GĦELUQ TAL-ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-XXX Ħadd ta’ Matul is-Sena – Il-Ħadd 29 ta’ Ottubru 2023

 

Huwa sewwasew pretest dak li bih l-għaref tal-Liġi jippreżenta ruħu quddiem Ġesù, u dan jagħmlu biss biex iġarrbu. Madankollu, tiegħu hi mistoqsija importanti, mistoqsija dejjem attwali, li xi drabi nsibuha fil-qalb tagħna u fil-ħajja tal-Knisja: “Liema hu l-ikbar kmandament?” (Mt 22:36). Aħna wkoll, mgħaddsa fix-xmara ħajja tat-Tradizzjoni, nistaqsu: liema li l-iktar ħaġa importanti? Liema hu l-mutur ta’ kollox? X’jiswa l-aktar, tant li hu l-prinċipju li jnebbaħ kollox? U t-tweġiba ta’ Ġesù hija ċara: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:37-39).

 

Ħuti Kardinali, ħuti Isqfijiet u saċerdoti, reliġjużi, ħuti, fl-għeluq ta’ din il-parti mill-mixja li għamilna, importanti nħarsu lejn il-“prinċipju u fundament” li minnu kollox jibda u jerġa’ jibda. Inħobbu lil Alla b’ħajjitna kollha u nħobbu lil għajrna bħalna nfusna. Mhux l-istrateġiji tagħna, mhux il-kalkoli umani, mhux ix-xejriet tad-dinja, imma nħobbu lil Alla u lill-proxxmu: din hija l-qalba ta’ kollox. Imma kif nistgħu nittraduċu dan l-impuls ta’ mħabba? Nipproponilkom żewġ verbi, żewġ movimenti tal-qalb li fuqhom nixtieq nirrifletti: naduraw u naqdu. Inħobbu lil Alla billi naduraw u naqdu.

 

L-ewwel verb, naduraw. Inħobbu jfisser naduraw. L-adorazzjoni hi l-ewwel tweġiba li nistgħu noffru għall-imħabba b’xejn, għall-imħabba sorprendenti ta’ Alla. L-istagħġib tal-adorazzjoni hu essenzjali fil-Knisja, fuq kollox f’dan il-mument li fih tlifna d-drawwa tal-adorazzjoni. Fil-fatt, naduraw ifisser nagħrfu bil-fidi li Alla waħdu hu l-Mulej u li mill-ħlewwa ta’ mħabbtu jiddependu ħajjitna, il-mixja tal-Knisja, il-futur tal-istorja. Huwa s-sens tal-ħajja kollha.

 

Meta naduraw lilu niskopru mill-ġdid li aħna ħielsa. Ma’ din l-imħabba lejn il-Mulej fl-Iskrittura spiss insibu assoċjata t-taqbida kontra l-idolatrija. Min jadura lil Alla jirrifjuta l-idoli għax, waqt li Alla jeħlisna, l-idoli jagħmluna lsiera. Iqarrqu bina u qatt ma jagħtu dak li jwiegħdu, għax huma “xogħol idejn il-bniedem” (Salm 115:4). L-Iskrittura tuża kliem iebes kontra l-idolatrija għax l-idoli huma xogħol il-bniedem u huma mmanipulati minnu, waqt li Alla hu dejjem il-Ħaj, li jinsab hawn u jmur lil hemm, “li mhux magħmul kif naħsbu jien, li ma jiddependix minn kemm jien nistenna minnu, li allura jista’ jaqleb ta’ taħt fuq dak li nistenna jien, proprju għax hu ħaj. Il-konferma li mhux dejjem għandna l-idea tajba ta’ Alla hi li xi drabi nkunu delużi: kont qed nistenna dan, kont nimmaġina li Alla jġib ruħu hekk, meta fil-verità kelli żball. B’dan il-mod inkunu nimxu fil-mogħdija tal-idolatrija, għax irridu li l-Mulej jaġixxi skont l-immaġini li għamilna aħna tiegħu” (C.M. Martini, I grandi della Bibbia. Esercizi spirituali con l’Antico Testamento, Firenze 2022, 826-827). U dan huwa riskju li dejjem nistgħu nidħlu fih: naħsbu li nistgħu “nikkontrollaw lil Alla”, li nagħlqu l-imħabba tiegħu fl-iskemi tagħna. Minflok, l-aġir tiegħu hu dejjem imprevedibbli, imur lil hemm, u għalhekk dan l-aġir ta’ Alla jitlob stagħġib u adorazzjoni. L-istagħġib, hu wisq importanti!

 

Jeħtieġ li dejjem neħduha kontra l-idolatriji; dawk mondani, li spiss ġejjin mill-vanaglorja personali, bħall-kilba għas-suċċess, l-affermazzjoni tagħna nfusna jkun xi jkun il-prezz, ir-regħba għall-flus – ix-xitan jidħol mill-bwiet, ma ninsewhx dan –, is-seħer tal-karreriżmu; imma anki dawk l-idolatriji moħbija taħt spiritwalità: l-ispiritwalità tiegħi, l-ideat reliġjużi tiegħi, il-bravura pastorali tiegħi… Ejjew ngħassu, biex ma jiġrilniex li npoġġu fiċ-ċentru lilna nfusna flok lilU. U nerġgħu lura għall-adorazzjoni. Ħa tkun ċentrali għalina r-Ragħajja: niddedikaw ħin ta’ kuljum għall-intimità ma’ Ġesù r-Ragħaj it-tajjeb quddiem it-tabernaklu. Naduraw. Ħa tkun il-Knisja adoratriċi: f’kull djoċesi, f’kull parroċċa, f’kull komunità ħa naduraw lill-Mulej! Għax hekk biss inkunu mmorru għand Ġesù u mhux għandna nfusna; għax hu biss permezz tas-skiet tal-adorazzjoni li l-Kelma ta’ Alla tkun fi kliemna; għax hu biss quddiemu li niġu ppurifikati, ittrasformati u mġedda min-nar tal-Ispirtu tiegħu. Ħuti, ejjew naduraw lill-Mulej Ġesù!

 

It-tieni verb hu naqdu. Inħobbu jfisser naqdu. Fil-kmandament il-kbir Kristu jorbot lil Alla u lill-proxxmu ma’ xulxin, biex ma jkunu qatt mifruda. Ma teżistix esperjenza reliġjuża li hi truxa għall-karba tad-dinja, esperjenza reliġjuża vera. Ma hemmx imħabba ta’ Alla mingħajr l-involviment fl-għożża tal-proxxmu, inkella nkunu nirriskjaw il-Fariżeiżmu. Forsi għandna tabilħaqq tant ideat sbieħ biex nirriformaw il-Knisja, imma ħa niftakru dan: li naduraw lil Alla u nħobbu lil ħutna bl-imħabba tiegħu, din hi l-ikbar riforma kontinwa. Inkunu Knisja li tadura u Knisja tal-qadi, li taħsel riġlejn l-umanità midruba, issieħeb il-mixja tad-dgħajfa u tal-mormija, tmur tiltaqa’ kollha ħlewwa ma’ dawk l-iżjed foqra. Dan ikkmandah Alla, smajnieh, fl-Ewwel Qari.

 

Ħuti, qed naħseb f’dawk kollha li huma vittmi tal-attroċitajiet tal-gwerra; fit-tbatijiet tal-migranti, fin-niket moħbi ta’ min isib ruħu waħdu u f’kundizzjonijiet ta’ faqar; f’min hu mgħaffeġ taħt it-toqol tal-ħajja; f’min ma għadx għandu dmugħ, f’min ma għandux leħen. U qed naħseb f’kemm drabi, wara l-kliem sabiħ u l-wegħdiet persważivi, jiġu ffavoriti forom ta’ sfruttament u ma jsir xejn biex jiġu impediti. Huwa dnub gravi li tisfrutta lill-iktar dgħajfa, dnub gravi li jmermer il-fraternità u jeqred is-soċjetà. Aħna, dixxipli ta’ Ġesù, irrid nwasslu fid-dinja ħmira oħra, dik tal-Vanġelu: Alla fl-ewel post u flimkien miegħu dawk li hu jippreferi, il-foqra u d-dgħajfa.

 

Hija din, ħuti, il-Knisja li aħna msejħin noħolmu: Knisja qaddejja ta’ kulħadd, qaddejja ta’ dawk li huma fl-aħħar post. Knisja li ma tesiġi qatt paġella ta’ “kondotta tajba”, imma tilqa’, taqdi, tħobb, taħfer. Knisja tal-bibien miftuħa li tkun bieb tal-ħniena. “Il-bniedem ħanin”, qal il-Kriżostmu, “hu port għal min hu fil-bżonn: il-port jilqa’ u jeħles mill-perikli lil dawk kollha li jinnawfragaw; sew jekk ikunu nies ħżiena, tajbin, ikunu kif ikunu […], il-port jagħtihom kenn fi ħdan il-qala tiegħu. Int ukoll, mela, meta tara fuq l-art bniedem li ġarrab in-nawfraġju tal-faqar, tiġġudikax, titlobx kont tal-kondotta tiegħu, imma eħilsu mit-telfien” (Diskorsi fuq il-fqajjar Lazzru, II, 5).

 

Ħuti, qed nagħlqu l-Assemblea Sinodali. F’din il-“konverżazzjoni tal-Ispirtu” stajna nduqu l-preżenza ħelwa tal-Mulej u niskopru l-ġmiel tal-fraternità. Smajna lil xulxin u fuq kollox, fil-firxa għanja tal-istejjer u s-sensibbiltajiet tagħna, tajna widen għall-Ispirtu s-Santu. Illum m’aħniex naraw il-frott sħiħ ta’ dan il-proċess, imma b’viżjoni fit-tul nistgħu nħarsu lejn ix-xefaq li qed jinfetaħ quddiemna: il-Mulej imexxina u jgħinna nkunu Knisja iżjed sinodali u iżjed missjunarja, li tqim lil Alla u taqdi lin-nisa u lill-irġiel ta’ żmienna, billi toħroġ ħa twassal lil kulħadd il-ferħ mimli faraġ tal-Vanġelu.

 

Ħuti, għal dan kollu li għamiltu fis-Sinodu u li qed tkomplu tagħmlu, ngħidilkom grazzi! Grazzi tal-mixja li għamilna flimkien, tas-smigħ u tad-djalogu. U fir-ringrazzjament tiegħi lilkom irrid nawgura lilna lkoll: li nistgħu nikbru fl-adorazzjoni ta’ Alla u fil-qadi tal-proxxmu. Naduraw u naqdu. Il-Mulej jimxi magħna. U nħarsu ’l quddiem, bil-ferħ!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard