VELJA TAL-GĦID FIL-LEJL QADDIS

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru

Sibt il-Għid, 30 ta’ Marzu 2024

 

In-nisa jmorru fil-qabar mal-ewwel tbexbix tas-sebħ, imma ġewwa fihom għad hemm id-dalma tal-lejl. Imqar jekk mexjin, għadhom weqfin: qalbhom baqgħet f’riġlejn is-salib. Imċajpra mid-dmugħ tal-Ġimgħa l-Kbira, huma pparalizzati min-niket, maqfulin fis-sensazzjoni li issa kollox spiċċa, li fuq il-biċċa ta’ Ġesù issa tpoġġiet blata. U sewwasew il-ġebla tinsab fiċ-ċentru tal-ħsibijiet tagħhom. Fil-fatt jistaqsu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” (Mk 16:3). Meta jaslu fil-post, imma, il-qawwa sorprendenti tal-Għid tgerfixhom: “meta ħarsu”, jgħid it-test, “raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna” (Mk 16:4).

 

Għeżież ħuti, ejjew nieqfu ftit fuq dawn iż-żewġ mumenti, li jwassluna għall-ferħ uniku tal-Għid: għall-bidu, in-nisa jistaqsu mbeżżgħin min se jgerbeb il-ġebla; imbagħad, wara, xħin jerfgħu ħarsithom, jaraw li din diġà ġiet imressqa fil-ġenb.

 

Qabelxejn – l-ewwel mument – hemm il-mistoqsija li titturmenta l-qalb tagħhom miksura bid-diqa: min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar? Dik il-ġebla kienet tirrappreżenta t-tmiem tal-istorja ta’ Ġesù, midfuna fil-lejl tal-mewt. Hu, il-ħajja li ġiet fid-dinja, ġie maqtul; hu, li wera l-imħabba ħanina tal-Missier, ma sabx ħniena; hu, li refa’ lill-midinbin mit-toqol tal-kundanna, ġie kkundannat għas-salib. Il-Prinċep tal-paċi, li kien ħeles adultera mill-korla vjolenti tal-ġebel, jinsab mimdud midfun wara blata kbira. Dik il-blata, ostaklu li ma jistax jingħeleb, kienet is-simbolu ta’ dak li n-nisa kienu qed iġorru f’qalbhom, it-tmiem tat-tama tagħhom: kontrih kull regola kienet inkisret, bil-misteru mudlam ta’ niket traġiku li kien żammhom milli jwettqu l-wegħdiet tagħhom.

 

Ħuti, dan jista’ jiġri lilna wkoll. Xi drabi nħossu li blata tal-qabar, tqila, ġiet imqiegħda fid-daħla tal-qalb tagħna, tifga l-ħajja, titfi l-fiduċja, iżżommna lsiera fil-qabar tal-biżgħat u l-imrar tagħna, timblokka t-triq lejn il-ferħ u t-tama. Huma “mases kbar tal-mewt” u niltaqgħu magħhom, tul il-mixja, f’dawk l-esperjenzi u sitwazzjonijiet kollha li jisirqulna l-entużjażmu u l-qawwa li nibqgħu mexjin ’il quddiem: fit-tbatijiet li jmissuna u fl-imwiet tal-persuni għeżież, li jħallu fina vojt li ma nistgħux nimlew; niltaqgħu magħhom fil-fallimenti u fil-biżgħat li jżommuna milli nagħmlu dak it-tajjeb kollu li għandna għal qalbna; insibuhom fl-għeluq kollu li jliġġem il-ħeġġa tagħna ta’ ġenerożità u ma jħalliniex ninfetħu għall-imħabba; insibuhom fil-ħitan tal-gomma tal-egoiżmu – huma tassew ħitan tal-gomma –, egoiżmu u indifferenza, li joqtlu l-impenn biex nibnu bliet u soċjetajiet iżjed ġusti u umani; insibuhom fix-xenqat kollha għall-paċi mfarrka mill-kefrija tal-mibegħda u mill-ħruxija tal-gwerra. Meta nduqu dawn id-delużjonijiet, ikollna s-sensazzjoni li tant ħolm hu ddestinat li jiġi mfarrak u aħna wkoll nistaqsu mbeżżgħin: min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?

 

Imma dawn l-istess nisa li kellhom id-dlam fil-qalb tagħhom jagħtuna xhieda ta’ xi ħaġa tal-għaġeb: meta jerfgħu ħarsithom, jaraw li l-ġebla kienet diġà mressqa, imqar jekk kienet kbira ħafna. Dan hu l-Għid ta’ Kristu, din hi l-qawwa ta’ Alla: ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, it-trijonf tad-dawl fuq id-dlam, it-twelid mill-ġdid tat-tama qalb it-tifrik tal-falliment. Huwa l-Mulej, Alla tal-impossibbli, li ressaq darba għal dejjem għall-ġenb il-blata u beda jiftaħ il-qlub tagħna, biex it-tama ma tintemmx. Allura, lejh aħna wkoll irridu nerfgħu ħarsitna.

 

U allura – dan hu t-tieni mument –: nerfgħu ħarsitna lejn Ġesù: hu, wara li ħa fuqu l-umanità tagħna, niżel fl-abbissi tal-mewt u qasamhom bil-qawwa tal-ħajja divina tiegħu, u fetaħ tiċrita infinita ta’ dawl għal kull wieħed u waħda minna. Imqajjem mill-Missier fil-ġisem tiegħu, fil-ġisem tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, fetaħ paġna ġdida għall-bnedmin. Minn dak il-mument ’il quddiem, jekk inħallu lil Ġesù jaqbdilna jdejna, ebda esperjenza ta’ falliment u ta’ niket, tferina kemm tferina, ma jista’ jkollha l-aħħar kelma fuq it-tifsira u fuq id-destin tal-ħajja tagħna. Minn dak il-mument, jekk inħallu lill-Irxoxt iħaddanna, ebda telfa, ebda tbatija, ebda mewt ma jistgħu jżommu l-mixja tagħna lejn il-milja tal-ħajja. Minn dak il-mument, “aħna l-Insara ngħidu li din l-istorja… għandha sens, sens li jħaddan kollox, sens li ma għadux ikkontaminat minn assurditajiet u dlamijiet… sens li aħna nsejħulu Alla… Lejh inixxu l-ilmijiet kollha tat-trasformazzjoni tagħna; huma ma jgelglux fl-abbissi tax-xejn u tal-assurd… għax il-qabar tiegħu hu vojt u hu, li kien mejjet, deher bħala l-Ħaj” (K. Rahner, Che cos’è la risurrezione? Meditazioni sul Venerdì santo e sulla Pasqua, Brescia 2005, 33-35).

 

Ħuti, Ġesù hu l-Għid tagħna, hu Dak li jgħaddina mid-dlam għad-dawl, li ntrabat magħna għal dejjem u jsalvana mill-abbissi tad-dnub u tal-mewt, u jiġbidna fil-qawwa mdawla tal-maħfra u tal-ħajja ta’ dejjem. Ħuti, ejjew nerfgħu ħarsitna lejh, nilqgħu lil Ġesù, Alla tal-ħajja, fil-ħajjiet tagħna, inġeddulu llum l-“iva” tagħna u ebda blata tqila ma tkun tista’ tifgalna qalbna, ebda qabar ma jkun jista’ jagħlaq il-ferħ tal-ħajja, ebda falliment ma jkun jista’ jixħitna fid-disperazzjoni. Ħuti, nerfgħu ħarsitna lejh u nitolbuh biex il-qawwa tal-qawmien tiegħu tgerbeb il-ġebel kbir li qed itaqqal ir-ruħ tagħna. Nerfgħu ħarsitna lejh, l-Irxoxt, u nimxu fiċ-ċertezza li fl-isfond mudlam tax-xewqat mhux mitmuma tagħna u tal-imwiet tagħna diġà hemm preżenti l-ħajja eterna li hu ġie jġibilna.

 

Oħti, ħija, ħa tinfexx bl-hena l-qalb tiegħek f’dan il-lejl, f’dan il-lejl qaddis! Flimkien ngħannu l-qawmien ta’ Ġesù: “Għannuh, għannuh ilkoll, xmajjar u pjanuri, deżerti u muntanji… għannu lill-Mulej tal-ħajja li jqum minn ġol-qabar, jiddi iktar minn elf xemx. Popli mfarrka mill-ħażen u mriegħda mill-inġustizzja, popli bla art, popli martri, f’dan il-lejl warrbu l-għanjiet ta’ disperazzjoni. Il-Bniedem tad-Dulur ma għadux iżjed fil-ħabs: għamel fetħa fil-ħajt, u jħaffef jiġi għandna. Titwieled fid-dlam l-għajta mhux mistennija: hu ħaj, hu qam! U intom, ħuti, żgħar u kbar… intom li qed tgħixu fit-tbatija, intom li tħossukom indenji li tgħannu… ħa titkebbes fjamma ġdida fil-qalb tagħkom, freskezza ġdida tinħass fil-leħen tagħkom. Dan hu l-Għid tal-Mulej – ħuti – hija l-festa tal-ħajjin” (J-Y. Quellec, Dieu face nord, Ottignies 1998, 85-86).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard