QUDDIESA MAL-KARDINALI L-ĠODDA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru, Altar tal-Katedra

Il-Ħadd 29 ta’ Novembru 2020

 

Il-Qari tal-lum jissuġġerilna żewġ kelmiet-muftieħ għal żmien l-Avvent: qrubija u sahra. Il-qrubija ta’ Alla u s-sahra tagħna: waqt li l-profeta Iżaija jgħid li Alla hu qrib tagħna, Ġesù fil-Vanġelu jsejħilna biex nishru fl-istennija tiegħu.

 

Qrubija. Iżaija jiftaħ billi jindirizza direttament lil Alla: “Int, Mulej, missierna” (63:16). U jkompli: “Widna qatt ma semgħet […] bħalek, Alla li jħabrek għal min jittama fih” (64:3). Jiġina f’moħħna kliem id-Dewteronomju: min, “hu qrib tagħna [daqs] il-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu?” (4:7). L-Avvent hu ż-żmien li fih niftakru fil-qrubija ta’ Alla, li niżel f’nofsna. Imma l-profeta jmur lil hemm minn hekk u jitlob li Alla joqrob iżjed: “Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm!” (Iż 63:19). Dan tlabnieh aħna wkoll fis-Salm: “Erġa’ ejja, żurna, ejja ħa ssalvana” (ara Salm 79:15,3). “O Alla, ejja u eħlisni”, b’dan spiss tiftaħ it-talba tagħna: l-ewwel pass tal-fidi hu li ngħidu lill-Mulej li għandna bżonn tiegħu, tal-qrubija tiegħu.

 

Dan hu wkoll l-ewwel messaġġ tal-Avvent u tas-Sena liturġika, li nagħrfu li Alla hu qrib tagħna u ngħidulu: “Ersaq eqreb!”. Hu jrid jiġi qrib tagħna, imma jissuġġerilna, ma jimponix ruħu; minna jonqos li ma negħjewx ngħidulu: “Ejja!”. Jiġi minna, din hi t-talba tal-Avvent: “Ejja!”. Ġesù – ifakkarna l-Avvent – ġie fostna u jerġa’ jiġi mill-ġdid fl-aħħar taż-żminijiet. Imma, nistaqsu, għal xiex jiswew dawn il-miġjiet jekk ma jiġix illum f’ħajjitna? Ejjew nistednuh. Nagħmlu tagħna l-invokazzjoni tipika tal-Avvent: “Ejja, Mulej Ġesù” (Apok 22:20). B’din l-invokazzjoni jagħlaq l-Apokalissi: “Ejja, Mulej Ġesù”. Nistgħu llissnuha fil-ftuħ ta’ kull ġurnata u ntennuha spiss, qabel il-laqgħat tagħna, l-istudju, ix-xogħol u d-deċiżjonijiet li għandna nieħdu, fil-mumenti l-iżjed importanti u f’dawk ta’ prova: Ejja, Mulej Ġesù. Talba ċkejkna, imma tinbet fil-qalb. Ngħiduha f’dan iż-żmien tal-Avvent, intennuha iżjed minn darba: “Ejja, Mulej Ġesù”.

 

U hekk, meta nitolbuh jiġi qrib tagħna, inkunu nitħarrġu fis-sahra tagħna. Il-Vanġelu ta’ Mark illum ipproponielna l-għeluq tal-aħħar diskors ta’ Ġesù, li nistgħu niġbruh f’kelma waħda: “Ishru!”. Il-Mulej itenniha erba’ darbiet f’ħames versi (ara Mk 13:33-35,37). Importanti nibqgħu nishru, għax hu żball fil-ħajja li nintilfu f’elf ħaġa u ma nintebħux b’Alla. Santu Wistin qal: Timeo Iesum transeuntem (Sermones, 88,14,13), “nibża’ li jgħaddi Ġesù u jien ma nintebaħx”. Miġbuda mill-istess interessi tagħna – ta’ kuljum inħossuh dan – u aljenati minn tant ħwejjeġ vojta, nirriskjaw li nitilfu l-essenzjal. Għalhekk illum il-Mulej itenni “għal kulħadd: ishru!” (Mk 13:37). Ishru, kunu għajnejkom miftuħa.

 

Imma, jekk irridu nishru, dan ifisser li ninsabu fil-lejl. Iva, m’aħniex ngħixu fid-dawl ta’ binhar, imma fl-istennija tal-jum, qalb dlam u taħbit. Il-jum għad jasal meta għad inkunu mal-Mulej. Jasal, ejjew ma naqtgħux qalbna: il-lejl għad jgħaddi, jasal il-Mulej, u jagħmel ħaqq minna dak li miet fuq is-salib għalina. Ħa nihsru biex nistennew dan, u ma nħallux il-qtigħ il-qalb jgħaffiġna, u dan ifisser ngħixu fit-tama. Kif qabel twelidna konna mistennija minn min kien iħobbna, issa aħna mistennija mill-Imħabba nfisha. U jekk aħna mistennija fil-Ġenna, għaliex ngħixu bi pretensjonijiet fuq din l-art? Għaliex nitħabtu tant għal ftit flus, fama, suċċess, kollha ħwejjeġ li jgħaddu? Għaliex nitilfu l-ħin ingergru għal-lejl, meta hemm jistenniena d-dawl tal-jum? Għaliex infittxu min jaqbeż għalina biex niksbu promozzjoni u nitilgħu iktar, ningħataw promozzjoni fil-karriera? Kollox jgħaddi. Ishru, jgħid il-Mulej.

 

Li nibqgħu mqajma mhux faċli, anzi hi ħaġa iebsa ħafna: billejl jiġik naturali li torqod. Lanqas id-dixxipli ta’ Ġesù ma rnexxielhom, lilhom li hu kien qalilhom jishru “filgħaxija, f’nofsillejl, xħin jidden is-serduk, mas-sebħ” (ara v. 35). Kien proprju f’dawk is-sigħat li ma sahrux: filgħaxija, fl-Aħħar Ċena, ittradew lil Ġesù; billejl ħadhom in-ngħas; malli idden is-serduk ċaħduh; mas-sebħ ħallew lil min jaqtagħhielu għall-mewt. Ma kinux sahru. Raqdu. Imma anki fuqna tista’ taqa’ l-istess ħedla. Hemm ngħas perikoluż: in-ngħas tal-medjokrità. Jiġi meta ninsew l-ewwel imħabba u nimxu biss b’mod passiv, ħsiebna biss kif ma jdejjaqna ħadd. Imma mingħajr tħeġġiġ ta’ mħabba għal Alla, mingħajr ma nistennew il-ġdid tiegħu, insiru medjokri, mondani. U dan iġib fix-xejn il-fidi, għax il-fidi hija l-maqlub tal-medjokrità: hija xewqa mħeġġa għal Alla, hi kuraġġ kontinwu biex nikkonvertu, hi l-kuraġġ li nħobbu, tfisser li nimxu dejjem ’il quddiem. Il-fidi mhijiex ilma li jintefa, hija nar li jaqbad; mhix kalmant għal min hu stressat, hija storja ta’ mħabba għal min hu nnamrat! Għalhekk Ġesù iktar minn kull ħaġa oħra ddejqu l-bruda (ara Apok 3:16). Tidher ċara l-istmerrija ta’ Alla għall-berdin.

 

Għalhekk, kif nistgħu inqumu min-ngħas tal-medjokrità? Bis-sahra tat-talb. Meta nitolbu nkunu nixegħlu dawl fid-dalma. It-talb iqajjimna mill-bruda ta’ ħajja orizzontali, jgħollilna ħarsitna lejn l-għoli, jissintonizzana mal-Mulej. It-talb jippermetti lil Alla jkun qrib tagħna; għalhekk jeħlisna mis-solitudni u jagħtina t-tama. It-talb jagħti n-nifs lill-ħajja: kif ma nistgħux ngħixu mingħajr ma nieħdu nifs, hekk ma nistgħux inkunu Nsara mingħajr ma nitolbu. U għandna tant bżonn ta’ Nsara li jishru għal min hu rieqed, ta’ adoraturi, ta’ interċessuri, li lejl u nhar iwasslu quddiem Ġesù, dawl tad-dinja, id-dlamijiet tal-istorja. Hemm bżonn ta’ adoraturi. Aħna tlifna xi ftit is-sens tal-adorazzjoni, li noqogħdu fis-skiet quddiem il-Mulej, nadurawh. Din hi l-medjokrità, il-bruda.

 

Hemm imbagħad ngħas ieħor interjuri: in-ngħas tal-indifferenza. Min hu indifferenti jara kollox l-istess, bħal billejl, u ma jinteressax ruħu minn min hu qrib tiegħu. Meta nduru biss magħna nfusna u l-bżonnijiet tagħna, indifferenti għal dawk tal-oħrajn, il-lejl jinżel fuq qalbna. Il-qalb issir mudlama. Malajr nibdew ingergru fuq kollox, imbagħad inħossuna vittmi ta’ kulħadd u fl-aħħar nibdew nikkomplottaw fuq kollox. Tgergir, vittimizzazzjoni u komplotti. Katina din. Illum dan il-lejl donnu niżel fuq ħafna, li ħsiebhom fihom infushom u ma jinteressahomx mill-oħrajn.

 

Kif nistgħu nqumu minn dan in-ngħas tal-indifferenza? Bis-sahra tal-imħabba. Biex twassal id-dawl qalb dak in-ngħas tal-medjokrità, tal-bruda, hemm is-sahra tat-talb. Biex tqajjimna minn dan in-ngħas tal-indifferenza hemm is-sahra tal-imħabba. L-imħabba hija l-qalb tħabbat tan-Nisrani: kif ma nistgħux ngħixu mingħajr it-taħbita tal-qalb, hekk ma nistgħux inkunu Nsara mingħajr imħabba. Hemm min jaħseb li l-kompassjoni, l-għajnuna, il-qadi huma ħaġa tat-telliefa! Fir-realtà din hi l-unika ħaġa rebbieħa, għax diġà hi orjentata lejn il-futur, lejn jum il-Mulej, meta kollox għad jgħaddi u tibqa’ biss l-imħabba. Huwa bl-opri tal-ħniena li nersqu qrib tal-Mulej. Dan tlabnieh illum fit-talba tal-Kolletta: “Qanqal fil-fidili tiegħek ir-rieda li, bis-saħħa ta’ għemejjel tajba, joħorġu jiltaqgħu ma’ Kristu Ibnek, li ġej”. Ir-rieda li niltaqgħu ma’ Kristu bl-opri t-tajba. Ġesù jiġi u t-triq biex noħorġu niltaqgħu miegħu hi mmarkata quddiemna: huma l-opri ta’ karità.

 

Għeżież ħuti, nitolbu u nħobbu, din hi s-sahra. Meta l-Knisja tadura lil Alla u taqdi ’l-proxxmu, ma tkunx tgħix billejl. Imqar jekk tegħja u tħossha mġarrba, hija miexja lejn il-Mulej. Nitolbuh: Ejja, Mulej Ġesù, għandna bżonnok. Ejja qrib tagħna. Inti d-dawl: qajjimna min-ngħas tal-medjokrità, erfagħna mis-sħab sewdieni tal-indifferenza. Ejja, Mulej Ġesù, agħmel li jishru qlubna, li bħalissa huma distratti: għinna nħossu x-xewqa li nitolbu u l-ħtieġa li nħobbu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard