ĦAMIS IX-XIRKA

“L-IKLA TAL-MULEJ” – QUDDIESA TAL-VESPRI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Casa Circondariale Femminile di Rebibbia, Ruma

Ħamis ix-Xirka, 28 ta’ Marzu 2024

 

F’dan il-mument tal-ikla, hemm żewġ episodji li jiġbdu l-attenzjoni tagħna. Il-ħasil tar-riġlejn ta’ Ġesù: Ġesù jiċċekken, u b’dan il-ġest jurina x’kien qal: “Jiena ma ġejtx biex inkun moqdi, imma biex naqdi” (ara Mk 10:45). Jgħallimna t-triq tal-qadi.

 

L-episodju l-ieħor – ta’ swied il-qalb – hu t-tradiment ta’ Ġuda li mhux kapaċi jibqa’ jħobb, u mbagħad il-flus, l-egoiżmu iwassluh għal din il-ħaġa kerha. Imma Ġesù jaħfer kollox. Ġesù jaħfer dejjem. Jitlob biss li aħna nitolbu l-maħfra.

 

Darba, smajt waħda xwejħa, għarfa, nanna xwejħa, mill-poplu… Qalet hekk: “Ġesù ma jegħja qatt jaħfer: aħna li negħjew nitolbu maħfra”. Nitolbu llum lill-Mulej il-grazzja li ma negħjewx.

 

Dejjem, ilkoll kemm aħna jkollna fallimenti żgħar, fallimenti kbar: kull wieħed u waħda għandu l-istorja tiegħu. Imma l-Mulej dejjem jistenniena, b’dirgħajh miftuħa, u ma jegħja qatt jaħfer.

 

Issa se nagħmlu l-istess ġest li għamel Ġesù: naħslu r-riġlejn. Hu ġest li jiġbed l-attenzjoni fuq il-vokazzjoni tal-qadi. Nitolbu lill-Mulej li jgħinna nikbru, ilkoll kemm aħna, fil-vokazzjoni tal-qadi.

 

Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard