KONĊISTORJU ORDINARJU PUBBLIKU

GĦALL-KREAZZJONI TA’ 13-IL KARDINAL

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020

 

Ġesù u d-dixxipli kienu fit-triq, mexjin fit-triq. It-triq hija l-ambjent li tih tiżvolġi x-xena mfissra mill-evanġelista Marku (ara 10:32-45). U hi l-ambjent li fih dejjem tiżvolġi l-mixja tal-Knisja: it-triq tal-ħajja, tal-istorja, li hi storja ta’ salvazzjoni skont kemm hi magħmula ma’ Kristu, orjentata lejn il-Misteru tal-Għid tiegħu. Ġerusalemm dejjem tinsab quddiemna. Is-Salib u l-Qawmien huma parti mill-istorja tagħna, huma l-illum tagħna, imma huma wkoll dejjem id-destinazzjoni tal-mixja tagħna.

 

Din il-Kelma tal-Vanġelu ta’ sikwit sieħbet il-Konċistorji għall-kreazzjoni ta’ Kardinali ġodda. Mhijiex biss “sfond”, hi “indikazzjoni għal mixja” li aħna, illum, mexjin flimkien ma’ Ġesù, li jimxi qabilna fit-triq. Huwa l-qawwa u s-sens tal-ħajja tagħna u tal-ministeru tagħna.

 

Għalhekk, għeżież Ħuti, illum imiss lilna nkejlu lilna nfusna ma’ din il-Kelma.

 

Marku jgħidilna li, matul it-triq, id-dixxipli “kienu mgħaġġbin […] kienu mbeżżgħin” (v. 32). Imma għaliex? Għax kienu jafu x’kien hemm jistenniehom Ġerusalemm; qalbhom ħebrithom, anzi, kienu jafu, għax Ġesù diġà kien kellimhom dwar hekk b’mod miftuħ iżjed minn darba. Il-Mulej jaf kif kienu qed iħossuhom dawk li kienu mexjin warajh, u dan ma ħalliehx indifferenti. Ġesù ma jitlaq qatt lil ħbiebu; qatt ma jwarrabhom. Imqar meta jidher li miexi dritt fi triqtu, dan hu dejjem jagħmlu għalina. U dak kollu li jagħmel, jagħmlu għalina, għas-salvazzjoni tagħna. U, fil-każ speċifiku tat-Tnax, dan jagħmlu biex iħejjihom għall-prova, biex jistgħu jkunu miegħu, issa, u fuq kollox wara, meta hu ma kienx sa jibqa’ iżjed f’nofshom. Biex ikunu dejjem miegħu fit-triq.

 

Billi kien jaf li l-qalb tad-dixxipli kienet imħawda, Ġesù sejjaħ lit-Tnax għalihom waħidhom u, “reġa’” qalilhom “x’kien se jgħaddi minn għalih” (v. 32). Smajnieh: hija t-tielet tħabbira tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Din hija t-triq tal-Iben ta’ Alla. It-triq tal-Qaddej tal-Mulej. Ġesù jitwaħħad ma’ din it-triq, tant li hu nnifsu hu din it-triq. “Jiena t-triq” (Ġw 14:6). Din it-triq, u mhux oħra.

 

U hawn tinqaleb ix-xena kollha, fejn tinbidel is-sitwazzjoni u Ġesù jkun jista’ juri lil Ġakbu u Ġwanni – imma fir-realtà lill-Appostli kollha u lilna lkoll – id-destin li hemm jistenniehom. Nistħajlu x-xena: Ġesù, wara li mill-ġdid fisser dak li kellu jgħaddi minnu f’Ġerusalemm, iħares tajjeb f’wiċċ it-Tnax, għajnejh f’għajnejhom, bħallikieku biex jgħidilhom: “Ċara biżżejjed?”. Imbagħad jerġa’ jaqbad il-mixja, f’ras il-grupp. U mill-grupp joħorġu tnejn, Ġakbu u Ġwanni. Jersqu lejn Ġesù u jesprimulu x-xewqa tagħhom: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek” (v. 37). U din hi triq oħra. Mhijiex it-triq ta’ Ġesù, hija oħra. Hija t-triq ta’ min, forsi mingħajr ma jintebaħ, “juża” lill-Mulej biex jippromovi lilu nnifsu; ta’ min – kif jgħid San Pawl – ifittex l-interessi tiegħu u mhux dawk ta’ Kristu (ara Fil 2:21). Fuq dan Santu Wistin għandu dak id-Diskors stupend fuq ir-ragħajja  (n. 46), li dejjem jagħmlilna tajjeb nerġgħu naqrawh fl-Uffiċċju tal-Qari.

 

Ġesù, wara li sema’ lil Ġakbu u Ġwanni, ma jeħodhiex bi kbira, ma jirrabjax. Il-paċenzja tiegħu hi tassew bla tarf. Anki magħna ħa, qed jieħu, u għad jieħu paċenzja. U jwieġeb: “Ma tafux x’intom titolbu” (v. 38). Jiskużahom, f’ċertu sens, imma fl-istess waqt jakkużahom: “Intom m’intomx tintebħu li qegħdin barra mit-triq”. Fil-fatt, dritt wara, l-għaxra l-oħra wrew, bir-reazzjoni ta’ stmerrija tagħhom għal ulied Żebedew, kemm kollha kemm huma kienu ttentati joħorġu barra mit-triq.

 

Għeżież Ħuti, ilkoll kemm aħna nħobbuh lil Ġesù, ilkoll kemm aħna rridu nimxu warajh, imma rridu dejjem nishru biex nibqgħu fit-triq. Għax b’riġlejna, b’ġisimna nistgħu nkunu miegħu, imma qalbna taf tkun imbiegħda minnu, u teħodna barra mit-triq. Biżżejjed naħsbu f’tant xejriet ta’ korruzzjoni fil-ħajja saċerdotali. Hekk, ngħidu aħna, l-ilbies aħmar ta’ kardinal, li hu lewn id-demm, jista’ jsir, minħabba fl-ispirtu mondan, dak ta’ distinzjoni eminenti. U int ma tibqax iżjed ir-ragħaj qrib tal-poplu, tħossok li int biss “l-eminenza”. Meta tħoss hekk, tkun ħriġt barra mit-triq.

 

F’dan ir-rakkont tal-Vanġelu, dak li dejjem jolqotna hu l-kuntrast qawwi bejn Ġesù u d-dixxipli. Ġesù dan jafu, jagħrfu, u jissaportih. Imma l-kuntrast hemm jibqa’: hu fit-triq, huma barra mit-triq. Żewġ mixjiet li ma jistgħux jaqblu ma’ xulxin. Il-Mulej biss, fir-realtà, jista’ jsalva lil ħbiebu mifxula u fir-riskju tat-telfien, is-Salib u l-Qawmien tiegħu biss. Għalihom, iktar milli għal kulħadd, huwa jitla’ Ġerusalemm. Għalihom, u għal kulħadd, qasam ġismu u xerred demmu. Għalihom, u għal kulħadd, qam mill-mewt, u bid-don tal-Ispirtu s-Santu ħafrilhom u bidilhom. U fl-aħħar qegħedhom mexjin fit-triq.

 

San Mark – u bħalu Mattew u Luqa – daħħal dan ir-rakkont fil-Vanġelu tiegħu għax huwa Kelma li ssalva, Kelma meħtieġa għall-Knisja ta’ kull żmien. Imqar jekk it-Tnax jaqtgħu figura kerha, dan it-test daħal fil-Kanoni għax juri l-verità fuq Ġesù u fuqna. Huwa Kelma ta’ ġid għalina wkoll illum. Anki aħna, Papa u Kardinali, jeħtieġ dejjem naraw lilna nfusna bħal f’mera f’din il-Kelma ta’ verità. Hi xabla msinna, li taqta’, u li tweġġa’, imma fl-istess ħin tfejjaqna, teħlisna, tikkonvertina. Din hi sewwasew il-konverżjoni: li minn barra mit-triq nidħlu fit-triq ta’ Alla.

 

Ħa jagħtina l-Ispirtu s-Santu, illum u dejjem, din il-grazzja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard