L-EWWEL GĦASAR TAS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

U TE DEUM TA’ RADD IL-ĦAJR GĦAS-SENA LI GĦADDIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ġimgħa 31 ta’ Diċembru 2021

 

F’dawn il-jiem il-Liturġija tistedinna nitqanqlu mill-ġdid bl-istagħġib, l-istagħġib għall-misteru tal-Inkarnazzjoni. Il-festa tal-Milied aktarx hi dik li l-aktar tqanqal dan l-atteġġjament interjuri fina: l-istagħġib, il-kontemplazzjoni… Bħar-ragħajja ta’ Betlehem, li huma l-ewwel li jirċievu t-tħabbira kollha dawl mill-anġlu u mbagħad imorru jħaffu u fil-fatt isibu s-sinjal li ntwera lilhom, it-Tarbija mfisqija fil-faxex u mimduda f’maxtura. Bid-dmugħ f’għajnejhom jinżlu għarkupptejhom quddiem il-Feddej li għadu kemm twieled. Imma mhux huma biss, għax anki Marija u Ġużeppi mtlew bi stagħġib qaddis għal dak li r-ragħajja rrakkuntawlhom li semgħu mill-anġlu dwar it-Tarbija.

 

Hekk hu: ma nistgħux niċċelebraw il-Milied mingħajr ma nistagħġbu. Imma stagħġib li ma jillimitax ruħu għal emozzjoni superfiċjali – dan mhux stagħġib –, emozzjoni marbuta mal-esterjorità tal-festa, jew agħar u agħar mal-ferneżija konsumistika. Le. Jekk il-Milied jirriduċi ruħu għal dan, ma jkun inbidel xejn: għada jkun bħall-bieraħ, is-sena d-dieħla bħal dik li għaddiet, u l-bqija. Inkunu sħanna għal ftit ħin maġenb nar tat-tiben, u mhux esponejna ruħna b’dak kollu li aħna għall-qawwa tal-Ġrajja, u mhux dħalna fil-qalba tal-misteru tat-twelid ta’ Kristu.

 

U l-qalba hija din: “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14). Dan nisimgħuh jittenna kemm-il darba f’din il-Liturġija tal-Għasar, li biha tiftaħ is-Solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla. Hija l-ewwel xhud, l-ewwel u l-ikbar, u fl-istess waqt l-iżjed umli. L-ikbar għax hi l-iżjed umli. Qalbha hi mimlija stagħġib, imma mingħajr dell ta’ romantiċiżmi, ta’ sentimentaliżmi, ta’ spiritwaliżmi. Le. L-Omm teħodna għar-realtà, għall-verità tal-Milied, li hi miġbura f’dawk it-tliet kelmiet ta’ San Pawl: “imwieled minn mara” (Gal 4:4). L-istagħġib Nisrani mhux ġej minn xi effetti speċjali, minn dinjiet tal-fantasija, imma mill-misteru tar-realtà: ma hemm xejn iktar ta’ stagħġib u inkredibbli mir-realtà! Warda, roqgħa art, storja ta’ ħajja, laqgħa… Il-wiċċ imkemmex ta’ xwejjaħ u l-wiċċ ta’ tarbija li għadha kemm rat l-ewwel dawl. Omm li qed iżżomm f’dirgħajha lit-tarbija tagħha u treddagħha. Il-misteru hemm jidher.

 

Ħuti, l-istagħġib ta’ Marija, l-istagħġib tal-Knisja hu mimli gratitudni. Il-gratitudni tal-Omm li hija u tikkontempla lil Binha tħoss lil Alla qrib tagħha, tħoss li Alla ma telaqx lill-poplu tiegħu, li Alla ġie, li Alla hu qrib, hu Alla-magħna. Il-problemi ma għebux, id-diffikultajiet u l-preokkupazzjonijiet ma jonqsux, imma m’aħniex waħidna: il-Missier “bagħat lil Ibnu” (Gal 4:4) biex jeħlisna mill-jasar tad-dnub u jroddilna d-dinjità ta’ wlied. Hu, l-Iben il-Waħdieni, sar l-ewwel fost ħafna aħwa, biex lilna lkoll, imxerrda u mitlufa, ireġġagħna lura fid-dar tal-Missier.

 

Dan iż-żmien tal-pandemija żied fid-dinja kollha s-sens ta’ fixla. Wara l-ewwel fażi ta’ reazzjoni, li fiha ħassejniena solidali lkoll fuq l-istess dgħajsa, xterdet it-tentazzjoni li “jsalva minn jiflaħ”. Imma għall-grazzja ta’ Alla rreaġixxejna mill-ġdid, bis-sens ta’ responsabbiltà. Tassew nistgħu u għandna ngħidu “għall-grazzja ta’ Alla”, għax l-għażla tar-responsabbiltà solidali mhix ġejja mid-dinja: ġejja minn Alla; anzi, ġejja minn Ġesù Kristu, li fassal darba għal dejjem fl-istorja tagħna r-“rotta” tal-vokazzjoni tagħha tal-bidu: li nkunu lkoll aħwa, ulied l-istess Missier.

 

Ruma, din il-vokazzjoni, iġġorrha miktuba f’qalbha. F’Ruma donna lkoll inħossuna aħwa; f’ċertu sens, kulħadd iħossu d-dar, għax din il-belt tħares fiha ftuħ universali. Nissogra ngħid: hija l-belt universali. Dan ġej mill-istorja tagħha, mill-kultura tagħha; dan ġej prinċipalment mill-Vanġelu ta’ Kristu, li hawnhekk niżżel għeruq profondi li xxettlu u ssaqqew bid-demm tal-martri, ibda minn Pietru u Pawlu.

 

Imma hawn ukoll irridu noqogħdu attenti: belt li tilqa’ u li hi fraterna ma tingħarafx mill-“faċċata”, mill-paroli, mill-ġrajjiet li jagħmlu ħoss. Le. Tingħaraf mill-attenzjoni ta’ kuljum, mill-attenzjoni “ferjali” għal min qed ibati l-iżjed, għall-familji li jħossu l-iżjed it-toqol tal-kriżi, għall-persuni b’diżabbiltajiet gravi u għall-familjari tagħhom, għal dawk li għandhom ta’ kuljum bżonn tat-trasport pubbliku biex imorru għax-xogħol, għal dawk li jgħixu fil-periferiji, għal dawk li ħajjithom inqalbitilhom ta’ taħt fuq minħabba xi falliment f’ħajjithom u għandhom bżonn tas-servizzi soċjali, u tant oħrajn. Hija l-belt li tħares lejn kull wieħed u waħda minn uliedha, lejn kull wieħed u waħda minn dawk li jgħixu fiha, anzi, lejn kull wieħed u waħda minn dawk li jżuruha.

 

Ruma hija belt meraviljuża, li ma tiqafx issaħħar; imma għal min jgħix fiha hija wkoll belt tat-taħbit, b’xorti ħażina mhux dejjem dinjituża għaċ-ċittadini u għal dawk li jżuruha, belt li xi drabi donnha trid tarmi. Allura l-awguri tiegħi huma li kulħadd, kemm min jgħix fiha u kemm min jiġi joqgħod minħabba xogħol, iżurha għal pellegrinaġġ jew turiżmu, kulħadd jista’ japprezzaha dejjem iżjed għall-għożża tal-akkoljenza, tad-dinjità tal-ħajja, tad-dar komuni, tal-iżjed dgħajfa u vulnerabbli. Jalla kulħadd jista’ jistagħġeb meta jiskopri f’din il-belt ġmiel “koerenti”, u li jqanqal gratitudni. Dan hu l-awgurju tiegħi għal din is-sena.

 

Ħuti, illum l-Omm – Ommna Marija u Ommna l-Knisja – turina lit-Tarbija. Titbissmilna hi u tgħidilna: “Huwa t-Triq. Imxu warajh, afdaw fih. Hu ma jqarraqx bikom”. Ejjew nimxu warajh, fil-mixja tagħna ta’ kuljum: Hu jimla ż-żmien, jagħti tifsira lill-opri u lill-jiem. Ħa nafdaw fih, fil-mumenti ta’ ferħ u f’dawk ta’ tbatija: it-tama li hu jagħtina hija t-tama li qatt ma tqarraq bina.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard