IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 31 ta’ Marzu 2021

Katekeżi  It-Tridu tal-Għid

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Kif diġà qegħdin fil-klima spiritwali tal-Ġimgħa Mqaddsa, ninsabu lejlet it-Tridu tal-Għid. Minn għada sal-Ħadd se ngħixu jiem ċentrali tas-Sena liturġika, aħna u niċċelebraw il-misteru tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej. U dan il-misteru ngħixuh ta’ kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija. Meta aħna mmorru l-quddiesa, ma mmorrux biss biex nitolbu, le: immorru biex inġeddu, biex nagħmlu mill-ġdid, dan il-misteru, il-Misteru tal-Għid. Dan importanti ma ninsewhx. Daqslikieku konna telgħin fuq il-Kalvarju – l-istess – biex inġeddu, biex nagħmlu mill-ġdid il-Misteru tal-Għid.

 

Fil-lejla ta’ Ħamis ix-Xirka, meta nidħlu fit-Tridu tal-Għid, ngħixu mill-ġdid il-quddiesa li tissejjaħ in Cœna Domini, jiġifieri l-quddiesa li fiha nfakkru l-Aħħar Ċena, dak li seħħ fiha, f’dak il-mument. Huwa l-lejl li fih Kristu lid-dixxipli tiegħu ħallielhom it-testment ta’ mħabbtu fl-Ewkaristija, mhux bħala tifkira tal-imgħoddi, imma bħala memorjal, bħala l-preżenza tiegħu għal dejjem. Kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, kif għidt fil-bidu, inkunu nġeddu dan il-misteru tal-fidwa. F’dan is-sagrament, Ġesù flok il-vittma tas-sagrifiċċju – il-ħaruf tal-Għid – poġġa lilu nnifsu: Ġismu u Demmu jagħtuna s-salvazzjoni mill-jasar tad-dnub u tal-mewt. Is-salvazzjoni minn kull jasar hemm tinsab. Huwa l-lejl li fih hu jitlobna nħobbu lil xulxin billi nsiru qaddejja ta’ xulxin, kif għamel hu meta ħasel ir-riġlejn tad-dixxipli. Ġest li jħabbar minn qabel is-sagrifiċċju bit-tixrid ta’ demmu fuq is-salib. U fil-fatt l-Imgħallem u s-Sid miet l-għada biex jagħmel indaf mhux ir-riġlejn, imma l-qlub u l-ħajja kollha tad-dixxipli tiegħu. Kienet offerta ta’ qadi lilna lkoll, għax b’dak il-qadi tas-sagrifiċċju tiegħu hu fdiena lkoll.

 

Il-Ġimgħa l-Kbira hija jum ta’ penitenza, ta’ sawm u ta’ talb. Permezz tat-testi tal-Iskrittura Mqaddsa u t-talbiet liturġiċi, bħal ninġabru lkoll fuq il-Kalvarju biex infakkru l-Passjoni u l-Mewt li bihom Ġesù Kristu fdiena. Fl-intensità tar-rit tal-Azzjoni liturġika niġu ppreżentati bil-Kurċifiss biex nadurawh. Meta naduraw il-Kurċifiss, ngħixu mill-ġdid il-mixja tal-Ħaruf innoċenti ssagrifikat għas-salvazzjoni tagħna. Inġorru fil-ħsieb u fil-qalb tagħna t-tbatijiet tal-morda, tal-foqra, tal-imwarrbin ta’ din id-dinja; niftakru fil-“ħrief issagrifikati” bħala vittmi innoċenti tal-gwerer, tad-dittatorjati, tal-vjolenzi ta’ kuljum, tal-aborti… Quddiem ix-xbieha ta’ Alla mislub inġorru, fit-talb, il-ħafna, wisq mislubin tal-lum, li minnu biss jistgħu jirċievu l-faraġ u s-sens għat-tbatija tagħhom. U llum għandna ħafna: ma ninsewhomx l-imsallbin ta’ żmienna, li huma x-xbieha ta’ Ġesù Mislub, u fihom hemm Ġesù.

 

Minn meta Ġesù ħa fuqu l-ġrieħi tal-bnedmin u l-mewt infisha, l-imħabba ta’ Alla saqqiet dawn id-deżerti tagħna, dawlet dawn id-dlamijiet tagħna. Għax id-dinja tinsab fid-dlamijiet. Nagħmlu lista tal-gwerer kollha li qed jiġu mitqabda bħalissa; tat-tfal kollha li qed imutu bil-ġuħ; tat-tfal li m’għandhomx edukazzjoni; ta’ popli sħaħ meqruda mill-gwerer, mit-terroriżmu. Ta’ tant, tant nies li biex iħossuhom xi ftit aħjar għandhom bżonn tad-droga, tal-industrija tad-droga li toqtol… Xi traġedja, x’deżert! Hemm “gżejjer” żgħar tal-poplu ta’ Alla, kemm Nisrani u kemm ta’ kull twemmin ieħor, li f’qalbhom għandhom ir-rieda li jkunu aħjar. Imma ejjew ngħidu l-verità kif inhi: f’dan il-Kalvarju tal-mewt, huwa Ġesù li qed ibati fid-dixxipli tiegħu. Matul il-ministeru tiegħu, l-Iben ta’ Alla kien xerred b’dirgħajh miftuħa l-ħajja, fejjaq, ħafer, qajjem mill-mewt… Issa, fis-siegħa tal-ogħla Sagrifiċċju fuq is-salib, iwassal sa tmiemha l-opra li fdalu l-Missier: jinżel fl-abbiss tat-tbatija, jidħol f’dawn it-traġedji ta’ din id-dinja, biex jifdi u jittrasforma. U anki biex jeħles lil kull wieħed u waħda minna minn taħt is-setgħa tad-dlamijiet, mis-suppervja, mir-reżistenza għall-imħabba ta’ Alla. U dan, l-imħabba ta’ Alla biss tista’ tagħmlu. Bil-ġrieħi tiegħu aħna fiqna (ara 1 Piet 2:24), jgħid l-Appostlu Pietru, mill-mewt tiegħu ksibna ħajja ġdida, ilkoll kemm aħna. U grazzi għalih, mitluq waħdu fuq is-salib, ħadd iżjed qatt mhu waħdu fid-dalma tal-mewt. Imma, hu dejjem qrib tagħna: jeħtieġ biss niftħulu qalbna u nħalluh iħares lejna.

 

Sibt il-Għid huwa l-jum tas-skiet: skiet kbir fuq l-Art kollha; skiet li ngħixu fil-biki u fil-konfużjoni tal-ewwel dixxipli, imħawdin bil-mewt tal-mistħija ta’ Ġesù. Waqt li l-Verb jiskot, waqt li l-Ħajja tinsab fil-qabar, dawk li kienu ttamaw fih ikollhom jgħaddu minn prova iebsa, iħossuhom iltiema, forsi ltiema wkoll minn Alla. Dan is-Sibt huwa wkoll il-jum ta’ Marija: hija wkoll tgħixu fid-dmugħ, imma qalbha hi mimlija fidi, mimlija tama, mimlija mħabba. L-Omm ta’ Ġesù kienet imxiet wara Binha tul it-triq tat-tbatija u kienet baqgħet f’riġlejn is-salib, b’qalbha minfuda. Imma meta deher li spiċċa kollox, hi tishar, tishar fl-istennija hija u tgħożż it-tama fil-wegħda ta’ Alla li jqajjem il-mejtin. Hekk, fis-siegħa l-aktar mudlama tad-dinja, hi saret Omm dawk li jemmnu, Omm il-Knisja u sinjal ta’ tama. Ix-xhieda tagħha u l-interċessjoni tagħna jweżnuna meta t-toqol tas-salib isir wisq għal kull wieħed u waħda minna biex inġorruh.

 

Qalb id-dlam tas-Sibt qaddis jinfdu l-ferħ u d-dawl bir-riti tal-Velja tal-Għid u, tard filgħaxija, il-kant ta’ festa tal-Hallelujah. Hija l-laqgħa fil-fidi ma’ Kristu Rxoxt u l-ferħ tal-Għid imtawwal għall-ħamsin ġurnata li jiġu wara, sal-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Dak li ġie msallab issa qam! Il-mistoqsijiet u d-dubji kollha, l-inċertezzi u l-biżgħat jiġu mkeċċija minn din ir-rivelazzjoni. L-Irxoxt jagħtina ċ-ċertezza li t-tajjeb jittrijonfa dejjem fuq il-ħażin, li l-ħajja tirbaħ dejjem fuq il-mewt u d-destinazzjoni tagħna mhijiex li ninżlu dejjem iżjed fil-baxx, minn diqa għal diqa, imma li nogħlew ’il fuq. L-Irxoxt huwa l-konferma li Ġesù f’kollox għandu raġun: f’li jwegħedna l-ħajja lil hemm mill-mewt u l-maħfra lil hemm mid-dnubiet. Id-dixxipli ddubitaw, ma emmnux. L-ewwel li emment u li rat kienet Marija Maddalena, hi kienet l-appostlu tal-qawmien li marret tirrakkonta li kienet rat lil Ġesù, li kien sejħilha b’isimha. U mbagħad, id-dixxipli kollha rawh. Imma jien nixtieq nieqaf fuq dan: l-għassiesa, is-suldati, li kienu ħdejn il-qabar biex ma jħallux lid-dixxipli jiġu u jieħdu l-ġisem, rawh: rawh ħaj u rxoxt. L-għedewwa rawh, u mbagħad għamlu tabirruħhom ma rawhx. Għaliex? Għax ġew imħallsa. Hawn jinsab il-veru misteru ta’ dak li Ġesù qal darba: “Hemm żewġ sidien fid-dinja, tnejn, mhux iżjed: tnejn. Alla u l-flus. Min jaqdi lill-flus hu kontra Alla”. U hawn huma l-flus li bidlu r-realtà. Kienu raw l-għaġeb tal-qawmien, imma ġew imħallsa biex jisktu. Ejjew naħsbu f’dawk id-drabi kollha li fihom irġiel u nisa Nsara ġew imħallsa biex ma jagħrfux fil-prattika l-qawmien ta’ Kristu, u ma għamlux dak li Kristu talabna nagħmlu, bħala Nsara.

 

Għeżież ħuti, din is-sena wkoll se ngħixu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid fil-kuntest tal-pandemija. F’tant sitwazzjonijiet ta’ tbatija, speċjalment meta jbatuhom il-persuni, il-familji u l-popli diġà mġarrba mill-faqar, it-traġedji u l-kunflitti, is-Salib ta’ Kristu hu bħal fanal li juri l-port lill-bastimenti li għadhom f’nofs it-tempesta f’baħar miftuħ. Is-Salib ta’ Kristu huwa s-sinjal tat-tama li ma tqarraqx bina; u jgħidilna li lanqas demgħa waħda, lanqas karba waħda ta’ wġigħ ma huma mitlufa fil-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla. Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li naqduh u li nagħrfuh u li ma nħallux lil min iħallasna biex ninsewh.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard