QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI GĦALL-ARĊISQFIJIET METROPOLITI L-ĠODDA

FIS-SOLENNITÀ TAL-QADDISIN APPOSTLI PIETRU U PAWLU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħamis 29 ta’ Ġunju 2023

 

Pietru u Pawlu, żewġ Appostli namrati tal-Mulej, żewġ kolonni tal-fidi tal-Knisja. U aħna u nikkontemplaw ħajjithom, il-Vanġelu llum jiġi għandna bil-mistoqsija li Ġesù jagħmel lid-dixxipli tiegħu: “Intom, min tgħidu li jien?” (Mt 16:15). Din hija l-mistoqsija fundamentali, l-iktar waħda importanti: min hu Ġesù għalija? Min hu Ġesù fil-ħajja tiegħi? Naraw kif wieġbu għal din il-mistoqsija dawn iż-żewġ Appostli.

 

It-tweġiba ta’ Pietru nistgħu niġbruha f’kelma waħda: sequela. Pietru għex fil-mixja wara l-Mulej. Meta dakinhar, f’Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli, Pietru wieġeb bi stqarrija sabiħa ta’ fidi: “Int il-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16:16). Tweġiba impekkabbli, preċiża, puntwali, nistgħu ngħidu tweġiba perfetta “tal-katekiżmu”. Imma dik it-tweġiba hija frott ta’ mixja: kien biss wara li għex l-avventura kollha seħer tal-mixja wara l-Mulej, wara li mexa miegħu u warajh għal tant żmien, li Pietru seta’ jasal għal dik il-maturità spiritwali li, bi grazzja, bi grazzja pura, twasslu għal stqarrija hekk ċara ta’ fidi.

 

Fil-fatt, l-istess evanġelista Mattew jirrakkontalna li kollox kien beda dakinhar li, max-xatt tal-Galilija, Ġesù kien għadda u sejjaħlu, flimkien ma’ ħuh Indrì, “u huma minnufih ħallew ix-xbiek u marru warajh” (Mt 4:20). Telaq kollox Pietru, biex jimxi wara l-Mulej. U l-Vanġelu jisħaq li “minnufih”. Pietru lil Ġesù ma qallux li kien se jaħsibha, ma qagħadx jagħmel kalkoli biex jara jaqbillux, ma sab ebda skuża biex iħalli d-deċiżjoni għal darb’oħra, imma telaq ix-xbiek u mar warajh, bla ma talab ebda assigurazzjoni minn qabel. Kellu mbagħad jiskopri kollox ġurnata b’ġurnata, mat-triq, huwa u jimxi wara Ġesù, miexi warajh. U mhux ta’ b’xejn li l-aħħar kelmiet li jagħtuna l-Vanġeli li Ġesù jgħidlu huma: “Int imxi warajja” (Ġw 21:22), jiġifieri s-sequela.

 

Mela Pietru qed jgħidilna li għall-mistoqsija “min hu Ġesù għalija?” mhux biżżejjed li nwieġbu b’formula duttrinali impekkabbli u lanqas b’idea li għamilna f’moħħna darba għal dejjem. Le. Jeħtieġ nimxu wara l-Mulej biex nitgħallmu ta’ kuljum insiru nafuh; huwa meta nsiru dixxipli tiegħu u nilqgħu l-Kelma tiegħu li nsiru ħbieb tiegħu u nagħmlu l-esperjenza ta’ mħabbtu li tibdilna. Għalina wkoll tidwi dik il-“minnufih”: jekk nistgħu nħallu tant affarijiet għal darb’oħra fil-ħajja, il-mixja wara Ġesù ma nistgħux nħalluha; hemm ma nistgħux noqgħodu ntellgħu u nniżżlu, ma nistgħux inġibu skużi. U attenti, għax xi wħud mill-iskużi jinħbew wara libsa ta’ spiritwalità, bħal meta ngħidu “m’iniex denn”, “m’iniex kapaċi”, “x’nista’ nagħmel jiena?”. Dik tkun il-makakkerija tax-xitan, li jisirqilna l-fiduċja fil-grazzja ta’ Alla, u jbellagħhielna li kollox jiddependi mill-ħiliet tagħna.

 

Niddistakkaw ruħna miċ-ċertezzi tagħna – ċertezzi ta’ din l-art –, minnufih, u nimxu wara Ġesù ta’ kuljum: dan hu li qed jgħidilna Pietru llum, jistedinna nkunu Knisja li timxi wara l-Mulej. Knisja f’sequela. Knisja li tixtieq tkun dixxiplu tal-Mulej u qaddejja umli tal-Vanġelu. Hekk biss tkun kapaċi tiddjaloga ma’ kulħadd u ssir post ta’ tisħib, ta’ qrubija, ta’ tama għan-nisa u l-irġiel ta’ żmienna. Hekk biss, imqar min hu l-aktar imbiegħed u spiss iħares lejna b’suspett jew indifferenza jista’ sa fl-aħħar jagħraf, flimkien mal-Papa Benedittu: “Il-Knisja hija l-post tal-laqgħa mal-Iben ta’ Alla ħaj u hekk hija l-post tal-laqgħa bejnietna” (Omelija fit-II Ħadd tal-Avvent, 10 ta’ Diċembru 2006).

 

U niġu issa għall-Appostlu tal-ġnus. Jekk it-tweġiba ta’ Pietru kienet il-mixja wara Ġesù, dik ta’ Pawlu hi t-tħabbira, it-tħabbira tal-Vanġelu. Għalih ukoll kollox beda bi grazzja, bl-inizjattiva tal-Mulej. Fit-triq ta’ Damasku, waqt li kollu kburi kien għaddej bil-persekuzzjoni tal-Insara, magħluq fil-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħu, ġie jiltaqa’ miegħu Kristu Rxoxt u għamieh bid-dawl tiegħu, jew aħjar, grazzi għal dak id-dawl Sawl intebaħ kemm kien għami: magħluq fil-kburija tal-osservanza riġida tiegħu, jiskopri f’Ġesù t-twettiq tal-misteru tas-salvazzjoni. U, tant hu għoli għalih l-għarfien ta’ Kristu, li minn issa ’l quddiem iqis iċ-ċertezzi kollha umani u reliġjużi tiegħu bħala “knis” (ara Fil 3:7-8). Hekk Pawlu ddedika ħajtu jiġri fuq l-art u l-baħar, fil-bliet u l-irħula, bla xejn ta kas li jbati u jiġi ppersegwitat, basta jħabbar lil Ġesù Kristu. Meta nħarsu lejn l-istorja tiegħu, donnu li, iktar ma ħabbar il-Vanġelu, iktar sar jaf lil Ġesù. Ix-xandir tal-Kelma lill-oħrajn ippermetta wkoll lilu li jinfed fil-qiegħ nett tal-misteru ta’ Alla; hu, Pawlu, li kiteb: “Għajb għalija jekk ma nxandarx il-Vanġelu!” (1 Kor 9:16); hu li stqarr: “Għalija l-ħajja hi Kristu” (Fil 1:21).

 

Mela Pawlu qed jgħidilna li għall-mistoqsija “min hu Ġesù għalija?” ma nweġbux b’reliġjożità intimista, li tħallina trankwilli mingħajr ebda girfa tat-tħassib li għandu jkollna biex inwasslu l-Vanġelu lill-oħrajn. L-Appostlu jgħallimna li nistgħu nikbru fil-fidi u fl-għarfien tal-misteru ta’ Kristu aktar ma nkunu ħabbara u xhieda tiegħu. U dan jiġri dejjem: meta nevanġelizzaw, niġu evanġelizzati aħna. Hija esperjenza ta’ kuljum: meta nevanġelizzaw, niġu evanġelizzati. Il-Kelma li nwasslu lill-oħrajn terġa’ lura għandna, għax skont kemm nagħtu aħna, nirċievu ħafna iżjed (ara Lq 6:38). U dan hu meħtieġ anki għall-Knisja llum: li nqiegħdu t-tħabbira fiċ-ċentru. Inkunu Knisja li ma tegħja qatt ittenni: “Għalija li ngħix huwa Kristu” u “ħażin għalija jekk ma nxandarx il-Vanġelu”. Knisja li għandha bżonn tħabbar daqskemm hu bżonjuż l-ossiġnu biex nieħdu n-nifs, li ma tistax tgħix mingħajr ma tgħaddi t-tħaddina tal-imħabba ta’ Alla u l-ferħ tal-Vanġelu.

 

Ħuti, niffesteġġjaw lil Pietru u lil Pawlu. Huma wieġbu għall-mistoqsija fundamentali tal-ħajja – min hu Ġesù għalija? – billi mxew warajh u ħabbru l-Vanġelu. Kemm hu sabiħ li nikbru bħala Knisja tas-sequela, bħala Knisja umli li qatt ma taħseb li diġà sabet lill-Mulej! Kemm hu sabiħ li nsiru Knisja fl-istess waqt estroversa, li l-ferħ tagħha ma ssibux fil-ħwejjeġ tad-dinja, imma fit-tħabbir tal-Vanġelu lid-dinja, biex tiżra’ fil-qlub tal-persuni l-mistoqsija dwar Alla! Inwasslu kullimkien, b’umiltà u ferħ, lill-Mulej Ġesù: fil-belt tagħna ta’ Ruma, fil-familji tagħna, fir-relazzjonijiet u fil-postijiet fejn ngħixu, fis-soċjetà ċivili, fil-Knisja, fil-politika, fid-dinja kollha, speċjalment hemm fejn bejtu l-faqar, id-dekadenza, l-emarġinazzjoni.

 

U llum, waqt li xi wħud minn ħutna Arċisqfijiet qed jirċievu l-Pallju, sinjal tal-komunjoni mal-Knisja ta’ Ruma, nixtieq ngħidilhom: kunu appostli bħal Pietru u Pawlu. Kunu dixxipli fit-triq wara l-Mulej u appostli fit-tħabbira tiegħu, wasslu l-ġmiel tal-Vanġelu kullimkien, flimkien mal-Poplu kollu ta’ Alla. U fl-aħħar nett, nixtieq insellem minn qalbi lid-Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku, mibgħuta hawn mill-għażiż Ħija l-Qdusija Tiegħu Bartilmew. Grazzi tal-preżenza tagħkom, grazzi: ejjew nimxu ’l quddiem flimkien, nimxu ’l quddiem flimkien fit-triq wara l-Mulej u fit-tħabbira tal-Kelma, aħna u nikbru fil-fraternità. Pietru u Pawlu jseħbuna u jidħlu għalina kollha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard