QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI GĦALL-ARĊISQFIJIET METROPOLITI ĠODDA

FIS-SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI SAN PIETRU U SAN PAWL

 KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika ta’ San Pietru

Is-Sibt 29 ta’ Ġunju 2024

 

Ejjew nħarsu lejn iż-żewġ Appostli Pietru u Pawlu: is-sajjied mill-Galilija li Ġesù għamlu sajjied tal-bnedmin; il-Fariżew persekutur tal-Knisja mibdul mill-Grazzja f’evanġelizzatur tal-ġnus. Fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla ejjew inħallu tnebbaħna l-istorja tagħhom, iż-żelu appostoliku li mmarka l-mixja tal-ħajja tagħhom. Huma ltaqgħu ma’ Ġesù u hekk għexu esperjenza vera u proprja tal-Għid: ġew meħlusa u, quddiemhom, infetħu l-bibien ta’ ħajja ġdida.

 

Ħuti, lejlet is-Sena Ġubilari, ejjew nieqfu proprju fuq ix-xbieha tal-bieb. Fil-fatt, il-Ġublew se jkun żmien ta’ grazzja li fih se niftħu l-Bieb Imqaddes, biex kulħadd jista’ jirfes l-għatba ta’ dak is-santwarju ħaj li hu Ġesù u, fih, jgħix l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li terġa’ tkebbes it-tama u ġġedded il-ferħ. U anki fl-istorja ta’ Pietru u ta’ Pawlu hemm bibien li jinfetħu.

 

L-Ewwel Qari rrakkontalna l-ġrajja tal-ħelsien ta’ Pietru mill-ħabs; dan ir-rakkont għandu tant xbihat li jfakkruna fl-esperjenza tal-Għid: l-episodju jseħħ tul il-festa tal-Ażżmi; Erodi jfakkarna fil-figura tal-Fargħun tal-Eġittu; il-ħelsien iseħħ billejl kif ġralhom l-Iżraeliti; l-anġlu jagħti lil Pietru l-istess ordnijiet li ngħataw lil Iżrael: iqum malajr, jitħażżem, jilbes il-qorq (ara Atti 12:8; Eż 12:11). Allura, dak li qed jiġi rrakkuntat lilna hu eżodu ġdid. Alla jeħles lill-Knisja tiegħu, jeħles lill-poplu tiegħu li jinsab fil-ktajjen, u mill-ġdid għal darb’oħra juri ruħu bħala Alla tal-ħniena li jwieżen il-mixja tiegħu.

 

U f’dak il-lejl ta’ ħelsien, l-ewwel jinfetħu mirakolożament il-bibien tal-ħabs; imbagħad, dwar Pietru u l-anġlu li jakkumpanjah jingħad li jsibu ruħhom quddiem “il-bieb tal-ħadid, li kien jagħti għall-belt, u dan infetaħ waħdu” (Atti 12:10). Mhumiex huma li jiftħu l-bieb, imma dan jinfetaħ waħdu. Huwa Alla li jiftaħ il-bibien, huwa hu li jeħles u jwitti t-triq. Lil Pietru – kif smajna fil-Vanġelu – Ġesù kien fdalu l-imfietaħ tas-Saltna; imma hu jagħmel esperjenza li, l-ewwel ma jiftaħ il-bibien, qabelxejn hu l-Mulej, għax hu dejjem jimxi qabilna. U hemm fatt kurjuż: il-bibien tal-ħabs infetħu bil-qawwa tal-Mulej, imma Pietru mbagħad isibha bi tqila biex jidħol fid-dar tal-komunità Nisranija: dik li tmur tiftaħlu l-bieb, għal ftit ma taħsbux fantażma u ma tiftaħlux (ara Atti 12:12-17). Kemm drabi l-komunitajiet ma jitgħallmuhx dan l-għerf li jiftħu l-bibien!

 

Anki l-mixja tal-Appostlu Pawlu hi qabelxejn esperjenza tal-Għid. Fil-fatt, hu l-ewwel jiġi mibdul mill-Irxoxt fit-triq ta’ Damasku u mbagħad, fil-kontemplazzjoni kontinwa ta’ Kristu Msallab, jiskopri l-grazzja tad-dgħufija: meta aħna dgħajfin – jafferma – fir-realtà proprju hemmhekk li aħna qawwija, għax ma nibqgħux iggranfati magħna nfusna, imma ma’ Kristu (ara 2 Kor 12:10). Maħkum mill-Mulej u msallab miegħu, Pawlu jikteb: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20). Imma l-għan ta’ dan kollu ma hux reliġjożità intimista u konsolatorja – kif illum jippreżentawlna xi movimenti fil-Knisja: spiritwalità tas-salott –; bil-maqlub, il-laqgħa mal-Mulej tkebbes fil-ħajja ta’ Pawlu ż-żelu għall-evanġelizzazzjoni. Kif smajna fit-Tieni Qari, fl-aħħar ta’ ħajtu huwa jistqarr: “Il-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha!” (2 Tim 4:17).

 

Proprju huwa u jirrakkontalna kif il-Mulej tah tant possibbiltajiet biex iħabbar il-Vanġelu, Pawlu jinqeda bix-xbieha tal-bibien miftuħa. Hekk, dwar il-wasla tiegħu f’Antjokja flimkien ma’ Barnaba, jingħad li “meta waslu, laqqgħu l-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani” (Atti 14:27). Bl-istess mod, meta jdur fuq il-komunità ta’ Korintu, jgħidilhom: “Hemm bieb kbir miftuħ għalija, fejn nista’ naħdem sewwa” (1 Kor 16:9); u lill-Kolossin iħeġġiġhom hekk: “Itolbu wkoll għalina, biex Alla jiftħilna l-bieb għall-kelma u nxandru l-misteru ta’ Kristu” (Kol 4:3).

 

Ħuti, iż-żewġ Appostli Pietru u Pawlu għamlu din l-esperjenza ta’ grazzja. Messew b’idejhom l-opra ta’ Alla, li fetaħ il-bibien tal-ħabs interjuri tagħhom u anki tal-ħabsijiet reali fejn kienu ġew maqfula minħabba l-Vanġelu. U iktar minn hekk, fetaħ quddiemhom il-bibien tal-evanġelizzazzjoni, biex iduqu l-ferħ tal-laqgħa mal-aħwa tal-komunitajiet li kienu qed jitwieldu u setgħu jwasslu lil kulħadd it-tama tal-Vanġelu.

 

U aħna wkoll din is-sena qed nitħejjew biex niftħu l-Bieb Imqaddes.

 

Ħuti, illum l-Arċisqfijiet Metropoliti maħtura fl-aħħar sena qed jirċievu l-Pallju. F’komunjoni ma’ Pietru u fuq l-eżempju ta’ Kristu, il-bieb tan-nagħaġ (ara Ġw 10:7), huma msejħin ikunu ragħajja mħeġġa, li jiftħu l-bibien tal-Vanġelu u li, bil-ministeru tagħhom, jikkontribwixxu biex jibnu Knisja u soċjetà tal-bibien miftuħa.

 

U nixtieq, bi mħabba tal-aħwa, insellem lid-Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku: grazzi li ġejtu turu x-xewqa komuni tal-komunjoni sħiħa bejn il-Knejjes tagħna. Nibgħat minn qalbi t-tislima tiegħi lil ħija, l-għażiż ħija Bartilmew.

 

Il-Qaddisin Pietru u Pawlu jgħinuna niftħu l-bieb tal-ħajja tagħna għall-Mulej Ġesù, jinterċedu għalina, għall-belt ta’ Ruma u għad-dinja kollha. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard