L-EWWEL GĦASAR TAS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

U TE DEUM TA’ RADD IL-ĦAJR GĦAS-SENA LI GĦADDIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħamis 31 ta’ Diċembru 2020

 

[Omelija tal-Papa, moqrija mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Giovanni Battista Re]

 

Għeżież ħuti!

 

Din iċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar dejjem ikollha aspett doppju: bil-liturġija nidħlu fil-festa solenni tal-Imqaddsa Marija Omm Alla; u fl-istess ħin nagħlqu s-sena solari bl-innu kbir ta’ tifħir.

 

Fuq l-ewwel aspett se nitkellem fl-omelija ta’ għada filgħodu. Illejla nagħtu spazju lir-radd il-ħajr għas-sena li waslet fi tmiemha.

 

Te Deum laudamus, “Lilek, o Alla, infaħħru; lilek b’Mulej nistqarru…”. Tista’ tidher ħaġa sfurzata li rroddu ħajr lil Alla fi tmiem sena bħal din, immarkata mill-pandemija. Il-ħsieb tiegħi jmur lejn il-familji li tilfu membru jew iktar; naħsbu f’dawk li huma morda ħafna, f’dawk li batew is-solitudni, f’min tilef ix-xogħol…

 

Xi drabi ssib min jistaqsi: x’sens fiha traġedja bħal din? Ma rridux ngħaġġlu nagħtu tweġiba għal mistoqsija bħal din. Għall-aktar “għalixijiet” ta’ wġigħ il-qalb tagħna lanqas Alla ma jwieġeb billi jinqeda b’“raġunijiet ogħla”. It-tweġiba ta’ Alla tgħaddi mit-triq tal-Inkarnazzjoni, kif se tgħanni minn hawn u ftit tal-ħin ieħor l-Antifona tal-Magnificat: “Fl-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb”.

 

Xi alla li ssagrifika lill-bnedmin għal pjan għoli, imqar li kellu jkun l-aqwa wieħed, żgur mhuwiex Alla li wriena Ġesù Kristu. Alla hu missier, “Missier ta’ dejjem”, u jekk Ibnu sar bniedem, dan minħabba fil-ħniena bla tarf tal-qalb tiegħu ta’ Missier. Alla hu Missier u hu ragħaj, u liema ragħaj iħalli tintiliflu mqar nagħġa waħda, għax jaħseb li sadattant xorta fadallu ħafna? Le, dan alla ċiniku u bla ħniena ma jeżistix. Mhuwiex dan Alla li aħna “nfaħħru” u “b’Mulej nistqarru”.

 

Is-Samaritan it-tajjeb, meta ltaqa’ ma’ dak l-imsejken nofsu mejjet fuq il-ġenb tat-triq, ma qagħadx jagħmillu diskorsi biex ifissirlu s-sens ta’ dak li kien ġralu, forsi biex jikkonvinċih li fl-aħħar mill-aħħar dan kien ta’ ġid għalih. Is-Samaritan, imqanqal mill-ħniena, miel fuq dak il-barrani u ttrattah bħala ħuh u ħa ħsiebu billi għamel kulma seta’ jagħmel għalih (ara Lq 10:25-37).

 

Hawn, iva, forsi nistgħu nsibu “sens” għal din it-traġedja li hi l-pandemija, kif ukoll għal flaġelli oħra li jolqtu l-umanità: dak li jqanqlu fina l-ħniena u jtellgħu fil-wiċċ imġibiet u ġesti ta’ qrubija, ta’ għożża, ta’ solidarjetà, ta’ mħabba.

 

Hu dak li ġara u qed jiġri wkoll f’Ruma, f’dawn ix-xhur; u fuq kollox għal dan, illejla, irroddu ħajr lil Alla. Irroddu ħajr lil Alla għall-ħwejjeġ tajba li seħħu fil-belt tagħna matul il-lockdown u, b’mod ġenerali, fiż-żmien tal-pandemija, li kontra qalbna jkollna ngħidu li għadha ma spiċċatx. Huma ħafna l-persuni li, bla ma jagħmlu ebda storbju, fittxu li jagħtu sehemhom biex il-piż tal-prova jkun iżjed sopportabbli. Bit-tħabrik tagħhom ta’ kuljum, imqanqal minn imħabba għall-proxxmu, wettqu dawk il-kelmiet tal-innu tat-Te Deum: “Minn jum għall-ieħor aħna nberkuk; u nfaħħru ismek għal dejjem”. Għax hi l-imħabba bejn l-aħwa l-barka u t-tifħir li jogħġbu l-iżjed lil Alla.

 

Il-ħaddiema tas-saħħa – tobba, infermiera, voluntiera – jinsabu fuq quddiem nett, u għalhekk huma b’mod partikulari fit-talb tagħna u tixirqilhom ir-rikonoxxenza tagħna; kif ukoll tant saċerdoti, reliġjużi, li ngħataw b’ġenerożità u dedikazzjoni. Imma llejla l-grazzi tagħna jitwessa’ wkoll għal dawk kollha li ta’ kuljum qed iħabirku biex bl-aħjar mod li jistgħu jkomplu jwieżnu l-familja tagħhom u għal dawk li jħabirku fis-servizz tagħhom għall-ġid komuni. Naħsbu fid-diriġenti tal-iskejjel u fl-għalliema, li jwettqu rwol essenzjali fil-ħajja soċjali u li jkollhom jaffrontaw sitwazzjoni kumplessa ħafna. Naħsbu wkoll bi gratitudni fl-amministraturi pubbliċi li jagħrfu jivvalorizzaw ir-riżorsi tajba kollha preżenti fl-ibliet u fit-territorju, li ma jorbtux qalbhom mal-interessi privati u lanqas ma’ dawk tal-partit tagħhom. Għaliex? Għaliex qed ifittxu tassew il-ġid ta’ kulħadd, il-ġid komuni, il-ġid qabelxejn ta’ dawk l-inqas ixxurtjati.

 

Dan kollu ma jistax iseħħ mingħajr il-grazzja, mingħajr il-ħniena ta’ Alla. Aħna – dan nafuh tajjeb mill-esperjenza – fil-mumenti ibsin naraw kif ħa niddefendu ruħna – hi ħaġa naturali –, naraw kif ħa nipproteġu lilna nfusna u lill-għeżież tagħna, u nħarsu l-interessi tagħna… Kif jista’ jkun, allura, li tant persuni, bla ebda rikompens ħlief dak li jagħmlu l-ġid, isibu s-saħħa biex jieħdu ħsieb tal-oħrajn? Xi jwassalhom biex jiċċaħħdu minn xi ħaġa li hi tagħhom, mill-kumdità tagħhom, mill-ħin tagħhom, mill-ġid tagħhom, biex jagħtuhom lill-oħrajn? Fl-aħħar mill-aħħar, anki jekk huma stess ma jaħsbux fuq hekk, qed tħeġġiġhom il-qawwa ta’ Alla, li hi iktar b’saħħitha mill-egoiżmi tagħna. Għal dan, illejla nagħtu ġieħ lilu, għax nemmnu u nafu li l-ġid kollu li jum wara l-ieħor jitwettaq fuq l-art fl-aħħar mill-aħħar ġej minnu, ġej minn Alla. U aħna u nħarsu lejn il-futur li hemm jistenniena, nitolbu mill-ġdid: “Ħa tkun fuqna, Mulej, it-tjieba tiegħek, kif fik hi t-tama tagħna”. Fik jinsabu l-fiduċja u t-tama tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard