L-EWWEL GĦASAR TAS-SOLENNITÀ TA’ MARIJA SANTISSMA OMM ALLA

U TE DEUM TA’ RADD IL-ĦAJR GĦAS-SENA LI QED TINTEMM

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd 31 ta’ Diċembru 2023

 

Il-fidi tippermettilna ngħixu din is-siegħa b’mod differenti mill-mentalità tad-dinja. Il-fidi f’Ġesù Kristu, Alla li inkarna, imwieled mill-Verġni Marija, tagħtina mod ġdid ta’ kif inħarsu lejn iż-żmien u l-ħajja. Niġbor kollox f’żewġ kelmiet: gratitudni u tama.

 

Xi ħadd forsi jgħid: “Imma mhux kulħadd hekk jagħmel f’dik l-aħħar lejla tas-sena? Kulħadd jirringrazzja, kulħadd jittama, sew jekk jemmen u sew jekk ma jemminx”. Forsi jista’ jidher hekk, u mhux li kien hekk tassew! Imma fir-realtà, il-gratitudni mondana, it-tama mondana jispikkaw; huma neqsin mid-dimensjoni essenzjali li hi dik tar-relazzjoni mal-Ieħor u mal-oħrajn, ma’ Alla u ma’ ħutna. Kulħadd imwaħħal fuq il-jien, fuq l-interessi tiegħu, u għalhekk għandhom nifishom qasir, ma jmorrux aktar lil hemm mis-sodisfazzjonijiet u l-ottimiżmu.

 

Imma f’din il-Liturġija għandna n-nifs ta’ atmosfera oħra: dik tat-tifħir, tal-istagħġib, tar-rikonoxxenza. U dan mhux minħabba l-maestożità tal-Bażilika, mhux minħabba d-dwal u l-għana – dawn l-affarijiet pjuttost huma l-konsegwenza ta’ hekk –, imma minħabba l-Misteru li l-antifona għall-ewwel salm esprimietu hekk: “X’bidla tal-għaġeb! Il-Ħallieq tal-bnedmin ħa ġisem ħaj u twieled minn Marija Verġni; […] jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla”. Din il-bidla tal-għaġeb!

 

Il-liturġija ddaħħalna fis-sentimenti tal-Knisja; u l-Knisja, biex ngħidu hekk, titgħallmhom mill-Omm Verġni.

 

Ejjew naħsbu ftit liema kienet il-gratitudni fil-qalb ta’ Marija hija u tħares lejn Ġesù malli twieled. Hija esperjenza li omm biss tista’ tagħmel, u li safrattant fiha, fl-Omm ta’ Alla, għandha profondità unika, ma titqabbilx. Marija taf, hi biss flimkien ma’ Ġużeppi, mnejn ġejja dik it-Tarbija. U safrattant din tinsab hemm, tieħu n-nifs, tibki, għandha bżonn tiekol, tiġi mgħottija, ikkurata. Il-Misteru jagħmel wisa’ għall-gratitudni, li twarrad fil-kontemplazzjoni tad-don, fil-gratwità, waqt li tifga fl-ansejtà ta’ min irid li jkollu u li jidher.

 

Il-Knisja titgħallem mill-Omm Verġni xi tfisser il-gratitudni. U titgħallem ukoll it-tama. Jiġina li naħsbu li Alla għażel lilha, Marija ta’ Nazaret, għax fil-qalb tagħha lemaħ mera tat-tama tiegħu. Dik li hu stess kien sawwab fiha permezz tal-Ispirtu tiegħu. Marija hi sa minn dejjem mimlija bl-imħabba, imfawra bil-grazzja, u għalhekk hija wkoll mimlija bil-fiduċja u bit-tama.

 

Dak ta’ Marija u tal-Knisja mhuwiex ottimiżmu, hu ħaġa oħra: hija fidi f’Alla li hu fidil għall-wegħdiet tiegħu (ara Lq 1:55); u din il-fidi tieħu l-għamla tat-tama fid-dimensjoni taż-żmien, nistgħu ngħidu “f’mixja”. In-Nisrani, bħal Marija, hu pellegrin tat-tama. U proprju din sa tkun it-tema tal-Ġublew tal-2025: “Pellegrini tat-tama”.

 

Għeżież ħuti, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Ruma qiegħda tħejji lilha nfisha biex fis-Sena Mqaddsa ssir “belt tat-tama”? Ilkoll nafu li ilha għaddejja xi ftit l-organizzazzjoni tal-Ġublew. Imma nifhmu sew li, fil-perspettiva li qed inħarsu lejha hawn, mhux qed nitkellmu prinċipalment fuq hekk; pjuttost qed nitkellmu fuq ix-xhieda tal-komunità ekkleżjali u ċivili; xhieda li, iżjed milli fil-ġrajjiet, tikkonsisti fl-istil ta’ ħajja, fil-kwalità etika u spiritwali tal-ħajja tagħna ma’ xulxin. U allura l-mistoqsija nistgħu nagħmluha hekk: qed inħabirku, kull wieħed u waħda fil-qasam tiegħu, biex din il-belt tkun sinjal ta’ tama għal min jgħix fiha u għal dawk li jżuruha?

 

Ħa nagħti eżempju. Tidħol fi Pjazza San Pietru u tara li, mit-tħaddina tal-Kolonnat, jgħaddu liberament u serenament persuni ta’ kull nazzjonalità, ta’ kull kultura u reliġjon, hija esperjenza li ġġib tama; imma hu importanti li din tiġi kkonfermata minn akkoljenza tajba fiż-żjara lill-Bażilika, kif ukoll fis-servizzi ta’ informazzjoni. Eżempju ieħor: is-seħer taċ-ċentru storiku ta’ Ruma hu dejjiemi u universali; imma hemm bżonn li jkunu jistgħu jgawduh anki l-persuni anzjani jew b’xi diżabbiltà biex jiċċaqilqu; u hemm bżonn li mal-“ġmiel kbir” jikkorrispondu d-dekor sempliċi u l-funzjonalità normali fil-postijiet u fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, ferjali. Għax belt li ċ-ċittadini tagħha iżjed jistgħu jgħixu fiha hi wkoll waħda li tilqa’ iżjed lil kulħadd.

 

Għeżież ħuti, pellegrinaġġ, speċjalment jekk impenjattiv, jitlob preparazzjoni tajba. Għalhekk is-sena li ġejja, li tiġi qabel il-Ġublew, hi ddedikata lit-talb. Sena sħiħa ddedikata lit-talb. U x’għalliema aqwa jista’ jkollna mill-Omm Qaddisa tagħna? Ejjew noqogħdu fl-iskola tagħha: nitgħallmu minnha ngħixu ta’ kuljum, kull mument, kull ħaġa li nagħmlu bil-ħarsa ta’ qalbna fuq Ġesù. Ferħ u niket, sodisfazzjonijiet u problemi. Kollox fil-preżenza u bil-grazzja ta’ Ġesù, il-Mulej. Kollox bil-gratitudni u t-tama.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard