QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Il-Ħadd 28 ta’ Mejju 2023

 

Il-Kelma ta’ Alla llum turina l-Ispirtu s-Santu fl-azzjoni. Narawh jaħdem fi tliet mumenti: fid-dinja li hu ħalaq, fil-Knisja u fi qlubna.

 

1. Qabelxejn fid-dinja li hu ħalaq, fil-ħolqien. Sa mill-bidu l-Ispirtu s-Santu jaħdem: “Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu”, tlabna mas-Salm (104:30). Fil-fatt, huwa creator Spiritus (ara Santu Wistin, In Ps., XXXII, 2,2), Spirtu ħallieq: hekk il-Knisja ilha ssejjaħlu għal sekli sħaħ. Imma, nistgħu nistaqsu, x’jagħmel l-Ispirtu fil-ħolqien tad-dinja? Jekk kollox jibda mill-Missier, jekk kollox hu maħluq permezz tal-Iben, liema hu r-rwol speċifiku tal-Ispirtu? Missier kbir tal-Knisja, San Bażilju, kiteb hekk: “Jekk tipprova twarrab lill-Ispirtu mill-ħolqien, il-ħwejjeġ kollha jitħalltu u l-ħajja tagħhom tidher bla liġi, bla ordni” (Spir., XVI, 38). Dan hu r-rwol tal-Ispirtu: huwa Dak li, fil-bidu u f’kull żmien, jgħaddi r-realtajiet maħluqa mid-diżordni għall-ordni, mid-dispersjoni għall-koeżjoni, mill-konfużjoni għall-armonija. Dan il-mod ta’ kif jaħdem nibqgħu narawh dejjem, fil-ħajja tal-Knisja. F’kelma waħda huwa jagħti lid-dinja armonija; hekk “imexxi l-medda taż-żminijiet u jġedded wiċċ l-art” (Gaudium et spes, 26; Salm 104:30). Iġedded il-wiċċ tal-art, imma attenti: mhux billi jibdel ir-realtà, imma billi jqegħidha f’armonija; dan huwa l-istil tiegħu għax huwa fih innifsu hu armonija: Ipse harmonia est (ara San BażiljuIn Ps., 29,1), jgħid wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja.

 

Illum fid-dinja hawn tant tilwim, tant firdiet. Aħna lkoll marbuta ma’ xulxin, u safrattant ninsabu tant mifruda bejnietna, illuppjati mill-indifferenza u mgħaffġa mis-solitudni. Tant gwerer, tant ġlied: inkredibbli kemm ħażen kapaċi jagħmel il-bniedem! Imma, fir-realtà, ikabbar l-ostilitajiet tagħna hemm l-ispirtu tal-firda, ix-xitan, li ismu jfisser proprju “dak li jifred”. Iva, dak li jiġi qabel u wara l-ħażen tagħna, il-firdiet ta’ bejnietna, hu l-ispirtu ħażin, “il-qarrieq tad-dinja kollha” (Apok 12:9). Hu jgawdi minn fuq l-antagoniżmi, l-inġustizzji, il-kalunnji, dik l-għaxqa tiegħu. U, quddiem il-ħażen tat-tilwim, l-isforzi tagħna biex nibnu l-armonija mhumiex biżżejjed. Araw allura kif il-Mulej, fil-quċċata tal-Għid tiegħu, fil-qofol tas-salvazzjoni, isawwab fuq id-dinja maħluqa l-Ispirtu tajjeb tiegħu, l-Ispirtu s-Santu, li jeħodha kontra l-ispirtu li jifred għaliex huwa armonija, hu Spirtu ta’ għaqda li jġib il-paċi. Ejjew insejħulu ta’ kuljum fuq id-dinja tagħna, fuq il-ħajja tagħna u quddiem kull xorta ta’ firda!

 

2. Barra fil-ħolqien, narawh jaħdem fil-Knisja, ibda minn dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin. Imma ninnutaw li l-Ispirtu ma jibdiex il-Knisja billi jagħti istruzzjonijiet u normi lill-komunità, imma billi jinżel fuq kull wieħed mill-Appostli: kull wieħed jirċievi grazzji partikulari u kariżmi differenti. Din il-pluralità kollha ta’ doni differenti tista’ ġġib konfużjoni, imma l-Ispirtu, bħal fil-ħolqien, ibda proprju mill-pluralità, iħobb joħloq armonija. L-armonija tiegħu mhijiex ordni impost u omologu, le; fil-Knisja hemm ordni “organizzat skont id-diversità tad-doni tal-Ispirtu” (San Bażilju, Spir., XVI, 39). Fil-fatt, f’Għid il-Ħamsin jinżel f’tant ilsna ta’ nar: jagħti lil kull wieħed il-ħila li jitkellem b’ilsna oħra (ara Atti 2:4) u li jisma’ l-lingwa tiegħu mitkellma mill-oħrajn (ara Atti 2:6,11). Għalhekk ma joħloqx lingwa ugwali għal kulħadd, ma jeqridx id-differenzi, il-kulturi, imma jarmonizza kollox mingħajr ma jġib kollox bħal xulxin, bla ma jagħmel kollox uniformi. U dan għandu jġagħalna naħsbu f’dan il-mument, li fiha it-tentazzjoni tal-“indjetriżmu” tipprova ġġib kollox l-istess f’dixxiplini tad-dehra biss, bla sustanza. Nibqgħu fuq dan l-aspett, fuq l-Ispirtu li ma jibdiex minn proġett strutturat, kif kieku konna nagħmlu aħna, li spiss imbagħad nintilfu fil-programmi tagħna; le, hu jibda billi jqassam doni b’xejn u bil-kotra. Fil-fatt, f’Għid il-Ħamsin, jisħaq it-test, “imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 2:4). Imtlew ilkoll, hekk tibda l-ħajja tal-Knisja: mhux minn xi pjan preċiż u artikulat, imma billi daqu l-istess imħabba ta’ Alla. L-Ispirtu hekk joħloq l-armonija, jistedinna nistagħġbu bi mħabbtu u bid-doni tiegħu preżenti fl-oħrajn. Kif qalilna San Pawl: “Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu […] Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12:4,13). Nara lil kull wieħed u waħda minn ħuti fil-fidi bħala parti mill-istess ġisem li nagħmel parti minnu: din hija l-ħarsa armonjuża tal-Ispirtu, din hi l-mixja li jurina!

 

U s-Sinodu li għaddej huwa – u għandu jkun – mixja skont l-Ispirtu: mhux parlament biex naraw xi drittijiet jew bżonnijiet huma tagħna skont l-aġenda tad-dinja, mhux l-okkażjoni biex immorru fejn jeħodna r-riħ, imma l-opportunità biex inkunu doċli għan-nifs tal-Ispirtu. Għax, fil-baħar tal-istorja, il-Knisja ssalpa biss bih magħha, hu li hu “r-ruħ tal-Knisja” (San Pawlu VI, Diskors lill-Kulleġġ Sagru għall-Awguri onomastiċi, 21 ta’ Ġunju 1976), il-qalb tas-sinodalità, il-mutur tal-evanġelizzazzjoni. Mingħajru l-Knisja tkun bla ħajja, il-fidi tkun biss duttrina, il-morali tkun biss dmir, il-pastorali tkun biss xogħol. Xi drabi nisimgħu l-hekk imsejħa ħassieba, teologi, li jagħtuna duttrini kiesħa, donnhom matematiċi, għax jonqos l-Ispirtu minn ġewwa. Imma miegħu, il-fidi ssir ħajja, l-imħabba tal-Mulej tirbaħna u t-tama titwieled mill-ġdid. Ejjew nerġgħu nqiegħdu lill-Ispirtu s-Santu fil-qalba tal-Knisja, inkella l-qalb tagħna ma tkunx imħeġġa mill-imħabba għal Ġesù, imma għalina nfusna. Ejjew inqiegħdu lill-Ispirtu fil-bidu u fil-qalba tal-ħidmiet sinodali. Għax “tiegħu, fuq kollox, għandha bżonn il-Knisja! Ħa ngħidulu mela ta’ kuljum: Ejja!” (ara Pawlu VI, Udjenza ġenerali, 29 ta’ Novembru 1972). U nimxu flimkien, għax l-Ispirtu, bħal f’Għid il-Ħamsin, iħobb jinżel waqt li “kulħadd ikun flimkien” (ara Atti 2:1). Iva, biex juri lilu nnifsu lid-dinja huwa għażel il-mument u l-post meta lkoll kienu flimkien. Il-Poplu ta’ Alla, biex ikun mimli bl-Ispirtu, għandu għalhekk jimxi flimkien, jagħmel sinodu. Hekk tiġġedded l-armonija fil-Knisja: nimxu flimkien bl-Ispirtu fiċ-ċentru. Ħuti, ejjew nibnu l-armonija fil-Knisja!

 

3. Fl-aħħar nett l-Ispirtu jagħmel armonija fil-qlub tagħna. Narawh fil-Vanġelu, fejn Ġesù, dakinhar tal-Għid filgħaxija, jonfoħ fuq id-dixxipli tiegħu: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 20:22). Jagħtihulhom għal skop preċiż: biex jaħfer id-dnubiet, jiġifieri biex iħabbeb mill-ġdid l-erwieħ, biex jarmonizza l-qlub imċarrta mill-ħażen, imfarrka mill-ġrieħi, mifruda minn xulxin minħabba s-sens ta’ ħtija. L-Ispirtu biss jerġa’ jġib l-armonija fil-qalb, għax huwa dak li joħloq “l-intimità ma’ Alla” (San Bażilju, Spir., XIX, 49). Jekk irridu l-armonija ejjew infittxu lilu, u mhux ħwejjeġ mondani biex jimlewna. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ta’ kuljum, nibdew nitolbuh ta’ kuljum, insiru doċli għalih!

 

U llum, fil-festa tiegħu, nistaqsu lilna nfusna: jiena doċli għall-armonija tal-Ispirtu? Jew infittex il-proġetti tiegħi, l-ideat tiegħi, mingħajr ma nħalli lilu jagħġinni u jibdilni? Il-mod tiegħi ta’ kif ngħix il-fidi huwa doċli għall-Ispirtu, jew rasi iebsa? Marbut b’ebusija ta’ ras mal-ittri, mal-hekk imsejħa duttrini li huma biss espressjonijiet kiesħa tal-ħajja? Ngħaġġel niġġudika, nipponta sebgħi u nsabbat il-bibien f’wiċċ l-oħrajn, u naħseb li jiena vittma ta’ kulħadd u ta’ kollox? Jew inkella nilqa’ l-qawwa ħallieqa u armonjuża tiegħu, nilqa’ l-“grazzja tal-flimkien” li hu jnebbaħ, il-maħfra tiegħu li tagħti l-paċi? U jiena naħfer? Il-maħfra tfisser li tagħmel wisa’ ħalli jidħol l-Ispirtu. Nippromovi r-rikonċiljazzjoni u noħloq il-komunjoni, jew dejjem infittex u ndeffes imnieħri hemm fejn hemm id-diffikultajiet biex nitkellem ħażin fuq l-oħrajn, biex nifred, biex neqred? Naħfer, nippromovi r-rikonċiljazzjoni, noħloq il-komunjoni? Jekk id-dinja hi mifruda, jekk il-Knisja hi bil-partiti, jekk il-qalb hi maqsuma, ejjew ma nitilfux ħin nikkritikaw lill-oħrajn u nirrabjaw magħna nfusna, imma nitolbu lill-Ispirtu: hu kapaċi jsolvi dawn il-ħwejjeġ.

 

Spirtu s-Santu, Spirtu ta’ Ġesù u tal-Missier, għajn bla tarf ta’ armonija, lilek nafdawlek id-dinja, nikkonsagrawlek il-Knisja u l-qlub tagħna. Ejja, Spirtu ħallieq, armonija tal-umanità, ġedded il-wiċċ tal-art. Ejja, Don tad-doni, armonija tal-Knisja, agħmel li nkunu magħqudin fik. Ejja, Spirtu tal-maħfra, armonija tal-qalb, ibdilna kif taf int, permezz ta’ Marija.

  

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard