QUDDIESA U TBERIK TAL-PALLJI GĦALL-ARĊISQFIJIET METROPOLITI ĠODDA

FIS-SOLENNITÀ TAL-APPOSTLI QADDISIN PIETRU U PAWLU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-Tliet 29 ta’ Ġunju 2021

 

Żewġ Appostli kbar, Appostli tal-Vanġelu, u żewġ kolonni li fuqhom mibnija l-Knisja: Pietru u Pawlu. Illum qed niffesteġġjaw it-tifkira tagħhom. Ejjew inħarsu mill-qrib lejn dawn iż-żewġ xhieda tal-fidi: fil-qalba tal-istorja tagħhom ma hemmx il-bravura tagħhom, imma fil-qalba hemm il-laqgħa ma’ Kristu li bidlitilhom ħajjithom. Għamlu l-esperjenza ta’ mħabba li fejqithom u ħelsithom u, għalhekk, saru appostli u ministri tal-ħelsien għall-oħrajn.

 

Pietru u Pawlu huma ħielsa biss għax ġew meħlusa. Ejjew nieqfu ftit fuq dan il-punt ċentrali.

 

Pietru, is-sajjied tal-Galilija, ġie meħlus qabelxejn milli jħossu ma jixraqlux u mill-imrar tal-falliment, u dan seħħ grazzi għall-imħabba bla ebda kundizzjoni ta’ Ġesù. Imqar jekk kien sajjied espert, iktar minn darba, fil-qalba tal-lejl, daq l-imrar tat-telfa għax ma kien qabad xejn (ara Lq 5:5; Ġw 21:5) u, quddiem ix-xbieki vojta, kellu t-tentazzjoni li jiġbor l-imqadef fid-dgħajsa; imqar jekk kien b’saħħtu u furjuż, spiss ħalla l-biża’ jirbħu (ara Mt 14:30); imqar jekk kien dixxiplu appassjonat tal-Mulej, baqa’ jirraġuna skont id-dinja mingħajr ma rnexxielu jifhem u jilqa’ t-tifsira tas-Salib ta’ Kristu (ara Mt 16:22); imqar jekk kien jgħid li hu lest jagħti ħajtu għalih, biżżejjed li ħassu ssuspettat bħala wieħed mid-dixxipli tiegħu biex wasal jiċħad lill-Imgħallem (ara Mk 14:66-72).

 

Imma Ġesù ħabbu bla ma stenna xejn lura u bena fuqu. Qawwielu qalbu biex ma jċedix, biex jerġa’ jixħet ix-xbiek fil-baħar, biex jimxi fuq l-ilmijiet, biex iħares bil-kuraġġ lejn id-dgħufija tiegħu, biex jimxi warajh fit-triq tas-Salib, biex jagħti ħajtu għal ħutu, biex jirgħa n-nagħaġ tiegħu. U hekk ħelsu mill-biża’, mill-kalkoli mibnija fuq iċ-ċertezzi umani biss, fuq it-tħassib ta’ din id-dinja, u żera’ ġo fih il-kuraġġ li jirriskja kollox u l-ferħ li jħossu sajjied tal-bnedmin. Proprju lilu sejjaħ biex iwettaq fil-fidi lil ħutu (ara Lq 22:32). Lilu ta – smajnieha fil-Vanġelu – l-imfietaħ biex jiftaħ il-bibien li jwasslu għal-laqgħa mal-Mulej u s-setgħa li jorbot u jħoll: jorbot lill-aħwa ma’ Kristu u jħoll l-għoqiedi u l-ktajjen ta’ ħajjithom (ara Mt 16:19).

 

Dan kollu kien possibbli biss għax – kif irrakkontalna l-Ewwel Qari – Pietru l-ewwel kien meħlus hu. Il-ktajjen li jżommuh priġunier jiġu mqattgħin u, proprju kif seħħ fil-lejl tal-ħelsien tal-Lhud mill-jasar tal-Eġittu, jiġi msejjaħ iqum malajr, ixidd fuqu l-ħżiem u jaqfel il-qorq biex joħroġ. U l-Mulej jiftaħlu beraħ il-bibien quddiemu (ara Atti 12:7-10). Hija storja ta’ ftuħ, ta’ ħelsien, ta’ ktajjen imkissra, ta’ ħruġ mill-għeluq tal-ħabs. Pietru jagħmel l-esperjenza tal-Għid: il-Mulej ħelsu.

 

Anki l-Appostlu Pawlu ġarrab il-ħelsien mingħand Kristu. Ġie meħlus mill-eqqel jasar, dak tal-jien tiegħu, u minn Sawl, isem l-ewwel sultan ta’ Iżrael, sar Pawlu, li jfisser “żgħir”. Ġie meħlus ukoll miż-żelu reliġjuż li kien għamlu akkanit biex iżomm it-tradizzjonijiet li rċieva (ara Gal 1:14) u persekutur vjolenti tal-Insara. Ġie meħlus. L-osservanza formali tar-reliġjon u d-difiża bix-xabla misluta tat-tradizzjoni, flok li fetħulu qalbu għall-imħabba ta’ Alla u ta’ ħutu, iktar kienu webbsuhielu: kien fundamentalista. Minn dak Alla ħelsu; imma, imbagħad, ma evitalux tant dgħufijiet u diffikultajiet li għamlu iktar għammiela l-missjoni evanġelizzatriċi tiegħu: it-taħbit tal-appostolat, il-mard tal-ġisem (ara Gal 4:13-14); il-vjolenzi, il-persekuzzjonijiet, in-nawfraġji, il-ġuħ u l-għatx, u, kif jirrakkonta huwa stess, xewka li ħabbtitu f’ġismu (ara 2 Kor 12:7-10).

 

U hekk Pawlu fehem li “Alla għażel dak li fid-dinja hu dgħajjef biex iħawwad il-qawwija” (1 Kor 1:27), li kollox nistgħu fih li jqawwina (ara Fil 4:13), li xejn ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba tiegħu (ara Rum 8:35-39). Għalhekk, fi tmiem ħajtu – irrakkuntahulna t-Tieni Qari – Pawlu jista’ jgħid: “il-Mulej waqaf miegħi” u “jeħlisni minn kull deni” (2 Tim 4:17,18). Pawlu għamel l-esperjenza tal-Għid: il-Mulej ħelsu.

 

Għeżież ħuti, il-Knisja tħares lejn dawn iż-żewġ ġganti tal-fidi u tilmaħ żewġ Appostli li ħallew il-qawwa tal-Vanġelu tiġri ħielsa fid-dinja, imma dan setgħu jagħmluh biss għax qabel ġew meħlusa huma mil-laqgħa tagħhom ma’ Kristu. Hu ma ġġudikahomx, ma umiljahomx, imma daħal f’ħajjithom bi mħabba u qrubija, weżinhom bl-istess talb tiegħu u, xi kultant, billi wissiehom bi tħeġġiġa għall-bidla. Lil Pietru, Ġesù jgħidlu bi ħlewwa: “Jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa” (Lq 22:32); lil Pawlu jistaqsih: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Hekk Ġesù jagħmel magħna wkoll: jiżgurana mill-qrubija tiegħu billi jitlob għalina u jidħol għalina quddiem il-Missier; u jċanfarna bil-ħlewwa meta niżbaljaw, biex nistgħu nerġgħu nsibu l-qawwa li nqumu fuq saqajna u nkomplu mexjin.

 

Meta nħallu lill-Mulej imissna, aħna wkoll niġu meħlusa. U dejjem għandna bżonn niġu meħlusa, għax Knisja ħielsa biss hija Knisja kredibbli. Bħal Pietru, aħna msejħin inkunu ħielsa mis-sens ta’ telfa quddiem is-sajda tagħna li spiss tkun falliment; biex inkunu ħielsa mill-biża’ li jipparalizzana u jwerwirna, u jagħlaqna fiċ-ċertezzi tagħna u jisirqilna l-kuraġġ tal-profezija. Bħal Pawlu, aħna msejħin inkunu ħielsa mill-ipokreziji tal-esterjorità; biex inkunu ħielsa mit-tentazzjoni li nimponu ruħna bil-qawwa tad-dinja minflok bid-dgħufija li tagħmel wisa’ għal Alla; ħielsa minn osservanza reliġjuża li tagħmilna riġidi u inflessibbli; ħielsa mir-rabtiet ambigwi mal-poter u mill-biża’ li ma ninftiehmux u niġu attakkati.

 

Pietru u Pawlu jagħtuna x-xbieha ta’ Knisja fdata f’idejna, imma mmexxija mill-Mulej b’fedeltà u ħlewwa – huwa hu li jmexxi lill-Knisja –; ta’ Knisja dgħajfa, imma mqawwija mill-preżenza ta’ Alla; ix-xbieha ta’ Knisja meħlusa li tista’ toffri lid-dinja dak il-ħelsien li waħidha ma jistax ikollha: il-ħelsien mid-dnub, mill-mewt, mir-rassenjazzjoni, mis-sens tal-inġustizzja, mit-telfa tat-tama li tkerrah il-ħajja tal-bnedmin ta’ żmienna.

 

Ejjew nistaqsu lilna nfusna llum, f’din iċ-ċelebrazzjoni u wara, nistaqsu: il-bliet tagħna, is-soċjetajiet tagħna, id-dinja tagħna, kemm għandhom bżonn ta’ ħelsien? Kemm ktajjen jiġu mkissra u kemm bibien magħluqa għandhom jinfetħu! Aħna nistgħu nkunu kollaboraturi ta’ dan il-ħelsien, imma biss jekk l-ewwel nett inħallu jeħlisna l-ġdid ta’ Ġesù u nimxu fil-ħelsien tal-Ispirtu s-Santu.

 

Illum ħutna l-Arċisqfijiet jirċievu l-Pallju. Dan is-sinjal ta’ għaqda ma’ Pietru jfakkar fil-missjoni tar-ragħaj li jagħti ħajtu għall-merħla. Huwa billi jagħti ħajtu li r-Ragħaj, meħlus minnu nnifsu, isir strument ta’ ħelsien għal ħutu. Illum għandna magħna d-Delegazzjoni tal-Patrijarkat Ekumeniku, mibgħuta f’din l-okkażjoni mill-għażiż ħuna Bartilmew: il-preżenza mogħġuba tagħkom hija sinjal prezzjuż ta’ għaqda fil-mixja ta’ ħelsien mid-distanzi li skandalożament qed iżommu mifruda lil dawk li jemmnu fi Kristu. Grazzi tal-preżenza tagħkom.

 

Nitolbu għalikom, għar-Ragħajja, għall-Knisja, għalina lkoll: biex, meħlusa minn Kristu, nistgħu nkunu appostli ta’ ħelsien fid-dinja kollha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard