QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru Altar tal-Katedra

Il-Ħadd 31 ta’ Mejju 2020

 

“Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu” (1 Kor 12:4). Hekk jikteb lill-Korintin l-Appostlu Pawlu. U jkompli: “Hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla” (vv. 5-6). Diversi u wieħed: San Pawl b’insistenza jqiegħed flimkien żewġ kelmiet li jidhru kontra xulxin. Irid jgħidilna li l-Ispirtu s-Santu hu dak il-wieħed li jqiegħed flimkien id-diversi; u li l-Knisja hekk twieldet: aħna, diversi, magħqudin mill-Ispirtu s-Santu.

 

Ejjew mela mmorru lejn il-bidu tal-Knisja, nhar Għid il-Ħamsin. Inħarsu lejn l-Appostli: fosthom hemm nies sempliċi, imdorrijin jgħixu minn xogħol idejhom, bħas-sajjieda, u hemm Mattew, li kien bniedem istruwit li kien jiġbor it-taxxi. Hemm provenjenzi u kuntesti soċjali differenti, ismijiet Lhud u ismijiet Griegi, karattri umli u oħrajn fuq tagħhom, viżjonijiet u sensibbiltajiet differenti. Kollha kienu differenti. Ġesù ma kienx bidilhom, ma kienx għamilhom uniformi qishom serje ta’ mudelli bħal xulxin. Le. Kien ħalliehom fid-diversità tagħhom u issa jgħaqqadhom flimkien fl-Ispirtu s-Santu. L-għaqda – l-għaqda tagħhom hekk differenti bejniethom – tasal permezz tad-dilka. F’Għid il-Ħamsin l-Appostli jagħrfu l-qawwa tal-Ispirtu li tgħaqqadhom. Jarawha b’għajnejhom stess meta kulħadd, imqar jekk kienu jitkellmu b’ilsna differenti, jagħmel poplu wieħed: il-poplu ta’ Alla, imsawwar mill-Ispirtu, li jinseġ l-għaqda tad-differenzi tagħna, li jagħti armonija, għax fl-Ispirtu s-Santu hemm armonija. Huwa armonija.

 

Niġu għalina, il-Knisja tal-lum. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “X’hemm li jgħaqqadna, fuqiex hi mibnija l-għaqda ta’ bejnietna?”. Anki fostna hemm differenzi, ngħidu aħna ta’ fehmiet, ta’ għażliet, ta’ kif inħossuha. Imma t-tentazzjoni hi dejjem dik li niddefendu b’ruħna u ġisimna l-ideat tagħna, għax naħsbu li huma tajbin għal kulħadd, u naqblu biss ma’ min jaħsibha bħalna. U din hi tentazzjoni kerha li tifridna. Imma din tkun fidi skont ix-xbieha tagħna, ma hix dak li jrid l-Ispirtu. Għax hekk nistgħu naħsbu li dak li jgħaqqadna huma l-istess ħwejjeġ li nemmnu u l-istess imġibiet li nipprattikaw. Imma hemm ħafna iżjed minn hekk: il-prinċipju tal-għaqda ta’ bejnietna huwa l-Ispirtu s-Santu. Hu jfakkarna li qabelxejn aħna wlied maħbuba ta’ Alla; ilkoll indaqs, f’dan, u lkoll differenti. L-Ispirtu jiġi għandna, bid-differenzi u l-miżerji kollha tagħna, biex jgħidilna li għandna Mulej wieħed, Ġesù, Missier wieħed, u li għalhekk aħna aħwa ta’ xuxin. Jekk nerġgħu nitilqu minn hawn, inħarsu lejn il-Knisja kif jagħmel l-Ispirtu, u mhux bl-għajnejn tad-dinja. Id-dinja tarana min lemini u min xellugi, b’din l-ideoloġija, jew bl-oħra; l-Ispirtu jarana bħala tal-Missier u ta’ Ġesù. Id-dinja tara konservattivi jew progressivi; l-Ispirtu jara wlied ta’ Alla. Il-ħarsa mondana tara strutturi biex tagħmilhom iktar effiċjenti; il-ħarsa spiritwali tara aħwa tallaba tal-ħniena. L-Ispirtu jħobbna u jagħraf il-post ta’ kull wieħed minna fir-realtà sħiħa: għalih m’aħniex bħal kosbor li jġorru r-riħ, imma tesseri fil-mużajk tiegħu li kull waħda xejn ma jista’ jeħdilha postha.

 

Lura għal nhar Għid il-Ħamsin fejn niskopru l-ewwel opra tal-Knisja: it-tħabbira. Imma l-Appostli ma għandhom l-ebda strateġija mħejjija; meta kienu magħluqin hemm, fiċ-Ċenaklu, ma qagħdux iħejju strateġija, le, ma ppreparaw l-ebda pjan pastorali. Setgħu qassmu n-nies fi gruppi skont id-diversi popli, l-ewwel kellmu lil tal-qrib u mbagħad lil tal-bogħod, kollox fl-ordni… Setgħu wkoll stennew ftit qabel ħarġu jipprietkaw u sadattant daħlu iktar fil-fond tat-tagħlim ta’ Ġesù, biex jevitaw ir-riskji… Le. L-Ispirtu ma jridx li t-tifkira tal-Imgħallem tinżamm fi gruppi magħluqa, f’ċenakli fejn joqogħdu jieħdu gost jibnu l-‘bejta’ tagħhom. U din hi marda kerha li tista’ taħkem lill-Knisja: il-Knisja mhux bħala komunità, mhux bħala familja, mhux bħala omm, imma bħala bejta. Meta hija għandha tiftaħ, tibgħat, timbotta lil hemm minn dak li diġà ntqal u li diġà sar, waqt li Hu jqabbiżha ċ-ċnut ta’ fidi mbeżżgħa u attenta żżejjed. Fid-dinja, mingħajr organizzazzjoni stretta jew strateġija kkalkulata, kollox jispiċċa fix-xejn. Imma fil-Knisja, l-Ispirtu jiggarantixxi l-għaqda lil min iħabbar. U l-Appostli jmorru: mhux imħejjija, jirriskjaw, joħorġu. Xewqa waħda hemm tmexxihom: li jagħtu dak li huma rċivew. Kemm tiftaħ sabiħ l-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni: “Dak li aħna lqajna u rajna, issa ngħadduh lilkom” (ara 1:3).

 

U saflaħħar naslu biex nifhmu liema hu s-sigriet tal-għaqda, is-sigriet tal-Ispirtu. Is-sigriet tal-għaqda fil-Knisja, is-sigriet tal-Ispirtu huwa ­d-don. Għax hu l-istess don, jgħix jingħata u b’dan il-mod iżommna flimkien, jagħtina sehem mill-istess don. Importanti nemmnu li Alla huwa don, li hu mhux jeħdilna, imma jagħtina. Għaliex huwa importanti? Għax minn kif nifhmu lil Alla jiddependi l-mod kif nemmnu. Jekk għandna f’moħħna Alla li jeħdilna, li jimponi ruħu, aħna wkoll inkunu rridu nieħdu minn ħaddieħor u nimponu ruħna fuqu: nokkupaw spazji, infittxu kif ħa nkunu rilevanti, infittxu l-poter. Imma jekk għandna f’qalbna lil Alla li hu don, kollox jinbidel. Jekk nintebħu li dak li aħna huwa don tiegħu, don mogħti b’xejn u bla ma kien jistħoqqilna, allura aħna wkoll inkunu rridu nagħmlu don mill-istess ħajjitna. U jekk inħobbu b’umiltà, naqdu b’xejn u bil-ferħ, inkunu noffru lid-dinja x-xbieha vera ta’ Alla. L-Ispirtu, memorja ħajja tal-Knisja, ifakkarna li aħna twelidna minn don u li nikbru billi ningħataw; mhux billi naraw kif ħa nippreservaw lilna nfusna, imma billi ningħataw.

 

Għeżież ħuti, ejjew inħarsu ġewwa fina u nistaqsu lilna nfusna x’qed iżommna milli ningħataw. Ejja ngħidu li hemm tliet għedewwa tad-don, prinċipalment: tlieta, dejjem imkaħħla mal-bieb tal-qalb: in-narċisiżmu, il-vittimiżmu u l-pessimiżmu. In-narċisiżmu jwassalna biex naduraw lilna nfusna, noqogħdu nieħdu gost biss b’dak li jiġina tajjeb. In-narċisista jaħseb: “Il-ħajja hi sabiħa jekk jien naqla’ xi ħaġa minnha”. U hekk jasal biex jgħid: “Għaliex għandi ningħata lill-oħrajn?”. F’din il-pandemija, kemm jagħmel ħsara n-narċisiżmu, li wieħed jingħalaq fil-bżonnijiet tiegħu biss, indifferenti għal tal-oħrajn, u ma jammettix id-dgħufijiet u l-iżbalji tiegħu. Imma anki t-tieni għadu, il-vittimiżmu, hu perikoluż. Il-vittimista joqgħod ta’ kuljum igerger għall-proxxmu: “Ħadd ma jifhimni, ħadd ma jgħinni, ħadd ma jħobbni, u kulħadd imqabbad miegħi!”. Kemm drabi smajnieh dan it-tgergir! U qalbu tingħalaq, waqt li jistaqsi: “Għaliex l-oħrajn ma jingħatawx għalija?”. Fit-traġedja li qed ngħixu bħalissa, kemm hi ħaġa kerha l-vittimiżmu! Meta naħsebu li ħadd mhu jifhimna u jħoss dak li qed inħossu aħna. Dan hu l-vittimiżmu. U fl-aħħar hemm il-pessimiżmu. Hawnhekk il-litanija ta’ kuljum tkun: “Xejn mhu sejjer sew, is-soċjetà, il-politika, il-Knisja…”. Il-pessimista jeħodha mad-dinja, imma jibqa’ ma jagħmel xejn u jaħseb: “Intant x’jiswa li tingħata? Inutli”. Issa, fl-isforz kbir tagħna biex nerġgħu nibdew, kemm ħsara jagħmel il-pessimiżmu, li wieħed jara kollox iswed, jirrepeti li xejn mhu ħa jkun bħal qabel! Meta naħsbu hekk, dik li żgur mhux ħa tiġi lura hi t-tama. F’dawn it-tlieta – l-idolu narċisista tal-mera, l-alla-mera; l-alla-tgergir: “Jiena nħossni xi ħadd meta ngerger”; u l-alla-negattività: “Kollox iswed, kollox skur” – insibu ruħna fin-nixfa tat-tama, u għalhekk għandna bżonn napprezzaw id-don tal-ħajja, id-don li hu kull wieħed u waħda minna. Għalhekk għandna bżonn tal-Ispirtu s-Santu, don ta’ Alla li jfejjaqna min-narċisiżmu, mill-vittimiżmu u mill-pessimiżmu, ifejjaqna mill-mera, mit-tgergir u mid-dlam.

 

Ħuti, ejjew nitolbuh: Spirtu s-Santu, memorja ta’ Alla, erġa’ qanqal fina t-tifkira tad-don li rċivejna. Eħlisna mill-paraliżi tal-egoiżmu u kebbes fina x-xewqa li naqdu, li nagħmlu l-ġid. Għax agħar minn din il-kriżi hemm biss it-traġedja li nkunu ħlejnieha, għax ningħalqu fina nfusna. Ejja, Spirtu s-Santu: int li int armonija, agħmel minna bennejja tal-għaqda; int li dejjem tingħata, agħtina l-kuraġġ li noħorġu minna nfusna, li nħobbu u ngħinu lil xulxin, biex insiru familja waħda. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard