VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BUDAPEST,

FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TAL-GĦELUQ

TAT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA

(12-15 TA’ SETTEMBRU 2021)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Spjanata tas-Santwarju Nazzjonali (Šaštin)

L-Erbgħa 15 ta’ Settembru 2021

 

Fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, dirgħajn Marija jinfetħu lejn dawk tax-xwejjaħ Xmun, biex jista’ jilqa’ lil Ġesù u jagħrfu bħala l-Messija mibgħut għas-salvazzjoni ta’ Iżrael. F’din ix-xena nikkontemplaw min hi Marija: hija l-Omm li tagħtina l-Iben Ġesù. Għal dan aħna nħobbuha u nqimuha. U f’dan is-Santwarju Nazzjonali ta’ Šaštín, il-poplu Slovakk iħaffef, b’fidi u devozzjoni, għax jaf li hija hi li tagħtina lil Ġesù. Fil-“logo” ta’ dan il-Vjaġġ Appostoliku hemm triq iddisinjata ġo qalb b’Salib fuqha: Marija hija t-triq li ddaħħalna fil-Qalb ta’ Kristu, li ta ħajtu għall-imħabba tagħna.

 

Fid-dawl tal-Vanġelu li għadna kemm smajna, nistgħu nħarsu lejn Marija bħala mudell tal-fidi. U naraw tliet karatteristiċi tal-fidi: il-mixja, il-profezija u l-ħniena.

 

Qabelxejn, il-fidi ta’ Marija hija fidi li timxi. Ix-xebba ta’ Nazaret, bilkemm għadha rċeviet it-tħabbira tal-Anġlu, “qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq 1:39), biex tmur iżżur u tgħin lil Eliżabetta, kuġintha. Ma tħossux xi privileġġ li ġiet imsejħa ssir Omm il-Feddej; ma tilfitx il-ferħ sempliċi tal-umiltà tagħha għax ġiet miżjura mill-Anġlu; ma baqgħetx wieqfa tikkontempla lilha nfisha, qalb l-erba’ ħitan ta’ darha. Bil-maqlub, hi għexet dak id-don li rċeviet bħala missjoni li kellha twettaq; ħasset il-bżonn li tiftaħ il-bieb, toħroġ mid-dar; tat ħajja u laħħmet in-nuqqas ta’ sabar li bih Alla jrid jilħaq lill-bnedmin kollha biex isalvahom bi mħabbtu. Għalhekk Marija tibda miexja: flok il-kumditajiet tad-drawwiet tippreferi s-sorpriżi tal-vjaġġ, flok l-istabbiltà tad-dar it-taħbit tat-triq, flok iċ-ċertezza ta’ reliġjożità trankwilla r-riskju ta’ fidi li tilgħab ħajjitha, u tingħata b’don ta’ mħabba għall-oħrajn.

 

Anki l-Vanġelu tal-lum jurina lil Marija miexja: lejn Ġerusalemm fejn, flimkien ma’ Ġużeppi żewġha, tippreżenta lil Ġesù fit-Tempju. U ħajjitha kollha sa tkun mixja wara Binha, bħala l-ewwel dixxiplu, sal-Kalvarju, f’riġlejn is-Salib. Dejjem Marija li timxi.

 

Hekk il-Verġni hija mudell tal-fidi ta’ dan il-poplu Slovakk: fidi li timxi, dejjem immexxija minn devozzjoni sempliċi u sinċiera, dejjem f’pellegrinaġġ biex tfittex lill-Mulej. U intom u mexjin, intom tegħlbu t-tentazzjoni ta’ fidi statika, li tikkuntenta ruħha b’xi rit jew tradizzjoni antika, u minflok intom toħorġu minnkom infuskom, fil-basket iġġorru l-ferħ u l-uġigħ, u tagħmlu mill-ħajja pellegrinaġġ ta’ mħabba lejn Alla u ħutkom. Grazzi ta’ din ix-xhieda! U nitlobkom, ibqgħu mexjin, dejjem. La tiqfux! U rrid inżid ukoll ħaġa oħra. Għidt: “Tiqfux”, għax meta l-Knisja tieqaf, timrad; meta l-isqfijiet jieqfu, imarrdu lill-Knisja; meta l-qassisin jieqfu, imarrdu lill-poplu ta’ Alla.

 

Dik ta’ Marija hi fidi profetika. Bl-istess ħajja tagħha, it-tfajla żagħżugħa ta’ Nazaret hi profezija tal-opra ta’ Alla fl-istorja, tal-għemil ħanin tiegħu li jaqleb ta’ taħt fuq il-loġika tad-dinja, jgħolli liċ-ċkejknin u jbaxxi lill-imkabbrin (ara Lq 1:52). Hi, rappreżentanta tal-“fqajrin ta’ Jaħweh” kollha, li jgħajtu lill-Mulej u jistennew il-miġja tal-Messija, Marija hija Bint Sijon imħabbra mill-profeti ta’ Iżrael (ara Sof 3:14-18), il-Verġni li tnissel lil Alla-magħna, l-Għimmanu-El (ara Iż 7:14). Bħala Verġni Immakulata, Marija hija ikona tal-vokazzjoni tagħna: bħalha, aħna msejħin inkunu qaddisin u bla tebgħa fl-imħabba (ara Efes 1:4), u nsiru xbieha ta’ Kristu.

 

Il-profezija ta’ Iżrael tilħaq il-qofol tagħha f’Marija, għax hi ġġorr f’ġufha l-Kelma ta’ Alla li saret laħam, Ġesù. Hi twettaq b’mod sħiħ u għal dejjem il-pjan ta’ Alla. Dwaru, Xmun jgħid lil Ommu: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34).

 

Ma ninsewhx dan: ma tistax tirriduċi l-fidi għal zokkor li jagħmel il-ħajja kollha ħelwa. Ma tistax. Ġesù hu sinjal ta’ kontradizzjoni. Ġie biex iġib id-dawl fejn hemm id-dlamijiet, joħroġ id-dlamijiet għad-dieher u jġagħalhom iċedu. Għalhekk id-dlamijiet dejjem jitqabdu kontrih. Min jilqa’ lil Kristu u jinfetaħ għalih, iqum; min jiċħdu, jagħlaq lilu nnifsu fid-dlam u t-telfien. Lid-dixxipli tiegħu Ġesù qalilhom li ma ġiex biex iġib il-paċi, imma s-sejf (ara Mt 10:34); fil-fatt il-Kelma tiegħu, bħal xabla li taqta’ miż-żewġt ixfar, tidħol fil-ħajja tagħna u tifred id-dawl mid-dlam, u titlobna nagħżlu. Tgħidilna: “Agħżlu”. Quddiem Ġesù ma nistgħux nibqgħu mitluqa, b’sieq naħa u sieq oħra. Le, ma nistgħux. Nilqgħu jfisser naċċetta li hu se jikxef il-kontradizzjonijiet tiegħi, l-idoli tiegħi, il-ġibdiet tal-ħażen; u li jsir għalija qawmien, dak li dejjem jerġa’ jerfagħni, li jaqbadli jdejja u jgħinni nerġa’ nibda. Dejjem jerġa’ jerfagħna.

 

U proprju ta’ dawn il-profeti għandha bżonn illum ukoll is-Slovakkja. Intom, Isqfijiet: profeti li mexjin f’din it-triq. M’aħniex ngħidu li tkunu ostili għad-dinja, imma li tkunu “sinjali li jmerukom” fid-dinja. Insara li jafu juru, b’ħajjithom, il-ġmiel tal-Vanġelu. Li huma nissieġa tad-djalogu hemm fejn il-pożizzjonijiet jiqlielu; li jerġgħu juru l-ġmiel tal-ħajja tal-aħwa, hemm fejn spiss fis-soċjetà hemm firdiet u ostilitajiet; li jxerrdu l-fwieħa tajba tal-akkoljenza u tas-solidarjetà, hemm fejn spiss jerfgħu rashom l-egoiżmu personali, l-egoiżmu kollettiv; li jipproteġu u jħarsu l-ħajja hemm fejn issaltan il-loġika tal-mewt.

 

Marija, Omm tat-triq, hi dik li timxi; Marija, Omm il-profezija; u fl-aħħar, Marija hija l-Omm tal-ħniena. Il-fidi tagħha hi ħanina. Dik li sejħet lilha nfisha “l-qaddejja tal-Mulej” (ara Lq 1:38) u li, b’għożża ta’ omm, rat li ma jonqosx inbid fit-tieġ ta’ Kana (ara Ġw 2:1-12), qasmet ma’ Binha l-missjoni tas-salvazzjoni, sa f’riġlejn is-Salib. F’dak il-ħin, fl-uġigħ agonizzanti li ġarrbet fuq il-Kalvarju, hi fehmet il-profezija ta’ Xmun: “U inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35). It-tbatija tal-Iben fil-punt tal-mewt, li kien ħa fuqu d-dnubiet u l-mard tal-umanità, nifdet lilha wkoll. Ġesù minfud f’laħmu, Bniedem tat-tbatija sfigurat mill-ħażen (ara Iż 53:3); Marija, minfuda f’ruħha, Omm tal-ħniena li tilqa’ d-dmugħ tagħna u fl-istess waqt tfarraġna, waqt li turina fi Kristu r-rebħa għal dejjem.

 

U Marija Addolorata, taħt is-salib, sempliċiment tibqa’ hemm. Tinsab taħt is-salib. Ma taħrabx, ma tippruvax issalva lilha nfisha, ma tużax strataġemmi umani u anestetizzanti spiritwali biex taħrab mit-tbatija. Din hija l-prova tal-ħniena: hi tibqa’ taħt is-salib. Tibqa’ bil-wiċċ tagħha mmarkat mid-dmugħ, imma bil-fidi ta’ min jaf li f’Ibnu, Alla jibdel it-tbatija u jirbaħ il-mewt.

 

U aħna wkoll, meta nħarsu lejn il-Verġni Omm Addolorata, ninfetħu għal fidi li ssir ħniena, li ssir qsim ta’ ħajja ma’ min hu miġruħ, li qed ibati u li jkollu jġorr slaleb tqal fuq spallejh. Fidi li ma tibqax fl-arja, imma ddaħħalna fil-laħam u li tagħmilna solidali ma’ min hu fil-bżonn. Din il-fidi, bl-istil ta’ Alla, umilment u bla storbju xejn, terfa’ d-dulur tad-dinja u taħsel bis-salvazzjoni r-raddiet tal-istorja.

 

Għeżież ħuti, il-Mulej iżommilkom dejjem ħajja l-għoġba tagħkom, iżommkom grati għad-don tal-fidi! U Marija Santissma tiksbilkom il-grazzja li l-fidi tagħkom tibqa’ dejjem miexja, ħa jkollha n-nifs tal-profezija u tkun fidi għanja fil-ħniena.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard