinja. Il-bniedem mhuwiex il-post li għandu, il-bniedem huwa l-libertà li kapaċi jkollu u li juri b’mod sħiħ meta jokkupa l-aħħar post, jew meta jinżammlu post fuq is-Salib.

 

In-Nisrani jaf li ħajtu mhijiex karriera bil-manjiera ta’ din id-dinja, imma karriera bil-manjiera ta’ Kristu, li dwaru nnifsu qal li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi (ara Mk 10:45). Sakemm ma nifhmux li r-rivoluzzjoni tal-Vanġelu qiegħda kollha f’din ix-xorta ta’ libertà, nibqgħu nassistu għall-gwerer, vjolenzi u inġustizzji, li mhumiex għajr is-sintomu estern ta’ nuqqas ta’ libertà interjuri. Hemm fejn ma hemmx libertà interjuri, jidħlu l-egoiżmu, l-individwaliżmu, l-interess, l-abbuż tal-poter u dawn il-miżerji kollha. U jieħdu huma r-riedni f’idejhom, il-miżerji.

 

Ħuti, jalla L’Aquila tkun tabilħaqq il-kapitali tal-maħfra, kapitali tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni! Jalla L’Aquila tagħraf toffri lil kulħadd dik it-trasformazzjoni li Marija tgħanni fil-Magnificat: “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla liċ-ċkejknin” (Lq 1:52); dak li Ġesù fakkarna fil-Vanġelu tal-lum: “Kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (Lq 14:11). U proprju lil Marija, meqjuma minnkom bit-titlu ta’ Salvazzjoni tal-poplu Aquilan, irridu nafdaw il-fehma li ngħixu skont il-Vanġelu. L-interċessjoni materna tagħna tikseb għad-dinja kollha l-maħfra u s-sliem. L-għarfien tal-miżerja tagħna u l-ġmiel tal-ħniena.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard