QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI

GĦALL-ARĊISQFIJIET METROPOLITANI L-ĠODDA

FIS-SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI MQADDSA PIETRU U PAWLU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ Ġunju 2022

 

Ix-xhieda taż-żewġ Appostli kbar Pietru u Pawlu qed nerġgħu ngħixuha llum fil-Liturġija tal-Knisja. Lill-ewwel wieħed, li s-sultan Erodi xeħtu l-ħabs, l-anġlu tal-Mulej jgħidlu: “Qum malajr” (Atti 12:7); it-tieni jiġbor ħajtu u l-appostolat kollu tiegħu billi jgħid: “Tqabadt it-taqbida t-tajba” (2 Tim 4:7). Ejjew inħarsu lejn dawn iż-żewġ aspetti – li nqumu malajr u nitqabdu t-taqbida t-tajba – u nistaqsu x’għandhom x’jgħidu lill-komunità Nisranija tal-lum, meta għaddej il-proċess Sinodali.

 

Qabelxejn, l-Atti tal-Appostli rrakkuntawlna dwar il-lejl li fih Pietru ġie meħlus mill-ktajjen tal-ħabs; anġlu tal-Mulej messlu ġenbu waqt li kien rieqed, “qajmu u qallu: ‘Qum malajr’” (12:7). Qajmu u talbu jqum fuq riġlejh. Din ix-xena tevoka l-Għid, għax hawnhekk għandna żewġ verbi użati fir-rakkonti tal-Qawmien: tistenbaħ u tqum. Ifisser li l-anġlu qajjem lil Pietru mir-raqda tal-mewt u ġagħlu jqum, jiġifieri jirxoxta, u joħroġ barra lejn id-dawl, u jħalli lill-Mulej imexxih biex jaqbeż l-għatba ta’ kull bieb magħluq (ara v. 10). Hi xbieha sinifikattiva ħafna għall-Knisja. Aħna wkoll, bħala dixxipli tal-Mulej u bħala komunità Nisranija, aħna msejħin inqumu malajr biex nidħlu fid-dinamiżmu tal-qawmien u biex inħallu lill-Mulej imexxina tul it-toroq li hu jrid jurina.

 

Għadna nħossu tant reżistenzi interjuri li ma jħalluniex niċċaqilqu, tant reżistenzi. Xi drabi, bħala Knisja, ninħakmu mill-għeja u nippreferu nibqgħu bilqiegħda nikkontemplaw il-ftit ħwejjeġ li għandna fiż-żgur, flok ma nqumu biex nixħtu ħarsitna lejn ixfqa ġodda, lejn il-baħar miftuħ. Spiss bħal Pietru nintrabtu bil-ktajjen fil-ħabs tad-drawwa, imbeżżgħin mill-bidliet u marbutin mal-katina tad-drawwiet tagħna. Imma hekk niżolqu fil-medjokrità spiritwali, nirriskjaw li nibqgħu mkaħħlin fejn aħna anki fil-ħajja spiritwali, immewtu l-entużjażmu tal-missjoni u, flok ma nkunu ħolma ta’ vitalità u ta’ kreattività, nispiċċaw biex nagħtu impressjoni ta’ biża’ u ta’ telqa. Allura, il-kurrent kbir ta’ ġdid u ta’ ħajja li huwa l-Vanġelu – kiteb Patri de Lubac – f’idejna jsir fidi li “taqa’ fil-formaliżmu u fid-drawwa, […] reliġjon ta’ ċerimonji u ta’ devozzjonijiet, ta’ tiżjin u ta’ konsolazzjonijiet vulgari […]. Kristjaneżmu klerikali, Kristjaneżmu formalista, Kristjaneżmu mitfi u mwebbes” (Il dramma dell’umanesimo ateo. L’uomo davanti a Dio, Milano 2017, 103-104).

 

Is-Sinodu li qed niċċelebraw isejħilna nsiru Knisja li tqum fuq saqajha, mhux magħluqa fiha nfisha, imma li kapaċi tħares lil hemm, toħroġ mill-ħabsijiet tagħha biex tmur tiltaqa’ mad-dinja, bil-kuraġġ li tiftaħ il-bibien. Dak il-lejl stess, kien hemm tentazzjoni oħra (ara Atti 12:12-17): dik it-tfajla mwerwra, flok ma fetħet il-bieb, marret tiġri lura tirrakkonta t-thewdin tagħha. Ejjew niftħu beraħ il-bibien. Huwa l-Mulej li qed isejjaħ. Ma nagħmlux bħala Roda li reġgħet lura.

 

Knisja mingħajr ktajjen u ħitan, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ u msieħeb, fejn titrawwam l-arti tas-smigħ, tad-djalogu, tal-parteċipazzjoni, taħt l-unika awtorità tal-Ispirtu s-Santu. Knisja ħielsa u umli, li “tqum malajr”, li ma toqgħodx ittella’ u tniżżel, ma toqgħodx titlajja’ quddiem l-isfidi tal-lum, ma tirtirax wara l-ħitan sagri, imma tħalli jmexxuha l-passjoni għax-xandir tal-Vanġelu u x-xewqa li tilħaq lil kulħadd u tilqa’ lil kulħadd. Din il-kelma ma ninsewhiex: kulħadd. Kulħadd! Morru fi slaleb it-toroq u ġibu lil kulħadd, għomja, torox, zopop, morda, ġusti, midinbin: kulħadd, kulħadd! Din il-kelma tal-Mulej għandha tidwi, tidwi fil-moħħ u fil-qalb: kulħadd, fil-Knisja hemm post għal kulħadd. U ħafna drabi aħna nsiru Knisja tal-bibien miftuħa imma biex inkeċċu n-nies, biex nikkundannaw in-nies. Ilbieraħ wieħed minnkom qalli: “Għall-Knisja dan mhuwiex iż-żmien li ntellqu n-nies ’il barra, huwa ż-żmien li nilqgħu”. “Ma ġewx għall-ikla tal-festa…” – Morru intom f’salib it-toroq. Kulħadd, kulħadd! “Imma dawn midinbin…” – Kulħadd!

 

It-Tieni Qari, imbagħad, wasslilna l-kelmiet ta’ Pawlu li, meta jħares lura lejn ħajtu kollha, jistqarr: “Tqabadt it-taqbida t-tajba” (2 Tim 4:7). L-Appostlu qed jirreferi għall-għadd bla tarf ta’ sitwazzjonijiet, xi drabi mmarkati mill-persekuzzjonijiet u mit-tbatija, li fihom hu ma baqax lura milli jxandar il-Vanġelu ta’ Ġesù. Issa, fi tmiem il-ħajja, hu qed jara li fl-istorja għadha għaddejja “battalja” kbira, għax ħafna ma humiex lesti jilqgħu lil Ġesù, u jippreferu jerġgħu lura għall-interessi tagħhom u għal għalliema oħra, iżjed komdi, iżjed faċli, iżjed skont ir-rieda tagħna. Pawlu affronta t-taqbida tiegħu u, issa li temm il-ġirja, jitlob lil Timotju u lill-aħwa tal-komunità jkomplu din l-opra billi jishru, ixandru, jgħallmu: f’kelma waħda, kull wieħed iwettaq il-missjoni fdata lilu u jagħmel il-parti tiegħu.

 

Hija Kelma ta’ ħajja għalina wkoll, li terġa’ tqajjem fina l-għarfien ta’ kif, fil-Knisja, kull wieħed u waħda hu msejjaħ ikun dixxiplu missjunarju u joffri s-sehem tiegħu. U hawn jiġuni f’moħħi żewġ mistoqsijiet. L-ewwel waħda hi: x’nista’ nagħmel jien għall-Knisja? Mhux ingergru fuq il-Knisja, imma nħabirku għall-Knisja. Nieħdu sehem b’passjoni u b’umiltà: b’passjoni, għax ma għandniex nibqgħu spettaturi passivi; b’umiltà, għax li nimpenjaw ruħna fil-komunità qatt m’għandu jfisser nokkupaw iċ-ċentru tax-xena, inħossuna aħjar u ma nħallux oħrajn jersqu qrib. Knisja fi proċess sinodali tfisser: jieħu sehem kulħadd, ħadd ma jieħu post ħadd jew joqgħod fuq l-oħrajn. Ma hemmx Insara tal-ewwel u tat-tieni klassi, kulħadd, kulħadd hu msejjaħ.

 

Imma li nieħdu sehem ifisser ukoll immexxu ’l quddiem it-“taqbida t-tajba” li dwarha jitkellem Pawlu. Fil-fatt din hi “battalja”, għax ix-xandir tal-Vanġelu mhuwiex newtrali – nitlobkom, ħa jeħlisna l-Mulej milli niddistillaw il-Vanġelu biex inġibuh newtrali: il-Vanġelu mhuwiex ilma distillat –, l-affarijiet ma jħallihomx kif isibhom, ma jaċċettax il-kompromess mal-loġika tad-dinja imma, bil-maqlub, ikebbes in-nar tas-Saltna ta’ Alla hemm fejn minflok hemm isaltnu l-mekkaniżmi umani tal-poter, tal-ħażen, tal-vjolenza, tal-korruzzjoni, tal-inġustizzja, tal-emarġinazzjoni. Minn meta Ġesù Kristu rxoxta, u qasam l-istorja fi tnejn, “bdiet battalja kbira bejn il-ħajja u l-mewt, bejn tama u disperazzjoni, bejn rassenjazzjoni għall-agħar u taqbida għall-aħjar, battalja li mhix ħa tieqaf qabel ma jingħelbu għalkollox is-setgħat kollha tal-ħażen u tal-qerda” (C.M. Martini, Omelija tal-Għid tal-Qawmien, 4 ta’ April 1999).

 

U allura t-tieni mistoqsija hi: x’nistgħu nagħmlu flimkien, bħala Knisja, biex id-dinja li fiha ngħixu nagħmluha iktar umana, iktar ġusta, iktar solidali, iktar miftuħa għal Alla u għall-fraternità bejn il-bnedmin? Żgur li ma għandniex ningħalqu fiċ-ċrieki żgħar ekkleżjali tagħna jew neħlu f’ċerti diskussjonijiet vojta tagħna. Attenti biex ma taqgħux fil-klerikaliżmu, il-klerikaliżmu hu perversjoni. Il-ministru li jsir klerikali b’atteġġjament klerikali qabad triq żbaljata; agħar minn hekk huma l-lajċi klerikalizzati. Attenti għal din il-perversjoni tal-klerikaliżmu. Ejjew ngħinu lil xulxin biex inkunu ħmira fl-għaġna tad-dinja. Flimkien nistgħu u għandna nagħmlu ġesti ta’ kura għall-ħajja umana, għall-ħarsien tal-ħolqien, għad-dinjità tax-xogħol, għall-problemi tal-familji, għall-kundizzjoni tal-anzjani u ta’ dawk li huma abbandunati, irrifjutati u mistkerrha. F’kelma waħda, inkunu Knisja li tippromovi l-kultura tal-għożża, taż-żegħila, il-ħniena lejn id-dgħajfa u l-ġlieda kontra kull għamla ta’ degradazzjoni, anki dik tal-bliet tagħna u tal-postijiet li niffrekwentaw, biex jilma fil-ħajja ta’ kulħadd il-ferħ tal-Vanġelu: din hi l-“battalja” tagħna, din hija l-isfida. It-tentazzjonijiet biex nibqgħu fejn aħna huma ħafna; it-tentazzjoni tan-nostalġija li ġġagħalna naħsbu li ż-żminijiet l-oħra kienu aħjar minn tagħna, nitlobkom, ejja ma naqgħux f’din il-“ħarsa lura” (l-‘indjetriżmu’) li hi moda fil-Knisja tal-lum.

 

Ħuti, illum, skont tradizzjoni sabiħa, berikt il-Pallji għall-Arċisqfijiet Metropoliti li ġew maħtura dan l-aħħar, li ħafna minnhom qed jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tagħna. F’komunjoni ma’ Pietru, huma msejħin “iqumu malajr”, ma jorqdux, biex ikunu għassiesa li jishru fuq il-merħla u, weqfin, “jitqabdu t-taqbida t-tajba”, qatt waħidhom, imma mal-Poplu kollu qaddis u fidil ta’ Alla. U bħala ragħajja tajba għandhom joqogħdu quddiem il-poplu, f’nofs il-poplu u wara l-poplu, imma dejjem flimkien mal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, għaliex huma parti mill-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. U minn qalbi nsellem lid-Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku, mibgħuta mill-għażiż ħija Bartilmew. Grazzi! Grazzi tal-preżenza tagħkom u tal-messaġġ ta’ Bartilmew. Grazzi, grazzi li qed nimxu flimkien, għax flimkien biss nistgħu nkunu żerriegħa tal-Vanġelu u xhieda ta’ fraternità.

 

Pietru u Pawlu jinterċedu għalina, jinterċedu għall-belt ta’ Ruma, jinterċedu għall-Knisja u għad-dinja kollha. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard