LAQGĦA MAL-AZZJONI KATTOLIKA “B’DIRGĦAJN MIFTUĦA”

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħamis 25 ta’ April 2024

 

Għeżież ħbieb tal-Azzjoni Kattolika, il-jum it-tajjeb u merħba!

 

Grazzi tal-preżenza tagħkom. Insellmilkom minn qalbi, b’mod partikulari lill-President nazzjonali u lill-Assistent ġenerali. Ftit tal-ħin ilu, jien u għaddej minn ġo nofskom, ħarsti ltaqgħet ma’ għajnejn mimlija ferħ, kollha tama. Grazzi ta’ din it-tħaddina hekk qawwija u sabiħa, li minn hawn trid testendi ruħha għall-umanità kollha, speċjalment għal min qed ibati. Qatt ma għandna ninsew lill-persuni li qed ibatu.

 

Fil-fatt it-titlu li għażiltu għal-laqgħa tagħkom hu “B’dirgħajn miftuħa”. It-tħaddina hi waħda mill-espressjonijiet l-iktar spontanji tal-esperjenza umana. Il-ħajja tal-bniedem tiftaħ bi tħaddina tad-dirgħajn, dik tal-ġenituri, l-ewwel ġest ta’ akkoljenza, li warajh jiġu tant oħrajn, li jagħtu sens u valur lill-ġranet u lis-snin, sal-aħħar waħda, dik tat-tluq mill-mixja ta’ din l-art. U fuq kollox hi mħaddna mit-tħaddina kbira ta’ Alla, li jħobbna, iħobbna hu l-ewwel u ma jieqaf qatt irossna miegħu, speċjalment meta nerġgħu lura għandu wara li nkunu ntlifna, kif turina l-parabbola tal-Missier ħanin (ara Lq 15:1-3,11-32). Kif kienet tkun ħajjitna, u kif setgħet isseħħ il-missjoni tal-Knisja mingħajr din it-tħaddina? Għalhekk nixtieq nipproponilkom, bħala spunti ta’ riflessjoni, tliet tipi ta’ tħaddina: it-tħaddina li hi nieqsa, it-tħaddina li ssalva, u t-tħaddina li tibdel il-ħajja.

 

L-ewwel: it-tħaddina li tonqos. Il-ħeġġa li llum qed tesprimu b’mod hekk ċelebrattiv mhux dejjem hi milqugħa b’mod tajjeb fid-dinja tagħna: xi drabi tħabbat wiċċha ma’ għeluq, xi drabi tħabbat wiċċha ma’ reżistenzi, fejn għalhekk id-dirgħajn jibbiesu u l-idejn jingħalqu ponn bħal f’theddida, u ma jibqgħux strumenti ta’ fraternità, imma ta’ rifjut, ta’ kontrappożizzjoni, anki vjolenti xi kultant, sinjal ta’ suspett fil-konfront tal-oħrajn, tal-qrib u tal-bogħod, sa ma jwasslu għall-kunflitt. Meta t-tħaddina tinbidel f’ponn magħluq, hi perikoluża ħafna. Fl-għerq tal-gwerer spiss hemm nuqqas ta’ tħaddin jew tħaddin li ġie rrifjutat, li warajh jiġu preġudizzji, nuqqas ta’ ftehim, suspetti, sa ma nibdew naraw lill-ieħor bħala għadu. U dan kollu, b’xorti ħażina, fi żminijietna jinsab taħt għajnejn kulħadd, f’ħafna partijiet tad-dinja! Imma bil-preżenza tagħkom u bix-xogħol tagħkom, intom tistgħu tagħtu xhieda quddiem kulħadd li t-triq tat-tħaddina hi t-triq tal-ħajja.

 

U dan iwassalna għat-tieni passaġġ. L-ewwel wieħed kien it-tħaddina li hi nieqsa, u issa se naraw it-tħaddina li ssalva. Diġà umanament li nħaddnu lil xulxin ifisser nesprimu valuri pożittivi u fundamentali bħall-għożża, l-istima, il-fiduċja, l-inkuraġġiment, ir-rikonċiljazzjoni. Imma din issir ħaġa iktar vitali meta ngħixuha fid-dimensjoni tal-fidi. Fil-fatt, fil-qalba tal-ħajja tagħna hemm proprju t-tħaddina ħanina ta’ Alla li jsalva, it-tħaddina tal-Missier twajjeb li wera ruħu fi Kristu, u li l-wiċċ tiegħu hu rifless f’kull ġest tiegħu – ta’ maħfra, ta’ fejqan, ta’ ħelsien, ta’ qadi (ara Ġw 13:1-15) – u li r-rivelazzjoni tiegħu tilħaq il-qofol tagħha fl-Ewkaristija u fuq is-Salib, meta Kristu joffri ħajtu għas-salvazzjoni tad-dinja, għall-ġid ta’ kull min jilqgħu b’qalb sinċiera, billi jaħfer anki lil dawk li jsallbuh (ara Lq 23:34). U dan kollu hu muri lilna biex aħna wkoll nitgħallmu nagħmlu l-istess. Għalhekk, ejjew ma nwarrbu qatt minn quddiem għajnejna t-tħaddina tal-Missier li ssalva, mudell tal-ħajja u qalba tal-Vanġelu, xempju ta’ radikalità tal-imħabba, li tmantni ruħha u titnebbaħ mid-don b’xejn u dejjem kotran ta’ Alla (ara Mt 5:44-48). Ħuti, ejjew inħalluh iħaddanna miegħu, bħal tfal (ara Mt 18:2-3; Mk 10:13-16), inħalluh iħaddanna miegħu bħal tfal ċkejknin. Kull wieħed u waħda minna għandu f’qalbu xi ħaġa minn tat-tfal li għandha bżonn ta’ tħaddina. Inħallu lill-Mulej iħaddanna miegħu. Hekk, fit-tħaddina tal-Mulej nitgħallmu nħaddnu lill-oħrajn.

 

Ejjew immorru għat-tielet pass. L-ewwel, it-tħaddina li hi nieqsa; it-tieni, it-tħaddina li ssalva; it-tielet, it-tħaddina li tibdel il-ħajja. Tħaddina tista’ tibdel il-ħajja, tiftaħ toroq ġodda, toroq ta’ tama. Huma ħafna l-qaddisin li fil-ħajja tagħhom tħaddina ġabet bidla deċiżiva, bħal San Franġisk, li ħalla kollox biex jimxi wara l-Mulej wara li għannaq miegħu raġel imġiddem, kif hu stess ifakkar fit-testment tiegħu (ara FF 110, 1407-1408). U jekk dan kien jgħodd għalihom, jgħodd ukoll għalina. Ngħidu aħna, għall-ħajja assoċjattiva tagħkom, li għandha bosta xejriet u ssib il-punt komuni proprju fit-tħaddina tal-imħabba (ara Kol 3:14; Rum 13:10), li hi marka unika essenzjali tad-dixxipli ta’ Kristu (ara Lumen gentium, 42), regola, forma u għan ta’ kull mezz ta’ tqaddis u ta’ appostolat. Ħallu lilha tagħġen u ssawwar kull sforz u qadi tagħkom, biex tistgħu tgħixu fidili għas-sejħa tagħkom u għall-istorja tagħkom (ara Diskors lill-Azzjoni Kattolika, 30 ta’ April 2017).

 

Ħbieb, intom tistgħu tkunu preżenza akbar ta’ Kristu skont kemm tagħrfu trossu magħkom u twieżnu lil kull wieħed u waħda mill-aħwa fil-bżonn bi tħaddina ta’ ħniena u mogħdrija, bħala lajċi impenjati fil-ġrajjiet tad-dinja u tal-istorja, għonja bi tradizzjoni kbira, iffurmati u kompetenti f’dak li jmiss ir-responsabbiltajiet tagħkom, u fl-istess waqt umli u mħeġġa fil-ħajja tal-ispirtu. Hekk tistgħu tagħtu sinjali konkreti ta’ bidla skont il-Vanġelu fuq livell soċjali, kulturali, politiku u ekonomiku fil-kuntesti li fihom taħdmu.

 

U hekk, ħuti, il-“kultura tat-tħaddina”, permezz tal-mixjiet personali u komunitarji tagħkom, tista’ tikber fil-Knisja u fis-soċjetà, u ġġedded ir-relazzjonijiet fil-familja u fl-edukazzjoni, iġġedded il-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ ġustizzja, iġġedded l-isforzi ta’ komunjoni u ta’ korresponsabbiltà, tibni rabtiet għal futur ta’ paċi (ara Diskors lill-Kunsill Nazzjonali tal-Azzjoni Kattolika Taljana, 30 ta’ April 2021).

 

U f’dan ir-rigward nixtieq inżid ħsieb tal-aħħar. Meta qed narawkom hawn ilkoll flimkien – adolexxenti, irġiel u nisa, studenti, ħaddiema, żgħażagħ, adulti u “adultissimi” (kif issejħulhom lil dawk tal-ġenerazzjoni tiegħi) – jiġini f’moħħi s-Sinodu. U naħseb fis-Sinodu li għaddej, li wasal fit-tielet tappa tiegħu, l-aktar waħda impenjattiva u importanti, dik profetika. Issa hemm bżonn nittraduċu l-ħidma tal-fażijiet ta’ qabel f’għażliet li jagħtu ħeġġa u ħajja ġdida lill-missjoni tal-Knisja fi żmienna. Imma l-aktar ħaġa importanti ta’ dan is-Sinodu hi s-sinodalità. L-argumenti, it-temi, qegħdin hemm biex iġibu ’l quddiem din l-espressjoni tal-Knisja, li hi s-sinodalità. Għalhekk hemm bżonn ta’ rġiel u nisa sinodali, li jagħrfu jiddjalogaw, jidħlu f’kollokju, ifittxu flimkien. Hemm bżonn ta’ persuni mgħoddija mill-forġa tal-Ispirtu, “pellegrini tat-tama”, kif tgħid it-tema tal-Ġublew li issa hu fil-qrib, irġiel u nisa li kapaċi jinsġu u jimxu toroq ġodda u impenjattivi. Għalhekk nistedinkom tkunu “atleti u dawk li ġġorru l-bandiera tas-sinodalità” (ara ibid.), fid-djoċesijiet u fil-parroċċi li minnhom tagħmlu parti, għal twettiq sħiħ tal-mixja li mxejna sa issa.

 

Fix-xhur li għaddew intom għextu, fil-komunitajiet tagħkom, mumenti ta’ esperjenza intensa assoċjattiva, bit-tiġdid ta’ dawk responsabbli fuq livell djoċesan u parrokkjali, u llejla se tibda t-XVIII-il Assemblea nazzjonali. Nawguralkom li tgħixu dawn l-esperjenzi wkoll mhux bħala formalitajiet, le, imma bħala mumenti ta’ komunjoni, mumenti ta’ korresponsabbiltà, mumenti ekkleżjali, fejn tiddakkru minn xulxin bi tħaddiniet ta’ mħabba u ta’ stima fraterna (ara Rum 12:10).

 

L-aktar għeżież, grazzi ta’ dak kollu li intom, grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu! Il-Madonna timxi magħkom dejjem. Nitlob għalikom. U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija, favurija, mhux kontrija! Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard